ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 20
Kif Nistgħu Nitolbu Aħjar?
“Iftaħ qalbek miegħu.”—SALM 62:8.
GĦANJA 45 Il-meditazzjoni taʼ qalbi
ĦARSA BIL-QUDDIEM a
1. Ġeħova x’jistidinna nagħmlu? (Ara l-istampa.)
META jkollna bżonn min jifhimna u jagħtina parir, għand min nistgħu mmorru? It-tweġiba nafuha. Aħna nistgħu nitolbu lil Alla Ġeħova. Ġeħova jistidinna nagħmlu hekk. Infatti hu jgħidilna biex ‘nitolbu bla waqfien.’ (1 Tess. 5:17) Aħna nistgħu nitolbu lil Ġeħova meta rridu biex jgħinna f’kull ħaġa li jkollna bżonn f’ħajjitna. (Prov. 3:5, 6) Minħabba li Ġeħova hu ġeneruż, hu jgħidilna li nistgħu nitolbuh kemm irridu.
2. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
2 Kemm napprezzaw li Ġeħova jħallina nitkellmu miegħu! Imma minħabba li għandna ħafna x’nagħmlu, forsi jkun diffiċli li nsibu l-ħin għat-talb. Jew forsi nħossu li għandna bżonn intejbu l-mod kif nitolbu. Imma grazzi għall-Bibbja, aħna nistgħu nkunu nafu kif nagħmlu dan. F’dan l-artiklu se naraw x’nistgħu nitgħallmu minn Ġesù dwar kif nagħmlu l-ħin biex nitolbu. Se naraw ukoll kif nistgħu nitolbu aħjar billi nsemmu ħames suġġetti importanti fit-talb tagħna.
ĠESÙ GĦAMEL IL-ĦIN BIEX JITLOB
3. Ġesù x’tgħallem dwar it-talb?
3 Ġesù fehem li t-talb hu importanti ħafna għal Ġeħova. Ħafna snin qabel ġie fuq l-art, hu ra lil Missieru jwieġeb it-talb tal-qaddejja leali tiegħu. Pereżempju, Ġesù kien ħdejn Missieru meta wieġeb it-talb mill-qalb taʼ Ħanna, David, Elija, u ħafna qaddejja leali oħrajn. (1 Sam. 1:10, 11, 20; 1 Slat. 19:4-6; Salm 32:5) Hu għalhekk li Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu spiss u jkunu ċerti li Ġeħova se jismagħhom!—Mt. 7:7-11.
4. X’nitgħallmu mit-talb taʼ Ġesù?
4 Bil-mod kif kien jitlob lil Ġeħova, Ġesù ħalla eżempju lid-dixxipli tiegħu. Matul il-ministeru tiegħu, Ġesù talab spiss. Hu kellu jagħmel il-ħin biex jitlob għax kien ikollu x’jagħmel u jkun maʼ ħafna nies. (Mk. 6:31, 45, 46) Ġieli qam kmieni filgħodu biex jitlob meta jkun fil-kwiet waħdu. (Mk. 1:35) U minn tal-inqas darba waħda, qabel ħa deċiżjoni importanti, għamel lejl sħiħ jitlob. (Lq. 6:12, 13) U Ġesù talab ħafna drabi fil-lejl qabel miet, eżatt qabel lesta l-iktar parti diffiċli tal-inkarigu li kellu fuq l-art.—Mt. 26:39, 42, 44.
5. Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù meta nitolbu?
5 L-eżempju taʼ Ġesù jurina li anki jekk għandna ħafna x’nagħmlu, irridu nagħmlu l-ħin biex nitolbu. Forsi bħal Ġesù jkollna bżonn inqumu iktar kmieni jew norqdu iktar tard. Meta nagħmlu hekk, inkunu qed nuru lil Ġeħova li aħna napprezzaw dan ir-rigal speċjali. Oħt jisimha Lynne tiftakar kemm ħassitha ferħana meta saret taf bil-privileġġ tat-talb. Hi qalet: “Meta sirt naf li nistaʼ nitkellem maʼ Ġeħova fi x’ħin irrid, għenni biex inqisu bħala l-Ħabib tiegħi u biex nitlob aħjar.” Bla dubju, ħafna minna jħossuhom bħalha. Għalhekk ejja naraw ħames suġġetti importanti li nistgħu nsemmu fit-talb tagħna.
ĦAMES SUĠĠETTI IMPORTANTI BIEX TITLOB DWARHOM
6. Skont Rivelazzjoni 4:10, 11, Ġeħova x’jixraqlu?
6 Faħħar lil Ġeħova. F’viżjoni tal-għaġeb, l-appostlu Ġwanni ra 24 anzjan fis-sema jqimu lil Ġeħova. Huma faħħru lil Alla u qalu li jixraqlu “l-glorja u l-unur u l-qawwa.” (Aqra Rivelazzjoni 4:10, 11.) L-anġli leali wkoll għandhom ħafna raġunijiet biex ifaħħru lil Ġeħova. Huma qegħdin fis-sema miegħu u saru jafuh sew. Huma jaraw il-kwalitajiet tiegħu f’dak kollu li jagħmel. Meta jaraw kif Ġeħova jaġixxi jkunu jridu jfaħħruh.—Ġob 38:4-7.
7. Dwar xiex nistgħu nfaħħru lil Ġeħova?
7 Aħna wkoll irridu nfaħħru lil Ġeħova fit-talb tagħna. Dan nistgħu nagħmluh billi ngħidulu x’jogħġobna dwaru u għala nirrispettawh. Meta taqra u tistudja l-Bibbja, ipprova ara liema huma l-iktar kwalitajiet taʼ Ġeħova li jogħġbuk. (Ġob 37:23; Rum. 11:33) Imbagħad għid lil Ġeħova kif tħossok dwar dawn il-kwalitajiet. Nistgħu nfaħħru wkoll lil Ġeħova talli jgħin lilna u lil ħutna. Hu dejjem jieħu ħsiebna u jipproteġina.—1 Sam. 1:27; 2:1, 2.
8. X’inhuma xi raġunijiet għala nirringrazzjaw lil Ġeħova? (1 Tessalonikin 5:18)
8 Irringrazzja lil Ġeħova. Għandna ħafna raġunijiet biex nirringrazzjaw lil Ġeħova fit-talb. (Aqra l-1 Tessalonikin 5:18.) Nistgħu nirringrazzjawh għall-affarijiet li għandna, għax wara kollox, kull ħaġa tajba li għandna ġejja mingħandu. (Ġak. 1:17) Pereżempju nistgħu nirringrazzjawh għad-dinja sabiħa li għandna u għall-affarijiet tal-għaġeb li ħalaq. Nistgħu wkoll nuruh li napprezzaw il-ħajja, il-familja, il-ħbieb, u t-tama li għandna. U rridu nirringrazzjawh ukoll talli jagħtina l-opportunità li nkunu l-ħbieb tiegħu.
9. Għala forsi jkollna nkabbru l-apprezzament għal dak li għamel għalina Ġeħova?
9 Kultant forsi jkollna nagħmlu sforz biex naħsbu dwar ir-raġunijiet għala napprezzaw dak li jagħtina Ġeħova. Illum ħafna nies ma japprezzaw xejn. Huma spiss jaraw kif se jakkwistaw dak li jixtiequ u mhux japprezzaw dak li għandhom. Jekk ikollna din l-attitudni, it-talb tagħna se jkun biss dwar l-affarijiet li nkunu rridu. Biex ma jiġrix hekk, irridu nkomplu nkabbru l-apprezzament tagħna għal dak li għamel għalina Ġeħova.—Lq. 6:45.
10. L-apprezzament kif għen lil oħt tissaporti? (Ara l-istampa.)
10 Meta napprezzaw dak li għandna se jkun iktar faċli għalina biex nissaportu l-problemi. Aħseb dwar l-esperjenza taʼ Kyung-sook, li nsibu f’It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Jannar 2015. Hi mardet bil-cancer fil-pulmun. Hi tgħid: “Din il-marda vera effettwatni. Ħassejtni tlift kollox u bdejt nibżaʼ ħafna.” X’għenha tissaporti? Hi qalet li kull filgħaxija qabel tidħol torqod, kienet tmur fuq il-bejt u titlob b’leħen għoli dwar ħames affarijiet li ġrawlha dakinhar u li hi tapprezza. Dan għenha biex ma tibqax tħossha ansjuża u biex turi kemm tħobb lil Ġeħova. Hi esperjenzat kif Ġeħova jgħin lill-qaddejja leali tiegħu meta jkunu qed jiffaċċjaw provi diffiċli. U hi rrealizzat li fil-ħajja tagħna għandna ħafna iktar barkiet milli problemi. Bħal Kyung-sook, għandna ħafna raġunijiet biex nirringrazzjaw lil Ġeħova, anki jekk qed niffaċċjaw il-provi. Meta nuru l-apprezzament tagħna lejh se jgħinna biex nissaportu u nibqgħu ferħanin.
11. Wara li Ġesù reġaʼ mar fis-sema, id-dixxipli tiegħu għala kellhom bżonn il-kuraġġ?
11 Itlob lil Ġeħova biex jagħtik il-kuraġġ meta tipprietka. Qabel Ġesù reġaʼ mar fis-sema, hu fakkar lid-dixxipli tiegħu dwar l-inkarigu li kellhom biex jagħtu xhieda dwaru “f’Ġerusalemm u fil-Lhudija kollha u fis-Samarija u sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art.” (Atti 1:8; Lq. 24:46-48) Ftit wara, il-mexxejja Lhud arrestaw lill-appostli Pietru u Ġwanni u ħaduhom quddiem is-Sinedriju. Huma kkmandaw lil dawn l-irġiel leali biex ma jibqgħux jippritkaw u anki heddewhom. (Atti 4:18, 21) Pietru u Ġwanni x’għamlu?
12. Skont Atti 4:29, 31, id-dixxipli x’għamlu?
12 Lil dawn il-mexxejja reliġjużi Lhud, Pietru u Ġwanni qalulhom: “Jekk hux sewwa f’għajnejn Alla li nisimgħu minnkom iktar milli minn Alla, iġġudikaw intom. Imma aħna ma nistgħux nieqfu nitkellmu dwar dak li rajna u smajna.” (Atti 4:19, 20) Meta Pietru u Ġwanni nħelsu, id-dixxipli talbu lil Ġeħova biex jgħinhom jagħmlu r-rieda tiegħu. Huma talbu: “Agħmel li l-ilsiera tiegħek jibqgħu jitkellmu l-kelma tiegħek bil-qlubija kollha.” Ġeħova wieġeb it-talba tagħhom.—Aqra Atti 4:29, 31.
13. X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Jin-hyuk?
13 Aħna nistgħu nimitaw lid-dixxipli billi nkomplu nippritkaw meta l-gvern jgħidilna biex nieqfu. Aħseb dwar l-eżempju taʼ Jin-hyuk, ħu li spiċċa fil-ħabs minħabba li baqaʼ newtrali. Fil-ħabs, hu ġie inkarigat biex jieħu ħsieb xi ħabsin li kienu weħidhom fiċ-ċella. Hu setaʼ jitkellem magħhom biss dwar l-affarijiet li kellhom bżonn u mhux dwar il-Bibbja. Hu talab lil Ġeħova biex jagħtih il-kuraġġ u jipprietka bit-tattika meta jkollu l-opportunità. (Atti 5:29) Hu jgħid: “Ġeħova wieġeb it-talb tiegħi billi tani l-kuraġġ u l-għerf. Mill-bieb taċ-ċella tal-ħabsin irnexxieli nibda ħafna studji taʼ ħames minuti. Imbagħad, filgħaxija, kont nikteb l-ittri biex l-għada ntihom lill-ħabsin.” Aħna wkoll nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jgħinna nagħmlu x-xogħol tal-ippritkar. Bħal Jin-hyuk, aħna nistgħu nitolbu għall-kuraġġ u l-għerf.
14. X’jistaʼ jgħinna meta jkollna l-problemi? (Salm 37:3, 5)
14 Itlob lil Ġeħova biex jgħinek tissaporti minkejja l-problemi. Ħafna minna qed ibatu minħabba mard jew problemi emozzjonali, minħabba li tilfu lil xi ħadd li jħobbu fil-mewt, problemi fil-familja, persekuzzjoni, jew xi problemi oħrajn. U affarijiet bħal pandemiji u gwerer jagħmlu dawn l-isfidi iktar diffiċli. Għid lil Ġeħova eżatt kif tkun qed tħossok, bħal meta tiftaħ qalbek maʼ ħabib, u kun ċert li Ġeħova “se jgħinek.”—Aqra Salm 37:3, 5.
15. It-talb kif jgħinek ‘tissaporti fit-tribulazzjoni’? Agħti eżempju.
15 Jekk nibqgħu nitolbu se nkunu nistgħu nibqgħu ‘nissaportu fit-tribulazzjoni.’ (Rum. 12:12) Ġeħova jaf minn xiex qed jgħaddu l-qaddejja tiegħu, u “jismagħhom meta jgħajtulu għall-għajnuna.” (Salm 145:18, 19) Kristie, oħt pijuniera li għandha 29 sena, irrealizzat kemm dan hu vera. Hi beda jkollha problemi taʼ saħħa serji. Minħabba f’hekk bdiet tbati bid-depression. Iktar tard saret taf li ommha mardet b’marda li ma setgħetx tfiq minnha. Kristie tgħid: “Kuljum kont nitlob mill-qalb lil Ġeħova biex jagħtini s-saħħa li kelli bżonn. Ippruvajt inżomm rutina spiritwali tajba billi nattendi l-laqgħat u nagħmel studju persunali. It-talb għenni biex nissaporti matul dak iż-żmien diffiċli. Kont naf li Ġeħova dejjem kien hemm għalija, u dan għenni biex inħossni ħafna aħjar. Għalkemm ma fiqtx mill-ewwel, Ġeħova wieġeb it-talb tiegħi billi tani l-paċi u għenni nibqaʼ kalma.” Ejja qatt ma ninsew li “Ġeħova jaf kif jeħles mill-provi lil dawk li huma devoti lejh.”—2 Pt. 2:9.
16. Għala għandna bżonn l-għajnuna taʼ Ġeħova biex ma nċedux għat-tentazzjonijiet?
16 Itlob lil Ġeħova jgħinek biex ma ċċedix għat-tentazzjoni. Minħabba li aħna imperfetti rridu niġġieldu l-ħin kollu biex ma nagħmlux dak li hu ħażin. Satana qed jagħmel minn kollox biex jagħmel din il-ġlieda diffiċli ħafna. Mod wieħed kif Satana jipprova jdaħħlilna ħsibijiet ħżiena hu permezz tad-divertiment. Xi divertiment jistaʼ jimlielna moħħna bi ħsibijiet ħżiena u b’hekk ma nibqgħux nodfa għal Ġeħova. Dan jistaʼ jwassalna anki biex nagħmlu dnubiet serji.—Mk. 7:21-23; Ġak. 1:14, 15.
17. Meta nitolbu x’għandna nagħmlu biex nevitaw it-tentazzjoni? (Ara l-istampa.)
17 Aħna għandna bżonn l-għajnuna taʼ Ġeħova biex ma nċedux għat-tentazzjonijiet u nagħmlu dak li hu ħażin. Meta Ġesù qal it-Talba tal-Missierna, hu talab: “Tħalliniex naqgħu fit-tentazzjoni, imma eħlisna mill-Ħażin.” (Mt. 6:13) Ġeħova jrid jgħinna, imma aħna rridu nitolbuh għall-għajnuna. Wara li nitolbuh, irridu nevitaw affarijiet li jistgħu jwaqqgħuna għat-tentazzjoni. Irridu nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex nevitaw li naqraw u nisimgħu ideat ħżiena li huma popolari fid-dinja taʼ Satana. (Salm 97:10) Nistgħu nimlew moħħna bi ħsibijiet tajbin billi naqraw u nistudjaw il-Bibbja. Meta nattendu l-laqgħat u nieħdu sehem fil-ministeru, se jgħinna wkoll biex ma jkollniex ħsibijiet ħżiena. Ġeħova jwegħedna li mhux se jħallina niġu ttantati iktar milli nifilħu.—1 Kor. 10:12, 13.
18. Kull wieħed u waħda minna x’għandu jagħmel?
18 Kull wieħed u waħda minna jrid jitlob iktar minn qatt qabel biex nibqgħu leali lejn Ġeħova matul dawn l-aħħar żminijiet diffiċli. Kuljum agħmel ħin biex titlob minn qalbek. Ġeħova jridna niftħu qalbna miegħu fil-talb. (Salm 62:8) Faħħar lil Ġeħova u rringrazzjah għal dak kollu li jagħmel. Itolbu biex jgħinek tkun kuraġġuż fil-ministeru. Itolbu minn qalbek biex jgħinek tissaporti kull problema u biex ma ċċedix għat-tentazzjonijiet. Tħalli xejn u lil ħadd iwaqqfek milli titlob lil Ġeħova spiss. Ġeħova kif iwieġeb it-talb tagħna? Fl-artiklu li jmiss se nikkunsidraw din il-mistoqsija importanti.
GĦANJA 42 It-talba tal-qaddej t’Alla
a Aħna rridu li t-talb tagħna jkun bħal ittri li nibagħtu lil ħabib tal-qalb. Imma mhux dejjem faċli nsibu l-ħin biex nitolbu. U jistaʼ jkun diffiċli biex inkunu nafu dwar xiex nitolbu. F’dan l-artiklu se niddiskutu dawn iż-żewġ punti importanti.