Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 22

Ibqaʼ Miexi fit-“Triq tal-Qdusija”

Ibqaʼ Miexi fit-“Triq tal-Qdusija”

“Se jkun hemm triq ewlenija, . . . it-Triq tal-Qdusija.”—IS. 35:8.

GĦANJA 31 O imxi m’Alla!

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1-2. Il-Lhud li kienu qed jgħixu f’Babilonja liema deċiżjoni importanti kellhom jieħdu? (Esdra 1:2-4)

 IR-RE għamel avviż! Il-Lhud li kienu ilhom ilsiera f’Babilonja għal madwar 70 sena setgħu jerġgħu jmorru lura Iżrael. (Aqra Esdra 1:2-4.) Dan setaʼ jsir biss bl-għajnuna taʼ Ġeħova. Għala nistgħu ngħidu hekk? Għax ma kienx normali li Babilonja titlaq lill-ilsiera tagħha. (Is. 14:4, 17) Imma Babilonja kienet intrebħet, u l-mexxej il-ġdid li kellha qal lil-Lhud li setgħu jitilqu. Għalhekk, il-Lhud, speċjalment il-kapijiet tal-familji, kellhom jieħdu deċiżjoni importanti. Huma kellhom jagħżlu jekk jitilqux minn Babilonja jew jibqgħux hemm. Din id-deċiżjoni ma kinitx faċli. Għala?

2 Forsi ħafna mil-Lhud kienu kbar wisq fl-età biex jagħmlu dan il-vjaġġ twil. U minħabba li ħafna minnhom kienu twieldu Babilonja, huma ma kienu għexu fl-ebda pajjiż ieħor. Għalihom, Iżrael ma kinitx id-dar tagħhom; kienet sempliċement l-art fejn għexu l-familji tagħhom fil-passat. U milli jidher xi Lhud kienu saru sinjuri f’Babilonja. Għalhekk, kien diffiċli għalihom biex jitilqu n-negozji tagħhom u l-ħajja komda li kellhom, u jmorru jgħixu f’pajjiż ieħor.

3. X’barka kien se jkollhom il-Lhud li kienu sejrin lura Iżrael?

3 Il-Lhud leali kienu jafu li l-barkiet li kien se jkollhom meta jmorru lura Iżrael kienu ikbar mis-sagrifiċċji li kellhom jagħmlu. Waħda mill-ikbar barkiet kienet li huma setgħu jerġgħu jibdew iqimu lil Ġeħova. Għalkemm kien hemm iktar minn 50 tempju pagan f’Babilonja, ma kienx hemm tempju wieħed għal Ġeħova. Ma kienx hemm artal fejn l-Iżraelin setgħu joffru s-sagrifiċċji tagħhom kif kienet tgħid il-Liġi Mosajka. U ma kienx hemm qassisin li setgħu joffru dawn is-sagrifiċċji. F’Babilonja kien hemm iktar nies iqimu lill-allat foloz milli nies li jirrispettaw lil Ġeħova u l-livelli tiegħu. Għalhekk, eluf taʼ Lhud li kienu jħobbu lil Ġeħova kienu qed iħarsu ’l quddiem biex imorru lura f’Iżrael fejn setgħu jerġgħu jibdew iqimu lilu.

4. Ġeħova kif wiegħed li se jgħin lil-Lhud li kienu se jerġgħu jmorru lura Iżrael?

4 Il-vjaġġ diffiċli minn Babilonja sa Iżrael kien jieħu madwar erbaʼ xhur. Imma Ġeħova wegħedhom li kull diffikultà li kienu se jiffaċċjaw matul il-vjaġġ kien se jneħħihielhom. Il-profeta Isaija kiteb: “Ħejju t-triq taʼ Ġeħova! Iddrittaw it-triq ewlenija għal Alla minn ġol-pjanura tad-deżert. . . . U l-art bl-għoljiet titwitta, u l-art imħarbta ssir pjanura f’wied.” (Is. 40:3, 4) Immaġina triq fid-deżert li tgħaddi minn bejn il-muntanji. Żgur li n-nies li jkunu qed jivvjaġġaw jieħdu pjaċir jgħaddu minnha. Ikun iktar faċli għalihom biex jimxu fuq triq dritta milli joqogħdu telgħin u neżlin il-muntanji u l-widien. U l-vjaġġ ikun iqsar ukoll.

5. X’kien jisimha t-triq bejn Babilonja u Iżrael li kiteb dwarha Isaija?

5 Illum ħafna toroq għandhom isem. It-triq li kiteb dwarha Isaija wkoll kellha isem. Hu kiteb: “Se jkun hemm triq ewlenija hemmhekk, iva, triq; u se tissejjaħ it-Triq tal-Qdusija. Min m’huwiex nadif ma jgħaddix minnha.” (Is. 35:8) Din il-wegħda x’kienet tfisser għall-Iżraelin? U xi tfisser għalina llum?

“IT-TRIQ TAL-QDUSIJA” —FIL-PASSAT U LLUM

6. It-triq għala kienet tissejjaħ qaddisa?

6 “It-Triq tal-Qdusija”—kemm kien jisimha sabiħ! Għala kienet tissejjaħ qaddisa? Għax “min m’huwiex nadif,” jiġifieri kull Lhudi li kien immorali, iqim l-istatwi, jew jagħmel dnubiet serji oħra, ma setax jidħol Iżrael. Il-Lhud li kienu se jerġgħu jmorru lura kellhom isiru “poplu qaddis” għal Alla. (Dt. 7:6) Imma dan kien ifisser li dawk li jitilqu minn Babilonja kellhom jagħmlu xi bidliet biex jogħġbu lil Ġeħova.

7. Xi Lhud liema bidliet kellhom bżonn jagħmlu? Agħti eżempju.

7 Bħalma diġà rajna, il-biċċa l-kbira tal-Lhud kienu twieldu Babilonja u ħafna bdew jgħixu bħan-nies t’hemmhekk. Kważi 70 sena wara li l-ewwel Lhud waslu Iżrael, Esdra sar jaf li ftit minnhom iżżewġu nisa li ma kinux jaqdu lil Ġeħova. (Eżo. 34:15, 16; Esd. 9:1, 2) Iżjed tard, il-Gvernatur Neħemija baqaʼ mistagħġeb meta sar jaf li t-tfal li twieldu Iżrael lanqas biss kienu tgħallmu l-lingwa tal-Lhud. (Dt. 6:6, 7; Neħ. 13:23, 24) Dawn it-tfal kif kienu se jitgħallmu jħobbu u jqimu lil Ġeħova jekk ma kinux jifhmu l-Ebrajk, il-lingwa li ntużat biex tinkiteb il-Kelma t’Alla? (Esd. 10:3, 44) Għalhekk, dawn il-Lhud kellhom jagħmlu bidliet kbar. Kien iktar faċli għalihom biex jagħmlu dawn il-bidliet f’Iżrael, fejn in-nies bdew iqimu lil Ġeħova kif jogħġob lilu.—Neħ. 8:8, 9.

Mill-1919 ’l hawn, miljuni taʼ rġiel, nisa, u tfal telqu minn Babilonja l-Kbira u bdew jimxu fit-“Triq tal-Qdusija” (Ara paragrafu 8)

8. Għala għandu jinteressana minn dak li ġara ħafna snin ilu? (Ara l-istampa tal-qoxra.)

8 Xi wħud forsi jgħidu, ‘Imma dak  li ġara lil-Lhud ħafna snin ilu għandu x’jaqsam magħna llum?’ Iva! Għax dak li qed nagħmlu jistaʼ jitqabbel ma’ vjaġġ fit-“Triq tal-Qdusija.” Sew jekk aħna mill-midlukin u sew jekk aħna min-“nagħaġ oħrajn,” irridu nibqgħu mexjin fit-“Triq tal-Qdusija.” Din se tgħinna nibqgħu naqdu lil Ġeħova issa u fil-futur, meta s-Saltna se ġġib barkiet mill-isbaħ fuq l-art. b (Ġw. 10:16) Mill-1919 ’l hawn, miljuni taʼ rġiel, nisa, u tfal telqu minn Babilonja l-Kbira, jiġifieri r-reliġjonijiet foloz kollha, u bdew jimxu f’din it-triq. Wisq probabbli int wieħed minnhom. In-nies bdew jimxu f’din it-triq madwar mitt sena ilu, imma ħafna snin qabel kien hemm xi wħud li bdew jippreparawha.

JIPPREPARAW IT-TRIQ

9. Skont Isaija 57:14, “it-Triq tal-Qdusija” kif ġiet preparata?

9 Ġeħova għamel ċert li l-Lhud li se jivvjaġġaw ma jkollhomx tfixkil matul il-vjaġġ. (Aqra Isaija 57:14.) U xi ngħidu għat-“Triq tal-Qdusija” llum? Mijiet taʼ snin qabel l-1919, Ġeħova beda juża rġiel li kellhom rispett lejh biex jagħmluha possibbli għal oħrajn li joħorġu minn Babilonja l-Kbira. (Ara l-prinċipju f’​Isaija 40:3.) Huma għamlu xogħol importanti ħalli iktar tard nies onesti jkunu jistgħu jitilqu r-reliġjon falza u jaqdu lil Ġeħova man-nies tiegħu. Ix-xogħol f’din it-triq x’kien jinvolvi? Ejja naraw ftit minnu.

Għal mijiet taʼ snin, irġiel li kienu jirrispettaw ħafna lil Alla ħadmu biex jgħinu lin-nies joħorġu minn Babilonja l-Kbira (Ara paragrafi 10-11)

10-11. It-traduzzjoni u l-ipprintjar tal-Bibbja kif għenu lin-nies jitgħallmu iżjed dwarha? (Ara l-istampa.)

10 L-ipprintjar. Sa madwar is-sena 1450, in-nies kienu jikkopjaw il-Bibbja b’idejhom. Dan kien jieħu ħafna żmien, allura ma kontx issib ħafna kopji tal-Bibbja u dawn il-ftit kienu jiswew ħafna flus. Imma meta bdew jużaw magna biex jipprintjaw il-kopji tal-Bibbja, sar iżjed faċli biex jagħmlu iktar Bibbji u jqassmuhom lin-nies.

11 It-traduzzjoni. Għal mijiet taʼ snin, il-maġġorparti tal-Bibbji kienu bil-Latin, allura nies taʼ skola biss kienu jifhmuha. Meta l-ipprintjar sar iktar komuni, irġiel li kienu jirrispettaw ħafna lil Alla ħadmu iebes biex jittraduċu l-Bibbja f’iżjed lingwi li kienu jitkellmu n-nies. B’hekk, in-nies setgħu jqabblu dak li kienu qed jitgħallmu mill-knejjes ma’ dak li tgħallem il-Bibbja.

Irġiel li kienu jirrispettaw ħafna lil Alla ħadmu biex jgħinu lin-nies joħorġu minn Babilonja l-Kbira (Ara paragrafi 12-14) c

12-13. Agħti eżempju taʼ kif madwar is-sena 1835 xi rġiel li studjaw il-Bibbja bdew jikxfu tagħlim falz.

12 Pubblikazzjonijiet ħalli jifhmu l-Bibbja. Xi nies li kienu joqogħdu attenti meta jaqraw il-Bibbja tgħallmu ħafna minnha. Imma ħafna qassisin kienu rrabjati meta dawn l-irġiel bdew jgħidu lil oħrajn dak li tgħallmu. Pereżempju, madwar is-sena 1835, xi rġiel bdew jippubblikaw fuljetti li jikxfu t-tagħlim falz tal-knejjes.

13 F’dan iż-żmien, Henry Grew li kien jirrispetta ħafna lil Alla ppubblika fuljett li jitkellem dwar x’jiġri meta mmutu. Fih hu wera mill-Bibbja li xi ħadd jistaʼ jgħix għal dejjem għax Alla jagħtih dan ir-rigal u mhux għax twieled b’ruħ li ma tmut qatt, bħalma kienu jgħallmu ħafna mill-knejjes. Fl-1837, qassis jismu George Storrs sab wieħed minn dawn il-fuljetti waqt li kien fuq it-trejn. Hu qrah u sar konvint li sab verità importanti. Hu ddeċieda li dak li tgħallem jaqsmu ma’ oħrajn. Fl-1842, hu ta serje taʼ taħditiet bl-isem “Mistoqsija—Il-Ħżiena Huma Immortali?” Xi ħadd li tgħallem minn George Storrs kien żagħżugħ jismu Charles Taze Russell.

14. Ħuna Russell u sħabu kif ibbenefikaw mix-xogħol li sar qabilhom? (Ara l-istampa.)

14 Ħuna Russell u sħabu kif ibbenefikaw mix-xogħol li sar qabilhom? Meta kienu jistudjaw setgħu jużaw dizzjunarji u ħafna traduzzjonijiet tal-Bibbja li kienu tlestew qabel. Huma bbenefikaw ukoll mill-istudju tal-Bibbja li għamlu Henry Grew, George Storrs, u rġiel oħra. Ħuna Russell u sħabu komplew jaħdmu fuq it-“Triq tal-Qdusija” billi kitbu ħafna kotba u fuljetti li jitkellmu dwar x’tgħid il-Bibbja.

15. Liema affarijiet importanti ġraw fl-1919?

15 Fl-1919, Babilonja l-Kbira ma baqgħetx tikkontrolla lin-nies t’Alla. Dik is-sena, “l-ilsir leali u għaqli” beda jaħdem biex nies onesti jibdew jimxu fit-“Triq tal-Qdusija.” (Mt. 24:45-47) Ix-xogħol li għamlu oħrajn biex jippreparaw it-triq għen lin-nies li bdew jimxu fiha jitgħallmu iżjed dwar Ġeħova u l-iskopijiet tiegħu. (Prov. 4:18) Huma setgħu wkoll jirranġaw ħajjithom biex jgħixu kif jixtieq Ġeħova. Ġeħova ma stenniex li n-nies jinbidlu f’daqqa, imma għenhom biex jagħmlu dawn il-bidliet bil-mod. (Ara l-kaxxa “ Ġeħova Jgħin lin-Nies Tiegħu Jagħmlu l-Bidliet.”) Kemm se nkunu ferħanin meta nkunu nistgħu nogħġbu lil Ġeħova f’kull ma nagħmlu!—Kol. 1:10.

“IT-TRIQ TAL-QDUSIJA” GĦADHA MIFTUĦA

16. Liema xogħol fit-“Triq tal-Qdusija” ilu jsir mill-1919 ’l hawn? (Isaija 48:17; 60:17)

16 Biex triq tibqaʼ f’kundizzjoni tajba kultant ikollha bżonn xi xogħol. Mill-1919 ’l hawn, ix-xogħol fit-“Triq tal-Qdusija” baqaʼ għaddej ħalli iżjed nies ikunu jistgħu joħorġu minn Babilonja l-Kbira. L-ilsir leali u għaqli beda jaħdem, u fl-1921 ħareġ ktieb biex jgħin lin-nies jitgħallmu l-verità tal-Bibbja. Dan kien jismu The Harp of God, u ġew ippubblikati kważi sitt miljun kopja tiegħu f’36 lingwa. Ħafna nies tgħallmu l-verità minnu. Dan l-aħħar ħareġ il-ktieb mill-isbaħ Għix Ħajja Ferħana Għal Dejjem! biex nagħmlu studji tal-Bibbja minn fuqu. Matul l-aħħar jiem, Ġeħova uża l-organizzazzjoni tiegħu biex itina l-ikel spiritwali u jgħinna nibqgħu mexjin fit-“Triq tal-Qdusija.”—Aqra Isaija 48:17; 60:17.

17-18. Fejn se tiħodna “t-Triq tal-Qdusija”?

17 Nistgħu ngħidu li meta xi ħadd jaċċetta studju tal-Bibbja jkollu l-opportunità li jibda jimxi fit-“Triq tal-Qdusija.” Xi nies jibdew jimxu fiha u mbagħad jitilqu minnha. Oħrajn huma determinati li jibqgħu jimxu fiha sakemm jaslu fil-post li jixtiequ. Fejn jixtiequ jaslu?

18 Dawk li għandhom it-tama għas-sema, “it-Triq tal-Qdusija” tiħodhom “fil-ġenna t’Alla” fis-sema. (Riv. 2:7) Dawk li għandhom it-tama għall-art, it-triq tiħodhom għal ħajja perfetta fl-aħħar tal-1,000 sena. Jekk int miexi f’din it-triq taħsibx dwar l-affarijiet li ħallejt warajk u titlaqhiex sakemm tasal fid-dinja l-ġdida. Minn qalbna nixtiqulek il-vjaġġ it-tajjeb!

GĦANJA 24 Ejjew lejn il-muntanja taʼ Ġeħova

a Ġeħova sejjaħ it-triq minn Babilonja għal Iżrael “it-Triq tal-Qdusija.” Ġeħova għamel triq għall-poplu tiegħu llum? Iva! Mill-1919 ’l hawn, miljuni taʼ nies telqu minn Babilonja l-kbira u bdew jimxu fit-“Triq tal-Qdusija.” Kull wieħed u waħda minna jrid jibqaʼ jimxi fiha sakemm naslu fid-destinazzjoni.

c X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħuna Russell u sħabu użaw affarijiet biex jistudjaw il-Bibbja li għamluhom xi rġiel qabilhom.