Mistoqsijiet mill-Qarrejja
“Ir-raġel li jiġi mill-qrib minn Elimelek” għala qal li se ‘jagħmel ħsara’ lill-wirt tiegħu jekk jiżżewweġ lil Rut? (Rut 4:1, 6)
Fiż-żminijiet tal-Bibbja, jekk raġel imut u ma jkollux tfal, x’kien jiġri mill-art li jkollu? L-isem tal-familja kien jintilef? Il-Liġi Mosajka kienet twieġeb dawn il-mistoqsijiet.
X’kien jiġri mill-art taʼ raġel li jkun miet jew li sar fqir u kellu jbigħha? Wieħed minn ħutu jew xi ħadd jiġi minnu setaʼ jifdi, jew jixtri, din l-art. B’hekk, l-art kienet tibqaʼ fil-familja.—Lev. 25:23-28; Num. 27:8-11.
Dan kif għamilha possibbli biex isem ir-raġel li miet ma jispiċċax? Billi l-armla tiżżewweġ lil ħu r-raġel, bħalma ġara fil-każ taʼ Rut. Raġel setaʼ jiżżewweġ lill-mara taʼ ħuh ħalli jkollha t-tfal. Imma t-tfal kien ikollhom l-isem u l-wirt tar-raġel li miet. Dan l-arranġament kien jgħin ukoll lill-armla.—Dt. 25:5-7; Mt. 22:23-28.
Aħseb fl-eżempju taʼ Nagħomi. Hi żżewġet lil raġel jismu Elimelek. Meta r-raġel tagħha u ż-żewġt itfal mietu, ma kienx hemm raġel fil-familja biex jieħu ħsiebha. (Rut 1:1-5) Meta Nagħomi reġgħet marret Ġuda mal-mara tat-tifel tagħha Rut, hi qaltilha tkellem lil Bogħaż biex jerġaʼ jixtri l-art lura. Hu kien jiġi minn Elimelek. (Rut 2:1, 19, 20; 3:1-4) Imma Bogħaż kien jaf li kien hemm raġel ieħor li kien jiġi iktar mill-qrib. Allura dan ir-raġel kellu d-dritt jixtri l-art qabel Bogħaż.—Rut 3:9, 12, 13.
Għall-ewwel, ir-raġel kien lest li jgħin. (Rut 4:1-4) Hu kien jaf li kellu jonfoq il-flus biex jixtri l-art lura. Imma kien jaf ukoll li Nagħomi kienet kbira biex ikollha t-tfal li setgħu jirtu l-art t’Elimelek. Allura l-art kienet se tiġi tar-raġel u ssir parti mill-wirt tiegħu. B’hekk, kien jidher li jaqbillu.
Imma meta sar jaf li kellu jiżżewweġ lil Rut, hu ddeċieda li ma jixtrix l-art. Hu qal: “Ma nistax nifdiha, għax nistaʼ nagħmel ħsara lill-wirt tiegħi.” (Rut 4:5, 6) Għala reġaʼ bdielu?
Jekk dan ir-raġel jew xi ħadd ieħor kien jiżżewweġ lil Rut, u hi jkollha tifel, dan it-tifel kien jiret l-art t’Elimelek. Dan kif kien ‘jagħmel il-ħsara lill-wirt’ tar-raġel? Il-Bibbja ma tgħidx, imma dawn jistgħu jkunu xi modi.
L-ewwel, hu kien se jitlef il-flus li nefaq biex jixtri l-art t’Elimelek, għax ma kinitx se tibqaʼ tiegħu. Kienet tmur għand it-tifel taʼ Rut.
It-tieni, hu kellu jmantni lil Rut u anki lil Nagħomi.
It-tielet, jekk Rut ikollha t-tfal miegħu, il-wirt kellu jinqasam bejn it-tfal kollha tiegħu.
Ir-rabaʼ, jekk ir-raġel ma kellux tfal oħra, it-tifel taʼ Rut kien se jiret l-art tiegħu u anki t’Elimelek. Allura meta jmut, l-art tiegħu kienet tmur għand tifel bl-isem t’Elimelek mhux tiegħu. B’hekk, ir-raġel ma kienx lest li jitlef il-wirt tiegħu biex jgħin lil Nagħomi. Hu pprefera li Bogħaż, li kien imissu warajh biex jixtri l-art, jieħu din ir-responsabbiltà. Bogħaż aċċetta għax ried li “l-wirt jibqaʼ fuq isem il-mejjet.”—Rut 4:10.
Milli jidher dan ir-raġel kien iktar interessat li jibqaʼ jissemma ismu u li jżomm il-wirt tiegħu. Hu kien egoist. Għalkemm ried li ismu jibqaʼ jissemma, illum lanqas nafu min hu. Hu tilef ukoll il-privileġġ speċjali li kellu Bogħaż, li jsir wieħed mill-antenati tal-Messija, Ġesù Kristu. X’opportunità tilef dan ir-raġel talli kien egoist u m’għenx lil xi ħadd fil-bżonn!—Mt. 1:5; Lq. 3:23, 32.