Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 21

Ġeħova Kif Iwieġeb it-Talb Tagħna?

Ġeħova Kif Iwieġeb it-Talb Tagħna?

“Nafu li se naqilgħu dak li tlabna peress li tlabnieh lilu.”—1 ĠW. 5:15.

GĦANJA 41 Jekk jogħġbok, ismaʼ talbi

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1-2. Meta nitolbu lil Ġeħova x’nistgħu naħsbu?

 ĠIELI kellek dubju jekk Ġeħova hux qed iwieġeb it-talb tiegħek? Jekk iva, m’intix waħdek. Ħafna aħwa wkoll ħasbu li Ġeħova ma wiġibx it-talb tagħhom, speċjalment meta kienu għaddejjin mill-problemi. Jekk inkunu qed inbatu, aħna wkoll nistgħu nsibuha diffiċli biex naraw kif Ġeħova qed iwieġeb it-talb tagħna.

2 F’dan l-artiklu, se naraw kif nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jwieġeb it-talb tal-qaddejja tiegħu. (1 Ġw. 5:15) Se nikkunsidraw ukoll dawn il-mistoqsijiet: Xi kultant għala jkun qisu Ġeħova mhux iwieġeb it-talb tagħna? Ġeħova kif iwieġeb it-talb tagħna?

ĠEĦOVA MHUX DEJJEM IWIEĠEB IT-TALB KIF INKUNU NIXTIEQU

3. Ġeħova għala jridna nitolbuh?

3 Il-Bibbja turina li Ġeħova jħobbna ħafna u li aħna prezzjużi għalih. (Ħag. 2:7; 1 Ġw. 4:10) Għalhekk jgħidilna biex nitolbuh għall-għajnuna. (1 Pt. 5:6, 7) Hu jrid jgħinna nibqgħu qrib tiegħu u nissaportu l-problemi li jkollna.

Ġeħova wieġeb it-talb taʼ David billi ħelsu mill-għedewwa tiegħu (Ara paragrafu 4)

4. Kif nafu li Ġeħova jwieġeb it-talb tal-qaddejja tiegħu? (Ara l-istampa.)

4 Fil-Bibbja, spiss naqraw li Ġeħova wieġeb it-talb tal-qaddejja tiegħu. Tistaʼ taħseb f’xi ħadd? Eżempju wieħed hu r-Re David. Fil-ħajja tiegħu hu kellu ħafna għedewwa perikolużi, u spiss talab lil Ġeħova biex jgħinu. Darba waħda, lil Ġeħova talbu: “Ġeħova, ismaʼ t-talba tiegħi; agħti kas it-talba tiegħi għall-għajnuna. Wiġibni għax int leali u ġust.” (Salm 143:1) Ġeħova wieġeb it-talba tiegħu u salvah. (1 Sam. 19:10, 18-20; 2 Sam. 5:17-25) Mela kellu raġun David jgħid li “Ġeħova hu qrib dawk kollha li jgħajtulu għall-għajnuna.” Aħna wkoll nistgħu nkunu ċerti minn dan.—Salm 145:18.

Ġeħova wieġeb it-talb taʼ Pawlu billi tah is-saħħa li kellu bżonn biex jibqaʼ jissaporti (Ara paragrafu 5)

5. Ġeħova dejjem wieġeb it-talb tal-qaddejja tiegħu kif xtaqu huma? Agħti eżempju. (Ara l-istampa.)

5 Jistaʼ jkun li Ġeħova ma jwiġibx it-talb kif inkunu nixtiequ aħna. L-appostlu Pawlu hekk ġralu. Hu talab lil Alla biex ineħħilu “xewka fil-laħam.” Pawlu talab b’mod speċifiku dwar din il-problema tliet darbiet. Ġeħova wieġeb dan it-talb? Iva, imma mhux kif xtaq Pawlu. Minflok ma neħħielu l-problema, Ġeħova tah il-qawwa li kellu bżonn biex jibqaʼ jaqdih lealment.—2 Kor. 12:7-10.

6. Xi kultant għala jkun qisu Ġeħova mhux qed iwieġeb it-talb tagħna?

6 Kultant, Ġeħova jwieġeb it-talb tagħna b’mod li aħna ma nkunux qed nistennew. Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jaf l-aħjar mod kif jgħinna. Hu anki “jistaʼ jagħmel bil-wisq iżjed minn dak kollu li nitolbu jew naħsbu.” (Efes. 3:20) Għalhekk, hu jistaʼ jwieġeb it-talb tagħna f’ħin jew b’mod li ma nkunux qed nistennew.

7. Għala forsi jkollna bżonn inbiddlu dwar xiex nitolbu? Agħti eżempju.

7 Meta nifhmu sew xi jkun jixtieq Ġeħova, forsi jkollna bżonn inbiddlu dwar xiex nitolbu. Aħseb dwar l-eżempju taʼ Martin Poetzinger. Ftit wara li żżewweġ, Ħuna Poetzinger, ġie mitfugħ f’kamp tal-konċentrament tan-Nazi. Għall-ewwel, beda jitlob lil Ġeħova biex joħroġ minn hemm ħalli jkun jistaʼ jieħu ħsieb il-mara u jkompli jipprietka. Imma ġimagħtejn wara, irrealizza li Ġeħova ma kienx se jeħilsu mill-kamp tal-konċentrament. Għalhekk hu beda jitlob: “Ġeħova, jekk jogħġbok urini x’għandi nagħmel.” Imbagħad, beda jaħseb dwar dak li kienu għaddejjin minnu l-aħwa fil-kamp tal-konċentrament. Ħafna minnhom kienu inkwetati dwar in-nisa u t-tfal tagħhom. Imbagħad, Ħuna Poetzinger talab: “Ġeħova, grazzi taʼ dan l-inkarigu ġdid. Għinni ħalli ninkuraġġixxi u nsaħħaħ lill-aħwa.” Hu dam disaʼ snin jagħmel hekk!

8. Meta nitolbu, liema ħaġa importanti rridu niftakru?

8 Irridu niftakru li Ġeħova għandu skop u se jwettqu fil-ħin li għażel.  Dan il-pjan jinkludi li jneħħi għalkollox il-problemi li qed jikkaġunaw ħafna tbatija llum, bħal diżastri naturali, mard, u mewt. Ġeħova se jwettaq dan il-pjan permezz tas-Saltna tiegħu. (Dan. 2:44; Riv. 21:3, 4) Imma sa ma jasal dak iż-żmien, Ġeħova qed iħalli lil Satana jikkontrolla d-dinja. b (Ġw. 12:31; Riv. 12:9) Jekk Ġeħova jsolvi l-problemi kollha tan-nies issa, jistaʼ jidher li Satana qed imexxi b’mod tajjeb. Minkejja li rridu nistennew lil Ġeħova biex iwettaq il-wegħdi tiegħu, hu mhux se jħallina mingħajr għajnuna. Ejja nikkunsidraw xi affarijiet li Ġeħova jagħmel biex jgħinna.

MODI KIF ĠEĦOVA JWIEĠEB IT-TALB ILLUM

9. Ġeħova kif jistaʼ jgħinna meta niġu biex nieħdu deċiżjoni? Agħti eżempju.

9 Hu jagħtina l-għerf. Ġeħova jwegħedna li se jtina l-għerf li jkollna bżonn biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin. Aħna jkollna bżonn l-għerf taʼ Ġeħova speċjalment meta nkunu se nieħdu deċiżjonijiet li jistgħu jaffettwaw il-kumplament taʼ ħajjitna, bħal pereżempju meta niġu biex niddeċiedu jekk nibqgħux single jew niżżewġu. (Ġak. 1:5) Aħseb dwar l-esperjenza taʼ oħt single jisimha Maria. c Meta kienet qed taqdi bħala pijuniera hi ltaqgħet maʼ ħu. Hi tgħid: “Iktar ma bdejna nsiru ħbieb, iktar bdejna nieħdu grazzja maʼ xulxin. Kont naf li kelli nieħu deċiżjoni. Tlabt ħafna dwarha. Kelli bżonn l-għajnuna taʼ Ġeħova, imma kont naf li hu ma jistax jiddeċiedi għalija.” Hi tħoss li Ġeħova wieġeb it-talb tagħha. Kif? Hi għamlet riċerka fil-pubblikazzjonijiet tagħna u fl-artikli rnexxielha ssib it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li kellha. Maria semgħet ukoll mill-pariri tajbin li tatha ommha. Dawn il-pariri għenu lil Maria biex taħseb sew dwar dak li kienet qiegħda tħoss. Għalhekk, irnexxielha tieħu deċiżjoni tajba.

Ġeħova kif jagħtina s-saħħa biex nissaportu? (Ara paragrafu 10)

10. Skont Filippin 4:13, Ġeħova x’jagħmel biex jgħin lill-qaddejja tiegħu? Agħti eżempju. (Ara l-istampa.)

10 Hu jagħtina s-saħħa biex nissaportu. Bħalma għamel mal-appostlu Pawlu, Ġeħova se jagħti s-saħħa lilna wkoll biex inkunu nistgħu nissaportu l-problemi li jkollna. (Aqra Filippin 4:13.) Ara kif Ġeħova għen lil ħu jismu Benjamin biex jissaporti ċ-ċirkostanzi diffiċli li kellu. Meta kien żagħżugħ, Benjamin u l-familja tiegħu għexu fil-kampijiet tar-refuġjati fl-Afrika. Hu qal: “Kont nitlob il-ħin kollu lil Ġeħova biex jagħtini s-saħħa ħalli nagħmel dak li xtaq hu. Ġeħova semaʼ t-talb tiegħi billi għenni biex nibqaʼ kalm, tani l-kuraġġ biex inkompli nipprietka, u l-pubblikazzjonijiet biex nibqaʼ qrib tiegħu.” Hu jgħid ukoll: “Meta qrajt l-esperjenzi tal-aħwa u rajt kif Ġeħova għenhom biex jibqgħu jissaportu, għenni biex inkun determinat li nibqaʼ leali.”

Ġeħova ġieli uża lill-aħwa biex jgħinek? (Ara paragrafi 11-12) d

11-12. Ġeħova kif jistaʼ juża lill-aħwa biex iwieġeb it-talb tagħna? (Ara l-istampa.)

11 Hu juża l-familja spiritwali tagħna. Fil-lejl qabel miet, Ġesù talab ħafna. Hu talab mill-qalb lil Ġeħova biex in-nies ma jqisuhx bħala wieħed li m’għandux rispett lejn l-isem t’Alla. Imma minflok, Ġeħova għen lil Ġesù billi bagħatlu wieħed mill-anġli tiegħu biex jinkuraġġih. (Lq. 22:42, 43) Ġeħova jistaʼ jgħinna wkoll permezz taʼ telefonata jew żjara inkuraġġanti mingħand xi ħu jew oħt. Kull wieħed u waħda minna għandu jfittex opportunitajiet biex jgħid ‘kelma tajba’ lill-aħwa.—Prov. 12:25.

12 Ejja nikkunsidraw l-esperjenza taʼ oħt jisimha Miriam. Ftit ġimgħat wara li miet ir-raġel tagħha, hi bdiet tħossha waħedha u dipressa. Hi ma setgħetx tieqaf tibki u kellha bżonn titkellem maʼ xi ħadd. Hi tgħid: “Ma kellix saħħa biex inċempel lil xi ħadd, għalhekk tlabt lil Ġeħova. Waqt li kont qiegħda nitlob u nibki, daqqli l-mowbajl. Kien anzjan ħabib tagħna.” Dan l-anzjan u l-mara tiegħu inkuraġġew lil Miriam. Hi ċerta li Ġeħova uża lil dan il-ħu biex iċemplilha.

Ġeħova kif jistaʼ jġiegħel lil oħrajn jgħinuna? (Ara paragrafi 13-14)

13. Agħti eżempju taʼ kif Ġeħova jistaʼ juża lil dawk li ma jaqduhx biex iwieġeb it-talb tagħna.

13 Hu jistaʼ juża nies li ma jaqduhx. (Prov. 21:1) Xi kultant, Ġeħova jwieġeb it-talb tal-qaddejja tiegħu billi juża nies li ma jaqduhx. Pereżempju, hu ġiegħel lir-Re Artaserse biex iħalli lil Neħemija jerġaʼ jmur Ġerusalemm ħalli jkun jistaʼ jgħin biex tinbena l-belt. (Neħ. 2:3-6) Illum, Ġeħova wkoll jistaʼ juża lil dawk li ma jaqduhx biex jgħinuna.

14. L-esperjenza taʼ Soo Hing kif tinkuraġġik? (Ara l-istampa.)

14 Oħt jisimha Soo Hing tgħid li Ġeħova għenha permezz tat-tabib tagħha. It-tifel tagħha jbati minn mard mentali. Hu kellu inċident ikrah, għalhekk hi u r-raġel tagħha kellhom jieqfu mix-xogħol biex jieħdu ħsiebu. Minħabba f’hekk, huma kellhom problemi finanzjarji. Soo Hing qalet li ma setgħetx tissaporti iktar. Hi fetħet qalbha maʼ Ġeħova u talbitu jgħinha. It-tabib sab mod kif jgħin lilha u lill-familja tagħha. Minħabba f’hekk, il-gvern għenhom u tahom post fejn setgħu jgħixu u li setgħu jaffordjaw. Wara, Soo Hing qalet: “Aħna rajna kif Ġeħova għenna. Hu vera ‘Semmiegħ it-talb.’”—Salm 65:2.

GĦANDNA BŻONN IL-FIDI BIEX INFITTXU U NAĊĊETTAW IT-TWEĠIBIET TAʼ ĠEĦOVA

15. X’għen lil oħt biex tinduna li Ġeħova qed iwieġeb it-talb tagħha?

15 Spiss, Ġeħova ma jwiġibx it-talb tagħna b’mod taʼ barra minn hawn. Imma t-tweġibiet li nirċievu jkunu dawk li jkollna bżonn biex nibqgħu leali lejn Missierna tas-sema. Għalhekk oqgħod attent biex tara kif Ġeħova qed iwieġeb it-talb tiegħek. Oħt jisimha Yoko ħasset li Ġeħova mhux iwieġeb it-talb tagħha. Għalhekk bdiet tikteb fuq notebook dak li bdiet titolbu. Wara li għadda ftit żmien, hi reġgħet rat in-notebook, u rrealizzat li Ġeħova kien wieġeb ħafna mit-talb tagħha, anki xi ftit li kienet insiet. Minn żmien għal żmien, irridu nieqfu u naħsbu kif Ġeħova qed iwieġeb it-talb tagħna.—Salm 66:19, 20.

16. Wara li nitolbu, kif nuru li għandna l-fidi? (Ebrej 11:6)

16 Aħna nuru fidi mhux biss billi nitolbu lil Ġeħova, imma anki billi naċċettaw il-mod kif hu jwieġeb it-talb tagħna. (Aqra Ebrej 11:6.) Aħseb dwar l-eżempju taʼ Mike u l-mara tiegħu, Chrissy. Huma għamlu mira biex jaqdu f’Betel. “Applikajna ħafna drabi u tlabna lil Ġeħova għal darba wara l-oħra dwar din il-mira, imma qatt ma ġejna mistednin,” jgħid Mike. Hu u Chrissy kienu ċerti li Ġeħova kien jaf kif għandu jużahom bl-aħjar mod fix-xogħol tiegħu. Huma għamlu dak li setgħu, billi komplew jaqdu bħala pijunieri regolari fejn kien hemm l-iktar bżonn u għenu fi proġetti tal-bini għall-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Illum qed jagħmlu x-xogħol tas-circuit. Mike jgħid: “Ġeħova mhux dejjem wieġeb it-talb tagħna kif xtaqna aħna, imma hu dejjem wieġbu, u b’mod li kien aħjar milli konna qed nistennew aħna.”

17-18. Skont Salm 86:6, 7, minn xiex nistgħu nkunu ċerti?

17 Aqra Salm 86:6, 7. Is-salmista David kien ċert li Ġeħova semaʼ u wieġeb it-talb tiegħu. Int ukoll tistaʼ tkun ċert li Ġeħova jismaʼ u jwieġeb it-talb tiegħek. L-eżempji li rajna matul dan l-artiklu juruna li Ġeħova jistaʼ jagħtina l-għerf u s-saħħa li jkollna bżonn biex nibqgħu nissaportu. Hu jistaʼ juża lill-aħwa jew anki lil dawk li ma jaqduhx biex jgħinuna.

18 Għalkemm Ġeħova forsi mhux dejjem iwieġeb it-talb tagħna kif inkunu nixtiequ aħna, aħna nafu li meta nitolbuh hu dejjem se jwiġibna. Hu se jagħtina dak li jkollna bżonn u meta jkollna bżonnu. Għalhekk, ibqaʼ itlob u kun konvint li Ġeħova se jisimgħek, se jieħu ħsiebek issa, u se ‘jaqtaʼ x-xewqa taʼ kull ħaġa ħajja’ fid-dinja l-ġdida.—Salm 145:16.

GĦANJA 46 Niżżuk ħajr Ġeħova

a Ġeħova jwegħedna li se jwieġeb it-talb tagħna jekk dak li nitolbuh ikun jogħġbu. Meta nkunu għaddejjin mill-problemi, nistgħu nkunu ċerti li hu se jagħtina l-għajnuna li jkollna bżonn biex nibqgħu leali lejh. Ejja naraw kif Ġeħova jwieġeb it-talb tagħna.

b Biex tara għala Ġeħova ħalla lil Satana jikkontrolla d-dinja, ara l-artiklu “Żomm ħarstek fuq l-iktar kwistjoni importanti,” f’​It-Torri tal-Għassa taʼ Ġunju 2017.

c Xi ismijiet ġew mibdulin.

d X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Omm u t-tifla jaslu f’pajjiż bħala refuġjati. Aħwa oħrajn jilqgħuhom u jagħtuhom l-għajnuna li għandhom bżonn.