Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 13

Uża l-Ħolqien Biex Tgħallem lit-Tfal Dwar Ġeħova

Uża l-Ħolqien Biex Tgħallem lit-Tfal Dwar Ġeħova

“Min ħalaqhom dawn l-affarijiet?”—IS. 40:26.

GĦANJA 11 Il-ħolqien ifaħħar lil Alla

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1. Il-ġenituri x’jixtiequ għat-tfal?

 ĠENITURI, aħna nafu li intom tixtiequ tgħinu lit-tfal tagħkom isiru jafu u jħobbu lil Ġeħova. Imma peress li lil Alla ma jistgħux jarawh, kif tistgħu tgħinuhom biex iqisuh bħala persuna reali u jersqu qrib tiegħu?—Ġak. 4:8.

2. Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu lit-tfal tagħhom jitgħallmu dwar il-kwalitajiet taʼ Ġeħova?

2 Mod importanti kif tgħinu lit-tfal tagħkom jersqu qrib Ġeħova hu billi tistudjaw il-Bibbja magħhom. (2 Tim. 3:14-17) Imma l-Bibbja turina mod ieħor kif nistgħu ngħinu lit-tfal jitgħallmu dwar Ġeħova. Fil-ktieb taʼ Proverbji, missier ifakkar lit-tifel tiegħu biex qatt ma jinsa l-kwalitajiet taʼ Ġeħova li jistaʼ jara fil-ħolqien. (Prov. 3:19-21) F’dan l-artiklu se niddiskutu xi modi kif il-ġenituri jistgħu jużaw il-ħolqien biex jgħinu lit-tfal tagħhom jitgħallmu dwar il-personalità taʼ Ġeħova.

KIF TISTAʼ TUŻA L-ĦOLQIEN BIEX TGĦALLEM LIT-TFAL TIEGĦEK?

3. Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu lit-tfal tagħhom?

3 Il-Bibbja tgħid li “l-kwalitajiet inviżibbli [t’Alla] . . . kienu jidhru ċar mill-ħolqien tad-dinja ’l quddiem, għax jintgħarfu mill-affarijiet li nħolqu.” (Rum. 1:20) Ġenituri x’aktarx li intom tieħdu pjaċir tmorru mat-tfal tagħkom fil-kampanja. Użaw dak il-ħin biex tgħinu lit-tfal jaraw il-kwalitajiet sbieħ taʼ Ġeħova “mill-affarijiet li nħolqu.” Ejja naraw x’jistgħu jitgħallmu l-ġenituri mill-mod kif għallem Ġesù.

4. Ġesù kif uża l-ħolqien biex jgħallem lid-dixxipli? (Luqa 12:24, 27-30)

4 Innota kif Ġesù uża l-ħolqien biex jgħallem. Darba waħda, hu qal lid-dixxipli tiegħu biex jinnotaw liċ-ċawluni u l-fjuri. (Aqra Luqa 12:24, 27-30.) Ġesù setaʼ għażel li jitkellem dwar affarijiet oħra li ħalaq Ġeħova, imma għażel għasafar u fjuri li d-dixxipli kienu familjari magħhom. Id-dixxipli x’aktarx li kienu jaraw iċ-ċawluni jtiru u l-fjuri fl-għelieqi. Tistaʼ timmaġina lil Ġesù jipponta lejhom waqt li qed jitkellem? U Ġesù x’għamel wara li tkellem dwarhom? Hu għallem lezzjoni importanti lid-dixxipli tiegħu dwar il-ġenerożità u l-qalb tajba li għandu Ġeħova. Ġeħova jieħu ħsieb il-qaddejja leali tiegħu bħalma jagħmel liċ-ċawluni u l-fjuri.

5. Il-ġenituri kif jistgħu jużaw il-ħolqien biex jgħallmu lit-tfal tagħhom dwar Ġeħova?

5 Ġenituri, meta tkunu qed tgħallmu lit-tfal tagħkom, kif tistgħu timitaw lil Ġesù? Tistaʼ titkellem mat-tfal tiegħek dwar xi ħaġa li togħġbok mill-ħolqien taʼ Ġeħova, bħal xi annimal jew pjanta. Meta titkellem mat-tfal dwar dawn l-affarijiet, għandek tispjegalhom x’jgħallmuna dwar Ġeħova. Imbagħad tistaʼ tistaqsi lit-tfal x’inhu l-annimal jew il-pjanta favorita tagħhom. Jekk titkellem magħhom dwar xi ħaġa li jieħdu pjaċir biha, x’aktarx li se jisimgħuk iktar meta tgħallimhom dwar Ġeħova.

6. X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju t’omm Christopher?

6 Għandhom il-ġenituri jqattgħu ħafna ħin ifittxu dwar l-annimali u l-pjanti biex jgħallmu lit-tfal tagħhom dwar Ġeħova? M’hemmx għalfejn. Ġesù ma ħax ħafna ħin biex joqgħod jispjega kif jieklu ċ-ċawluni jew kif jikbru l-fjuri. Anki jekk it-tfal tiegħek jieħdu pjaċir ikunu jafu dettalji żgħar dwar l-affarijiet li ħalaq Ġeħova, xi kultant bi ftit kliem jew b’mistoqsija tistaʼ tgħinhom jifhmu l-punt. Aħseb dwar dak li baqaʼ jiftakar ħu jismu Christopher: “Ommi kienet issemmi xi ħaġa żgħira biex tgħinna napprezzaw il-ħolqien taʼ madwarna. Pereżempju, meta konna nkunu fejn il-muntanji, hi kienet tgħidilna, ‘Araw kemm huma kbar u sbieħ dawk il-muntanji! Kemm hu tal-għaġeb hux Ġeħova?’ U meta konna nkunu fejn il-baħar, hi kienet tgħidilna: ‘Araw il-mewġ kemm hu b’saħħtu! X’qawwa għandu Ġeħova!’” Christopher jgħid: “Dawk l-affarijiet żgħar imma importanti li kienet tgħidilna ommi ġegħluna naħsbu.”

7. Kif tistaʼ tgħallem lit-tfal tiegħek jaħsbu dwar il-ħolqien?

7 Meta t-tfal tiegħek jibdew jikbru, tistaʼ tgħallimhom jibdew jaħsbu dwar il-ħolqien u jitgħallmu dwar Ġeħova. Tistaʼ ssib xi ħaġa li ħalaq Ġeħova u ssaqsi lit-tfal, “Din x’tgħallmek dwar Ġeħova?” Taf tkun sorpriż meta tismaʼ dak li jgħidulek.—Mt. 21:16.

META TISTAʼ TUŻA L-ĦOLQIEN BIEX TGĦALLEM LIT-TFAL?

8. L-Iżraelin x’opportunità kellhom meta kienu jkunu qed jivvjaġġaw?

8 L-Iżraelin kellhom jgħallmu l-kmandamenti lit-tfal tagħhom huma u mexjin “fit-triq.” (Dt. 11:19) Ħafna mit-toroq taʼ Iżrael kienu fil-kampanja. Huma kienu jaraw annimali, għasafar, u fjuri differenti. Meta l-familji Iżraelin kienu jkunu qed jivvjaġġaw fit-toroq, il-ġenituri setgħu jitkellmu mat-tfal tagħhom dwar l-affarijiet li ħalaq Ġeħova. Ġenituri, x’aktarx li intom għandkom opportunitajiet simili biex tgħallmu lit-tfal tagħkom. Ara kif għamlu dan xi ġenituri.

9. X’titgħallem minn Punitha u Katya?

9 Omm jisimha Punitha, li toqgħod f’belt kbira l-Indja, qalet: “Meta mmorru naraw lil tal-familja li joqogħdu fil-kampanja, niħduha bħala opportunità biex ngħallmu lit-tfal dwar il-ħolqien taʼ Ġeħova. Inħoss li hawnhekk it-tfal jifhmuni iżjed meta nitkellem dwar il-ħolqien milli meta nkunu fil-belt fl-istorbju u t-traffiku.” Ġenituri, it-tfal probabbli qatt mhu se jinsew il-ħin li tqattgħu magħhom f’post sabiħ. Katya, oħt mill-Moldova, qalet: “L-iżjed li niftakar minn meta kont żgħira hu meta kont inqattaʼ l-ħin mal-familja fil-kampanja. Jien nirringrazzjahom li minn meta kont żgħira għallmuni nieqaf u nara l-kwalitajiet taʼ Ġeħova fl-affarijiet li ħalaq.”

Anki jekk tgħix f’belt, tistaʼ ssib affarijiet li ħalaq Ġeħova u tgħallem lit-tfal dwaru (Ara paragrafu 10)

10. Il-ġenituri x’jistgħu jagħmlu jekk hu diffiċli għalihom biex imorru fil-kampanja? (Ara l-kaxxa “ Għajnuna għall-Ġenituri.”)

10 X’tistaʼ tagħmel jekk ma tistax tmur fil-kampanja? Amol, li jgħix l-Indja wkoll, qal: “Fejn noqgħod jien, il-ġenituri jridu jaħdmu ħafna sigħat u biex imorru fil-kampanja tiġihom għolja ħafna. Imma anki fi ġnien żgħir jew f’gallarija tistaʼ tara l-ħolqien taʼ Ġeħova u titkellem dwar il-kwalitajiet tiegħu.” Jekk toqgħod attent, anki viċin tad-dar tiegħek tistaʼ ssib xi ħaġa mill-ħolqien biex tgħallem lit-tfal tiegħek. (Salm 104:24) Tistaʼ ssib għasafar, insetti, pjanti, u affarijiet oħra. Karina, li toqgħod il-Ġermanja, qalet: “Ommi tħobb il-fjuri, għalhekk meta kont żgħira, kienet turini l-fjuri sbieħ li konna naraw waqt li konna nkunu mexjin.” Ġenituri, biex tgħallmu lit-tfal tagħkom tistgħu tużaw ukoll il-vidjows u l-pubblikazzjonijiet li tipprovdi l-organizzazzjoni. Tgħix fejn tgħix, int tistaʼ tgħin lit-tfal tiegħek jinnotaw il-ħolqien t’Alla. Issa ejja naraw xi kwalitajiet taʼ Ġeħova li tistaʼ ssemmi lit-tfal tiegħek.

‘IL-KWALITAJIET INVIŻIBBLI TAʼ ĠEĦOVA JIDHRU ĊAR’

11. Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu lit-tfal jaraw l-imħabba taʼ Ġeħova?

11 Biex tgħin lit-tfal tiegħek jaraw l-imħabba taʼ Ġeħova, tistaʼ tispjegalhom kif l-annimali jieħdu ħsieb iż-żgħar tagħhom. (Mt. 23:37) Int tistaʼ ssemmi wkoll l-affarijiet differenti li tant nieħdu pjaċir bihom fil-ħolqien. Karina, li semmejna qabel, tgħid: “Meta konna mmorru nimxu, ommi kienet tgħidli biex nieqaf u nħares lejn il-fjuri, u ninnota kif is-sbuħija tagħhom turi l-imħabba taʼ Ġeħova. Illum għadni nagħmel hekk, u ninnota l-kuluri tagħhom u kif kull waħda hi differenti minn oħra. Dawn ikomplu jfakkruni kemm iħobbna Ġeħova.”

Int tistaʼ titkellem mat-tfal tiegħek dwar kif inhu magħmul il-ġisem biex tgħallimhom dwar l-għerf taʼ Ġeħova (Ara paragrafu 12)

12. Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu lit-tfal tagħhom jaraw l-għerf t’Alla? (Salm 139:14) (Ara l-istampa.)

12 Għin lit-tfal tiegħek jaraw l-għerf  t’Alla. Ġeħova hu ħafna iktar għaref minna. (Rum. 11:33) Pereżempju, int tistaʼ tispjega kif l-ilma jifforma fi sħab u jimxi minn post għall-ieħor. (Ġob 38:36, 37) Tistaʼ tgħidilhom ukoll dwar il-mod tal-għaġeb kif inhu magħmul il-ġisem. (Aqra Salm 139:14.) Ara x’għamel missier li jismu Vladimir. Hu jgħid: “Darba waħda, it-tifel tagħna waqaʼ minn fuq ir-rota u weġġaʼ. Wara ftit ġranet il-ferita għaddietlu. Jiena u l-mara spjegajnielu li Ġeħova ħalaq il-ġisem b’mod li jfejjaq lilu nnifsu. U għednielu li aħna ma narawx din il-ħaġa fl-affarijiet li jagħmel il-bniedem. Pereżempju, il-karozzi ma jirranġawx lilhom infushom wara inċident. Dan għen lit-tifel tagħna jifhem kemm Ġeħova hu għaref.”

13. Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu lit-tfal tagħhom jaraw il-qawwa t’Alla? (Isaija 40:26)

13 Ġeħova jgħidilna biex inħarsu fis-sema u naħsbu dwar kif il-qawwa tal-għaġeb tiegħu żżomm l-univers f’postu. (Aqra Isaija 40:26.) Int tistaʼ tgħid lit-tfal tiegħek iħarsu fis-sema u jaħsbu dwar dak li jaraw. Oħt mit-Tajwan, li jisimha Tingting, tiftakar xi ħaġa minn meta kienet għadha żgħira: “Darba waħda, ommi ħaditni camping, u stajna naraw ħafna stilel billejl għax ma kienx hemm dawl bħalma jkun hemm fil-belt fejn ngħixu. Dak iż-żmien kien żmien diffiċli minħabba l-pressjoni li kienu jagħmluli sħabi tal-iskola, u kont nibżaʼ li mhux se nibqaʼ naqdi lil Ġeħova. Ommi qaltli biex naħseb dwar il-qawwa li uża Ġeħova biex jagħmel dawk l-istilel u niftakar li hu jistaʼ juża dik il-qawwa biex jgħinni niffaċċja l-provi tiegħi. Meta ħsibt sew dwar il-ħolqien matul dak il-camping, ġejt immotivata biex insir naf aħjar lil Ġeħova u kont determinata li nibqaʼ naqdih.”

14. Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu lit-tfal tagħhom jaraw li Ġeħova hu Alla ferħan?

14 L-affarijiet li ħalaq Ġeħova juruna li hu Alla ferħan u li jridna nkunu ferħanin ukoll. Ix-xjentisti sabu li ħafna mill-annimali jieħdu pjaċir jilagħbu flimkien, inkluż l-għasafar u l-ħut. (Ġob 40:20) It-tfal tiegħek ġieli jidħqu meta jaraw l-annimali jilagħbu? Ġieli raw xi qattus jilgħab bil-ballun tas-suf jew il-klieb jilagħbu flimkien? Meta tara t-tfal tiegħek jidħqu minħabba dak li jagħmlu l-annimali, fakkarhom li aħna naqdu lil Alla ferħan.—1 Tim. 1:11.

ĦUDU PJAĊIR BIL-ĦOLQIEN TAʼ ĠEĦOVA BĦALA FAMILJA

It-tfal tiegħek jistgħu jħossuhom iktar komdi biex jitkellmu dwar kif qed iħossuhom meta tkunu flimkien fil-kampanja (Ara paragrafu 15)

15. X’jistaʼ jgħin lill-ġenituri jkunu jafu dak li qed jaħsbu t-tfal tagħhom? (Proverbji 20:5) (Ara l-istampa.)

15 Xi kultant, il-ġenituri jsibuha diffiċli biex jgħinu lit-tfal tagħhom jitkellmu dwar il-problemi li jkollhom. Jekk din hi s-sitwazzjoni tiegħek, agħmel sforz biex tipprova tifhimhom. (Aqra Proverbji 20:5.) Xi ġenituri jsibuha iktar faċli biex jagħmlu hekk meta jkunu qegħdin fil-kampanja mat-tfal tagħhom. Għala? Raġuni waħda hi għax ma jkunx hemm xi jtellifhom lit-tfal u lill-ġenituri. Missier mit-Tajwan, jismu Masahiko, isemmi raġuni oħra: “Meta nqattgħu l-ħin mat-tfal tagħna barra, bħal meta mmorru fuq il-muntanji jew nimxu mal-baħar, iħossuhom iktar komdi. Għalhekk, insibuha iktar faċli biex ngħinuhom jgħidulna xi jkunu qed jaħsbu.” Katya, li semmejna qabel, tgħid: “Wara l-iskola, ommi spiss kienet toħodni fi ġnien sabiħ. Hemmhekk konna nkunu fil-kwiet, u kont insibha iktar faċli biex ngħidilha xi ġrali l-iskola jew x’kien qed jinkwetani.”

16. Il-familji kif jistgħu jużaw il-ħolqien taʼ Ġeħova biex joqogħdu fil-kwiet u jieħdu pjaċir?

16 Waqt li l-familji jkunu qed jieħdu pjaċir bl-affarijiet li ħalaq Ġeħova, huma jistgħu joqogħdu għall-kwiet u jieħdu pjaċir flimkien. Dan se jgħinhom biex iħobbu iktar lil xulxin. Il-Bibbja tgħid li hemm “żmien li tidħaq” u “żmien li taqbeż ’l hemm u ’l hawn.” (Ekk. 3:1, 4) Ġeħova għamel ħafna postijiet sbieħ fuq l-art fejn aħna nistgħu nagħmlu affarijiet li nieħdu pjaċir bihom. Ħafna familji jieħdu pjaċir ikunu flimkien fil-kampanja jew fejn il-baħar. Xi tfal jieħdu pjaċir jiġru u jilagħbu fil-kampanja, jaraw l-annimali, jew jgħumu. Għandna ħafna opportunitajiet biex ingawdu n-natura u l-affarijiet li ħalaq Ġeħova.

17. Il-ġenituri għala għandhom jgħinu lit-tfal tagħhom biex jieħdu pjaċir bil-ħolqien taʼ Ġeħova?

17 Fid-dinja l-ġdida, il-ġenituri u t-tfal se jkunu jistgħu jgawdu l-ħolqien taʼ Ġeħova b’mod li bħalissa ma jistgħux. F’dak iż-żmien, aħna m’aħniex se nibżgħu mill-annimali, u huma mhux se jibżgħu minna. (Is. 11:6-9) Se nkunu nistgħu ngawdu l-affarijiet li ħalaq Ġeħova għal dejjem. (Salm 22:26) Imma ġenituri, tistennewx sa ma jasal dak iż-żmien biex tgħinu lit-tfal tagħkom jieħdu pjaċir bil-ħolqien. Meta tuża l-ħolqien biex tgħallem lit-tfal tiegħek dwar Ġeħova, x’aktarx li huma se jaqblu mar-Re David li qal: ‘Ġeħova, ħadd m’għamel dak li għamilt int.’—Salm 86:8.

GĦANJA 134 It-tfal huma wirt mingħand Alla

a Ħafna aħwa jiftakru meta kienu jqattgħu l-ħin jieħdu pjaċir bil-ħolqien mal-ġenituri tagħhom. Huma ma nsewx kif il-ġenituri għallmuhom dwar Ġeħova permezz tal-ħolqien. Jekk għandek it-tfal, kif tistaʼ tuża l-ħolqien biex tgħallimhom dwar il-kwalitajiet taʼ Ġeħova? F’dan l-artiklu se nwieġbu din il-mistoqsija.