Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 12

GĦANJA 77 Dawl f’dinja mudlama

Ibqgħu fid-Dawl

Ibqgħu fid-Dawl

“Darba kontu dlam, imma issa sirtu dawl.”EFES. 5:8.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Ħa naraw xi jfisser il-kliem “dlam” u “dawl” li Pawlu uża f’​Efesin kapitlu 5.

1-2. (a) Pawlu f’liema sitwazzjoni kien meta kiteb lill-​Efesin, u għala kitbilhom? (b)  Liema mistoqsijiet se niddiskutu?

 META kien arrestat f’Ruma, l-appostlu Pawlu ried jinkuraġġixxi lill-aħwa. Peress li ma setax imur jarahom, kitbilhom l-ittri. Waħda mill-ittri li kiteb kienet lill-​Efesin madwar is-sena 60 jew 61 wara Kristu (WK).—Efes. 1:1; 4:1.

2 Xi 10 snin qabel, Pawlu għamel xi żmien jipprietka l-aħbar tajba f’Efesu. (Atti 19:​1, 8-10; 20:​20, 21) Hu kien iħobbhom ħafna lill-aħwa u xtaq jgħinhom jibqgħu leali lejn Ġeħova. Imma għala kiteb lill-Kristjani midlukin dwar id-dlam u d-dawl? U l-Kristjani llum x’jistgħu jitgħallmu minn dak li kiteb? F’dan l-artiklu ħa nwieġbu dawn il-mistoqsijiet.

MID-DLAM GĦAD-DAWL

3. Fl-ittra tiegħu lill-​Efesin, Pawlu liema eżempju uża?

3 Lill-Kristjani f’Efesu, Pawlu kitbilhom: “Darba kontu dlam, imma issa sirtu dawl.” (Efes. 5:8) Pawlu hawnhekk uża l-eżempju tad-dlam u d-dawl biex juri lill-​Efesin kemm kienu nbidlu. Ejja naraw għala Pawlu qal li darba l-​Efesin kienu “dlam.”

4. L-​Efesin f’liema sens kienu fid-dlam minħabba r-reliġjon falza?

4 Dlam minħabba r-reliġjon falza. Qabel ma saru Kristjani, l-​Efesin kienu f’reliġjonijiet foloz u jemmnu fil-maġija. Fil-belt taʼ Efesu kien hemm it-tempju tal-alla mara Griega Artemi. Ħafna nies kienu jaraw dan it-tempju bħala wieħed mill-isbaħ bini li qatt inbena. U n-nies kienu jmorru hemm biex iqimu l-istatwi. Nies tas-sengħa kienu jaqilgħu ħafna flus billi jagħmlu u jbigħu statwi tat-tempju u tal-alla Artemi. (Atti 19:​23-27) U ħafna min-nies f’Efesu kienu jipprattikaw il-maġija.—Atti 19:19.

5. L-​Efesin f’liema sens kienu fid-dlam minħabba l-livelli morali?

5 Dlam minħabba l-livelli morali. In-nies f’Efesu kienu immorali ħafna u ma kinux jistħu bil-ħażen li kienu jagħmlu. Ir-reċti li kien ikollhom fit-teatru u l-festi reliġjużi spiss kienu jkunu dwar is-sess. (Efes. 5:3) Ħafna min-nies li kienu jgħixu hemm kienu “tilfu kull sens morali.” Dan il-kliem ifisser li “ma baqgħux iħossu wġigħ.” (Efes. 4:​17-19) Qabel ma l-​Efesin tgħallmu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, il-kuxjenza tagħhom ma kinitx iddejjaqhom meta kienu jagħmlu xi ħaġa ħażina. Huma ma kienx jinteressahom kif kien iħossu Ġeħova b’dak li jagħmlu. Minħabba f’hekk, Pawlu setaʼ jgħidilhom li kienu “qegħdin fi dlam mentali u mbegħdin mill-ħajja li ġejja minn Alla.”

6. Pawlu għala setaʼ jgħid lill-​Efesin li ‘saru dawl’?

6 Xi wħud mill-​Efesin ma baqgħux fid-dlam. Pawlu kiteb: “Issa sirtu dawl għax intom tal-Mulej.” (Efes. 5:8) Issa kienu qed jgħixu skont il-Kelma taʼ Ġeħova, u din kienet bħal dawl biex jiggwidahom. (Salm 119:105) Dawn l-​Efesin kienu telqu t-twemmin tar-reliġjon falza u ma baqgħux jagħmlu affarijiet immorali. Huma bdew ‘jimitaw lil Alla’ u jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex jaqduh u jagħmluh ferħan.—Efes. 5:1.

7. Il-ħajja tagħna kif tixbah lil dik tal-Kristjani Efesin?

7 Bħall-Kristjani Efesin, qabel ma tgħallimna l-verità, aħna wkoll konna fid-dlam minħabba r-reliġjon falza u l-livelli morali. Xi wħud minna kienu jiċċelebraw festi reliġjużi u oħrajn kienu jgħixu ħajja immorali. Imma meta tgħallimna l-livelli taʼ Ġeħova taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, aħna għamilna l-bidliet. Aħna bdejna ngħixu kif jixtieq hu, u minħabba f’hekk gawdejna ħafna barkiet. (Is. 48:17) Imma ma jkunx dejjem faċli li nibqgħu ’l bogħod mid-dlam li tlaqna u ‘nibqgħu mexjin bħala wlied id-dawl.’ Kif nistgħu nagħmlu dan?

Image digitally reproduced with the permission of the Papyrology Collection, Graduate Library, University of Michigan, P.Mich.inv. 6238. Licensed under CC by 3.0

Dak li Pawlu kiteb lill-​Efesin hu parir bi mħabba li aħna nistgħu napplikaw ukoll (Ara paragrafu 7) b


EVITA D-DLAM

8. Skont Efesin 5:​3-5, l-​Efesin x’kellhom jevitaw?

8 Aqra Efesin 5:​3-5. Biex jibqgħu ’l bogħod mid-dlam, il-Kristjani Efesin kellhom jibqgħu jevitaw li jagħmlu affarijiet li ma jogħġbux lil Ġeħova. Dan jinkludi li mhux biss ma jagħmlux l-immoralità sesswali imma anki li ma jużawx kliem immorali u doppju sens. Pawlu fakkar lill-​Efesin li kellhom jevitaw dawn l-affarijiet jekk riedu li jkollhom “wirt fis-saltna tal-Kristu u t’Alla.”

9. Għala rridu noqogħdu attenti ħafna li ma nagħmlu xejn li jistaʼ jwassalna għall-immoralità?

9 Aħna wkoll irridu nkomplu noqogħdu attenti ħafna li ma nagħmlux affarijiet “li huma tad-dlam.” (Efes. 5:11) L-esperjenza turi li meta persuna tara, tismaʼ, jew titkellem dwar affarijiet immorali, ħa jkun hemm iktar ċans li tispiċċa tagħmel dak li hu ħażin. (Ġen. 3:6; Ġak. 1:​14, 15) Pereżempju, f’pajjiż wieħed, grupp kbir taʼ aħwa bdew jibagħtu l-messaġġi fuq group chat fuq is-social media. Għall-ewwel, ħafna minnhom kienu jitkellmu fuq Ġeħova u l-verità. Imma bil-mod il-mod, bdew jitkellmu fuq affarijiet li Ġeħova ma jiħux pjaċir bihom. Il-konversazzjonijiet tagħhom kważi dejjem kienu jkunu dwar is-sess. Iżjed tard, ħafna mill-aħwa qalu li dak li kienu qed jitkellmu fuqu wassalhom biex jagħmlu l-immoralità.

10. Satana xi jridna naħsbu? (Efesin 5:6)

10 Id-dinja taʼ Satana trid iġġegħelna naħsbu li dak li Ġeħova jgħid li hu immorali u maħmuġ ma fih xejn ħażin. (2 Pt. 2:19) Aħna ma niħduhiex bi kbira għax ix-Xitan minn dejjem prova jħawwad lin-nies biex ma jkunux jistgħu jaraw x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. (Is. 5:20; 2 Kor. 4:4) Mhux taʼ b’xejn li ħafna films u programmi tat-televixin u websites ikollhom affarijiet li jmorru kontra l-liġijiet taʼ Ġeħova. Satana jridna naħsbu li l-affarijiet mhux nodfa u l-istil taʼ ħajja immorali li huma popolari llum ma fihom xejn ħażin, anzi huma taʼ pjaċir.—Aqra Efesin 5:6.

11. L-esperjenza taʼ Angela kif turi li jkun tajjeb li napplikaw il-parir li hemm f’​Efesin 5:7? (Ara l-istampa.)

11 Satana jridna nkunu ħbieb maʼ nies li jagħmluha iktar diffiċli għalina biex nobdu lil Ġeħova. Allura, Pawlu inkuraġġixxa lill-​Efesin biex ma jkunux ħbieb taʼ dawk li jagħmlu affarijiet ħżiena. (Efes. 5:7) Imma aħna rridu noqogħdu iktar attenti mill-​Efesin tal-qedem għax illum nistgħu nqattgħu l-ħin maʼ nies fuq is-social media wkoll. Angela, a li tgħix l-Asja, indunat kemm tistaʼ tkun perikoluża s-social media. Hi tgħid: “Bil-mod il-mod tistaʼ tbiddel il-mod kif taħseb. Malajr bdejt naċċetta ‘ħbieb’ li ma jirrispettawx il-livelli tal-Bibbja. Maż-żmien, bdejt naħseb li ma kien hemm xejn ħażin li tgħix ħajja li ma togħġobx lil Ġeħova.” Imma xi anzjani bi mħabba għenuha tagħmel il-bidliet li kien hemm bżonn. Hi tgħid: “Jien issa naħseb fuq affarijiet spiritwali minflok fuq l-affarijiet li jkun hemm fuq is-social media.”

Li nagħżlu ħbieb tajbin ħa jgħinna biex nibqgħu nobdu l-livelli taʼ Ġeħova (Ara paragrafu 11)


12. X’ħa jgħinna nżommu mal-livelli taʼ Ġeħova taʼ x’inhu tajjeb u ħażin?

12 Aħna rridu noqogħdu attenti li ma naħsbux bħan-nies tad-dinja. Huma jemmnu li l-affarijiet immorali ma fihom xejn ħażin, imma aħna nafu li dan mhux vera. (Efes. 4:​19, 20) Tajjeb li nsaqsu lilna nfusna: ‘Jien noqgħod attent li ma nqattax iżjed ħin milli hemm bżonn ma’ dawk li ma jobdux il-livelli taʼ Ġeħova bħal nies tax-xogħol, tal-iskola, jew oħrajn? Jien inkun kuraġġuż u nobdi dak li Ġeħova jgħid li hu tajjeb u ħażin, anki jekk oħrajn jgħajruni?’ Bħalma juri t-​2 Timotju 2:​20-22, irridu noqogħdu attenti wkoll meta niġu biex nagħżlu ħbieb mill-kongregazzjoni. Aħna rridu nżommu f’moħħna li mhux kulħadd ħa jgħinna biex nibqgħu leali lejn Ġeħova.

AĠIXXU “BĦALA WLIED ID-DAWL”

13. Xi jfisser li ‘nibqgħu mexjin bħala wlied id-dawl?’ (Efesin 5:​7-9)

13 Pawlu inkuraġġixxa lill-Kristjani Efesin biex mhux biss ma jimxux fid-dlam imma ‘jibqgħu mexjin bħala wlied id-dawl.’ (Aqra Efesin 5:​7-9.) Dan xi jfisser? Dan ifisser li dejjem naġixxu bħala Kristjani veri. Mod kif nagħmlu dan huwa billi naqraw u nistudjaw sew il-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet tagħna. Huwa importanti ħafna li noqogħdu attenti għal dak li jgħallimna Ġesù Kristu, li hu “bħal dawl li jgħin lin-nies jaraw.”—Ġw. 8:12; Prov. 6:23.

14. L-ispirtu qaddis kif jistaʼ jgħinna?

14 Aħna għandna bżonn l-għajnuna tal-ispirtu t’Alla biex nibqgħu mexjin “bħala wlied id-dawl.” Għala? Għax mhuwiex faċli biex nibqgħu nodfa f’din id-dinja ħażina. (1 Tess. 4:​3-5, 7, 8) L-ispirtu qaddis jistaʼ jgħinna biex ma naħsbux bħan-nies tad-dinja, li għandhom ideat differenti minn Ġeħova. L-ispirtu qaddis jistaʼ jgħinna wkoll biex nagħmlu “kull xorta taʼ tjubija u ġustizzja.”—Efes. 5:9.

15. Kif jistaʼ jkollna l-ispirtu qaddis? (Efesin 5:​19, 20)

15 Mod kif nistgħu nirċievu l-ispirtu qaddis huwa billi nitolbu għalih. Ġesù qal li Ġeħova “se jagħti l-ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh.” (Lq. 11:13) Aħna nirċievu l-ispirtu qaddis ukoll meta nfaħħru lil Ġeħova mal-aħwa fil-laqgħat. (Aqra Efesin 5:​19, 20.) L-effett tajjeb li jkollu l-ispirtu qaddis fuqna jistaʼ jgħinna biex ngħixu b’mod li jogħġob lil Ġeħova.

16. X’ħa jgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin? (Efesin 5:​10, 17)

16 Meta jkollna deċiżjoni importanti x’nieħdu, importanti nifhmu “x’inhi r-rieda taʼ Ġeħova” u mbagħad nimxu magħha. (Aqra Efesin 5:​10, 17.) Billi nsibu prinċipji tal-Bibbja li għandhom x’jaqsmu mas-sitwazzjoni tagħna, aħna nkunu qegħdin naraw kif jaħsibha Ġeħova. Imbagħad, meta napplikaw dawk il-prinċipji, aħna ħa nkunu nistgħu nieħdu deċiżjonijiet tajbin.

17. Kif nistgħu nużaw il-ħin tagħna bl-aħjar mod? (Efesin 5:​15, 16) (Ara l-istampa.)

17 Pawlu qal lill-Kristjani Efesin biex jużaw il-ħin tagħhom bl-aħjar mod. (Aqra Efesin 5:​15, 16.) Il-wieħed Ħażin, Satana, irid li aħna tant ikollna x’nagħmlu li ma jibqgħalniex ħin biex naqdu lil Ġeħova. (1 Ġw. 5:19) Kristjan jistaʼ jibda jiffoka fuq il-flus, l-edukazzjoni, u x-xogħol minflok il-ħafna modi kif jistaʼ jaqdi lil Ġeħova. Jekk jiġri dan, hu jkun qed juri li qed jaħsibha bħan-nies li ma jaqdux lil Ġeħova. Dawn l-affarijiet mhux bilfors ikunu ħżiena, imma qatt m’għandhom ikunu l-iżjed ħaġa importanti f’ħajjitna. Biex nibqgħu mexjin “bħala wlied id-dawl,” aħna rridu ‘nużaw il-ħin tagħna bl-aħjar mod’ u niffokaw fuq x’inhu l-iktar importanti.

Il-Kristjani Efesin ġew inkuraġġiti biex jużaw il-ħin tagħhom bl-aħjar mod (Ara paragrafu 17)


18. Donald x’għamel biex juża l-ħin tiegħu bl-aħjar mod?

18 Fittex modi biex taqdi iktar lil Ġeħova. Donald, ħu li jgħix fl-Afrika t’Isfel, hekk għamel. Hu jgħid: “Jien ħsibt dwar il-ħajja tiegħi u tlabt ħafna lil Ġeħova biex jgħinni nagħmel iktar għalih. Tlabtu jgħinni nsib xogħol li bih stajt inqattaʼ iktar ħin fuq il-ministeru. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova jien sibt dan ix-xogħol, u mbagħad jien u l-mara tiegħi bdejna naqdu fis-servizz full-time.”

19. Kif nistgħu nibqgħu nimxu “bħala wlied id-dawl”?

19 L-ittra taʼ Pawlu lill-​Efesin għenithom jibqgħu leali lejn Ġeħova. U l-pariri li fiha l-ittra jistgħu jgħinu lilna wkoll. Bħalma tgħallimna, din tistaʼ tgħinna nagħżlu sew id-divertiment u l-ħbieb. Tinkuraġġina wkoll biex nistudjaw il-Bibbja b’mod regulari ħalli b’hekk id-dawl tal-verità jibqaʼ jiggwidana f’dak kollu li nagħmlu. U turina kemm hu importanti l-ispirtu qaddis, li jistaʼ jgħinna biex ikollna kwalitajiet tajbin. Li napplikaw dak li kiteb Pawlu jistaʼ jgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin u li jaqblu mal-mod kif jaħsibha Ġeħova. Billi nagħmlu dawn l-affarijiet, aħna nistgħu nibqgħu nevitaw id-dlam taʼ din id-dinja u nibqgħu mexjin fid-dawl!

INT KIF TWIEĠEB?

  • Il-kliem “dlam” u “dawl” li jsemmi Efesin 5:​8, xi jfisser?

  • Kif nistgħu nevitaw id-“dlam”?

  • Kif nistgħu ‘nibqgħu mexjin bħala wlied id-dawl’?

GĦANJA 95 Id-dawl qed jitqawwa

a Xi ismijiet ġew mibdulin

b X’TURINA L-ISTAMPA: Kopja antika tal-ittra taʼ Pawlu lill-​Efesin.