ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 18
GĦANJA 1 L-attributi taʼ Ġeħova
Afda fl-Imħallef Ħanin tal-Art Kollha!
“Sejjer l-Imħallef tal-art kollha ma jagħmilx dak li hu sewwa?”—ĠEN. 18:25.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Se nifhmu iktar kif Ġeħova ħa juri ħniena u ġustizzja meta jirxoxta lil nies mhux sewwa.
1. Ġeħova x’lezzjoni importanti għallmu lil Abraham?
DARBA Ġeħova uża anġlu biex ikellem lil Abraham. Hu qallu li kien se jeqred lil Sodoma u Gomorra. Imma avolja Abraham kellu fidi f’Ġeħova, hu ma setax jifhem għala Ġeħova kien ħa jagħmel hekk. Hu staqsieh: “Int veru li se teqred lin-nies sewwa mal-ħżiena? . . . Sejjer l-Imħallef tal-art kollha ma jagħmilx dak li hu sewwa?” Imma Ġeħova għallmu xi ħaġa importanti ħafna lil Abraham, li hu qatt ma kien se jeqred lin-nies tajbin. Illum kollha kemm aħna nistgħu nitgħallmu minn din il-lezzjoni.—Ġen. 18:23-33.
2. Għala nistgħu nkunu ċerti li meta Ġeħova jiġġudika lin-nies, dejjem jagħmel dak li hu sew u juri l-ħniena?
2 Kif nistgħu nkunu ċerti li meta Ġeħova jiġġudika lin-nies, dejjem jagħmel dak li hu sew u juri ħniena? Għax aħna nafu li Ġeħova ‘jara x’hemm fil-qalb’ tan-nies. (1 Sam. 16:7) Fil-fatt hu “jfittex fil-qlub kollha.” (1 Slat. 8:39; 1 Kron. 28:9) Ġeħova tant hu għaref li aħna qatt ma nistgħu nkunu nafu daqsu. Allura mhux dejjem ħa nifhmu għala jieħu ċertu deċiżjonijiet. L-appostlu Pawlu qal: “Il-ġudizzji tiegħu ma jistgħux jiġu spjegati!”—Rum. 11:33.
3-4. X’mistoqsijiet jistaʼ jkollna, u x’se naraw f’dan l-artiklu? (Ġwanni 5:28, 29)
3 Aħna nafu li dak li jagħmel Ġeħova dejjem ikun sew. Imma bħal Abraham xi kultant jaf insaqsu: ‘In-nies li nqerdu, bħal fi żmien Sodoma u Gomorra, hemm xi tama li jerġgħu jgħixu? Jistaʼ jkun li xi wħud minnhom jirxoxtaw maʼ “dawk li mhumiex sewwa”?’—Atti 24:15.
4 Ejja naraw x’nifhmu meta nitkellmu dwar l-irxoxt. Dan l-aħħar irċivejna spjegazzjoni iżjed ċara dwar xi jfisser l-irxoxt għal dawk li ħa “jingħataw il-ħajja taʼ dejjem” u għal dawk li għamlu l-ħażin u li “se jiġu ġġudikati.” a (Aqra Ġwanni 5:28, 29.) F’dan l-artiklu u taʼ warajh se naraw x’qed nifhmu iktar ċar dwar l-irxoxt. L-ewwel ħa naraw dak li ma nafux dwar kif Ġeħova jiġġudika, imbagħad ħa naraw dak li nafu.
DAK LI MA NAFUX
5. Fil-passat x’konna ngħidu dwar dawk li nqerdu f’Sodoma u Gomorra?
5 Fil-passat, il-pubblikazzjonijiet tagħna kienu jitkellmu dwar x’se jiġri min-nies li Ġeħova qered. Pereżempju, konna naħsbu li nies bħal taʼ Sodoma u Gomorra mhumiex ħa jiġu rxoxtati. Imma wara li studjajna u tlabna ħafna dwar dan is-suġġett, huwa ċar li ma nistgħux inkunu ċerti. Għala?
6. X’inhuma xi eżempji taʼ meta Ġeħova qered nies ħżiena fil-passat, u aħna x’ma nafux?
6 Fil-Bibbja hemm ħafna rakkonti li jitkellmu dwar kif Ġeħova qered nies li ma kinux tajbin. Pereżempju, fid-dulluvju Ġeħova qered lil kulħadd minbarra lil Noè u l-familja tiegħu. Hu kkmanda lill-Iżraelin biex jeqirdu lin-nies li kienu qed jgħixu fl-Art Imwiegħda. U f’lejl wieħed permezz taʼ anġlu qatel 185,000 suldat Assirjan. (Ġen. 7:23; Dt. 7:1-3; Is. 37:36, 37) Imma l-Bibbja ma tgħidx li Ġeħova ddeċieda li dawk in-nies kollha mietu għal dejjem, u qatt mhu ħa jerġaʼ jirxoxtahom. Għala nistgħu ngħidu hekk?
7. X’ma nafux dwar in-nies li nqerdu fid-dulluvju u dawk li nqerdu meta l-Iżraelin rebħu l-art taʼ Kangħan? (Ara l-istampa.)
7 Mill-eżempji li rajna, ma nafux kif Ġeħova ġġudika lil kull persuna. Lanqas ma nafu jekk dawk in-nies li mietu kellhomx iċ-ċans jitgħallmu dwar Ġeħova u jbiddlu ħajjithom. Pereżempju, meta l-Bibbja titkellem dwar żmien id-dulluvju, tgħid li Noè kien “predikatur tal-ġustizzja.” (2 Pt. 2:5) Imma ma tgħidx li waqt li kien qed jibni dik l-arka enormi, ipprova jipprietka lil kull persuna fid-dinja. Bl-istess mod, ma nafux jekk in-nies ħżiena kollha taʼ Kangħan kellhomx iċ-ċans jitgħallmu dwar Ġeħova u jbiddlu ħajjithom.
8. X’ma nafux dwar in-nies taʼ Sodoma u Gomorra?
8 Xi ngħidu għan-nies li mietu meta Ġeħova qered lil Sodoma u Gomorra? Lot, li kien raġel sewwa, kien jgħix fosthom. Imma nafu jekk Lot ippritkax lil kulħadd? Le. X’aktarx li mhux in-nies kollha kienu jafu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Fil-fatt il-Bibbja tgħid li grupp taʼ rġiel mill-belt riedu jirrejpjaw lill-mistednin taʼ Lot. F’dan il-grupp kien hemm anke tfal. Allura forsi lanqas kienu jafu kemm kien gravi dak li kienu qed jagħmlu. (Ġen. 19:4; 2 Pt. 2:7) Iddeċieda Ġeħova, li hu Alla mimli ħniena, li ħadd minn dawn in-nies mhu se jiġi rxoxtat? Ma nafux. Ġeħova lil Abraham qallu li lanqas għaxra min-nies ma kien hemm sewwa. (Ġen. 18:32) Allura jekk ma kinux nies sewwa, Ġeħova kellu raġun li jeqridhom minħabba dak li kienu għamlu. Imma ħadd minnhom mhu se jiġi rxoxtat ma “dawk li mhumiex sewwa”? Ma nafux.
9. X’ma nafux dwar Salamun?
9 Il-Bibbja ssemmi nies li kienu sewwa imma ma baqgħux. Wieħed minnhom hu r-Re Salamun. Hu kien jafu lil Ġeħova u kien jaqdih kif suppost, allura Ġeħova bierku b’ħafna modi. Imma mbagħad beda jqim allat foloz. Ġeħova kien irrabjat ħafna u mijiet taʼ snin wara, l-Iżraelin kienu għadhom qed ibatu minħabba d-dnubiet taʼ Salamun. Il-Bibbja tgħid li meta miet Salamun, “indifen fil-Belt taʼ David missieru,” maʼ rġiel leali oħra. (1 Slat. 11:5-9, 43; 2 Slat. 23:13) Il-mod kif indifen juri li Ġeħova żgur se jirxoxtah? Il-Bibbja ma tgħidilniex. Xi nies jaħsbu li Salamun se jiġi rxoxtat għax il-Bibbja tgħid li “min miet inħafirlu d-dnub tiegħu.” (Rum. 6:7) Imma dan ma jfissirx li kull min miet ħa jirxoxta, għax l-irxoxt mhuwiex dritt, imma rigal mingħand Alla għax iħobbna. Hu se jagħti dan ir-rigal lil dawk li se jtihom l-opportunità li jgħixu għal dejjem. (Ġob 14:13, 14; Ġw. 6:44) Salamun se jkollu dan ir-rigal? Ġeħova biss jaf. Li nafu hu li Ġeħova dejjem jagħmel dak li hu tajjeb.
DAK LI NAFU
10. Ġeħova kif iħossu dwar li jeqred in-nies? (Eżekjel 33:11) (Ara l-istampa.)
10 Aqra Eżekjel 33:11. Ġeħova jgħidilna kif iħossu meta jiġġudika lin-nies. Pereżempju, l-appostlu Pietru qal xi ħaġa simili bħal Eżekjel, li “Ġeħova . . . ma jixtieqx li xi ħadd jinqered.” (2 Pt. 3:9) Minn dan il-kliem nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova mhux se jeqred lil xi ħadd għal dejjem għalxejn. Imma meta jagħmel hekk dejjem ikollu raġuni tajba. Hu mimli ħniena, u juri din il-kwalità kull meta jkun possibbli.
11. Min mhux se jiġi rxoxtat, u kif nafu?
11 Nafu b’nies li mhux se jiġu rxoxtati? Il-Bibbja ssemmi xi ftit minnhom. b Pereżempju, Ġesù qal li Ġuda l-Iskarjota mhux se jiġi rxoxtat. (Mk. 14:21; Ġw. 17:12) Dan għax Ġuda ħadha kontra Ġeħova u Ġesù apposta. c (Mk. 3:29) Ġesù qal ukoll li mexxejja reliġjużi li ħaduha kontrih mhux se jkollhom ċans għal irxoxt. (Mt. 23:33) U l-appostlu Pawlu qal li l-apostati li ma jiddispjaċihomx taʼ dak li qalu u għamlu mhux se jkollhom irxoxt.—Ebr. 6:4-8; 10:29.
12. Agħti eżempju taʼ kif Ġeħova juri ħniena.
12 Bħalma rajna, Ġeħova hu mimli ħniena u “ma jixtieqx li xi ħadd jinqered.” Hu kif wera ħniena maʼ wħud li għamlu dnubiet serji? Ir-Re David għamel ħafna dnubiet serji, inkluż li ħa mara taʼ raġel ieħor u qatel. Imma hu veru ddispjaċieh għal dak li għamel, u Ġeħova wera ħniena u ħafirlu. (2 Sam. 12:1-13) Ir-Re Manasse għamel affarijiet ħżiena għal kważi ħajtu kollha. Minkejja l-affarijiet li għamel, Ġeħova xorta wrieh ħniena u ħafirlu għax Manasse wera li veru ddispjaċieh. (2 Kron. 33:9-16) Dawn l-eżempji jfakkruna li Ġeħova juri ħniena meta jara li n-nies iddispjaċiehom tal-ħażen li għamlu. B’hekk hu se jirxoxta wħud bħal dawn.
13. (a) Ġeħova għala wera ħniena man-nies taʼ Ninwe? (b) Iżjed tard Ġesù x’qal dwar in-nies taʼ Ninwe?
13 Nafu wkoll li Ġeħova wera ħniena man-nies taʼ Ninwe. Alla qal lil Ġona: “Il-ħażen tagħhom telaʼ sa quddiemi.” Imma meta vera ddispjaċiehom, Ġeħova ħafrilhom. Hu wera iżjed ħniena minn Ġona, għax Ġona kien irrabjat. Ġeħova kellu jfakkru li n-nies taʼ Ninwe ma kinux jafu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. (Ġona 1:1, 2; 3:10; 4:9-11) Snin wara, Ġesù uża dan l-eżempju biex jgħallem dwar il-ġustizzja u l-ħniena taʼ Ġeħova. Hu qal li “n-nies taʼ Ninwe se jiġu rxoxtati f’Jum il-Ġudizzju.”—Mt. 12:41.
14. In-nies taʼ Ninwe x’opportunità se jkollhom meta jiġu rxoxtati?
14 X’inhu “Jum il-Ġudizzju” li ‘se jiġu rxoxtati’ fih in-nies taʼ Ninwe? Ġesù għallem li fil-futur ħa jiġu rxoxtati dawk li għamlu l-ħażin u “se jiġu ġġudikati.” (Ġw. 5:29) Hu kien qed jitkellem dwar it-Tmexxija taʼ Elf Sena meta se jiġu rxoxtati ‘nies sewwa kif ukoll dawk li mhumiex sewwa.’ (Atti 24:15) Dawk li mhumiex sewwa se jiġu ġġudikati. Dan ifisser li maż-żmien, Ġeħova u Ġesù se jaraw jekk hux se jobduhom u jaċċettawx il-verità. Mela jekk xi ħadd minn Ninwe li jiġi rxoxtat ma jkunx irid jaqdi lil Ġeħova, Ġeħova se jeqirdu. (Is. 65:20) Imma n-nies kollha li jaċċettaw li jaqdu lil Ġeħova se jgħixu għal dejjem!—Dan. 12:2.
15. (a) Għala m’għandniex ngħidu li dawk li mietu f’Sodoma u Gomorra mhux se jiġu rxoxtati? (b) Kif nistgħu nifhmu l-kliem taʼ Ġuda 7? (Ara l-kaxxa “ X’Ried Ifisser Ġuda?”)
15 Meta Ġesù tkellem dwar in-nies taʼ Sodoma u Gomorra, qal li “Jum il-Ġudizzju” se jkun iktar faċli għalihom milli għal dawk li m’aċċettawx it-tagħlim tiegħu. (Mt. 10:14, 15; 11:23, 24; Lq. 10:12) X’ried ifisser? Nistgħu naħsbu li Ġesù esaġera biex juri li n-nies taʼ żmienu kienu agħar min-nies taʼ Sodoma u Gomorra. Imma meta kien qed jitkellem dwar in-nies taʼ Ninwe, hu vera ried jgħid li se jiġu rxoxtati f’Jum il-Ġudizzju. Mela milli jidher anke dwar in-nies taʼ Sodoma u Gomorra ma kienx qed jesaġera. Id-darbtejn li semma “Jum il-Ġudizzju” kien qed jgħid għall-istess ħaġa. Kemm in-nies taʼ Sodoma u Gomorra u anke taʼ Ninwe għamlu affarijiet ħżiena, imma taʼ Ninwe kellhom iċ-ċans li jiddispjaċihom. Ftakar li Ġesù qal li “dawk li għamlu l-ħażin se jiġu ġġudikati” wara li jiġu rxoxtati. (Ġw. 5:29) Mela milli jidher xi wħud min-nies taʼ Sodoma u Gomorra għandhom it-tama li jiġu rxoxtati. Aħna jistaʼ jkollna l-opportunità li ngħallmuhom dwar Ġeħova u Ġesù Kristu.
16. Ġeħova kif se jiddeċiedi lil min jirxoxta? (Ġeremija 17:10)
16 Aqra Ġeremija 17:10. Dan il-vers jurina x’nafu dwar kif Ġeħova jiġġudika. Ġeħova dejjem ‘jgħarbel il-qalb’ u jeżamina dak li naħsbu. Fil-futur Ġeħova se jiddeċiedi lil min se jirxoxta skont dak li għamlu f’ħajjithom. Ġeħova se juri l-ħniena fejn hu possibbli imma dejjem se jkun ġust. Mela qatt m’għandna ngħidu li xi ħadd mhux se jiġi rxoxtat, sakemm ma tgħidilniex il-Bibbja.
“L-IMĦALLEF TAL-ART KOLLHA” SE JAGĦMEL “DAK LI HU SEWWA”
17. X’se jiġri min-nies li mietu?
17 Minn mindu Adam u Eva ngħaqdu maʼ Satana u rribellaw kontra Ġeħova, mietu biljuni taʼ nies. Il-mewt hi għadu b’saħħtu! (1 Kor. 15:26) X’se jiġrilhom in-nies kollha li mietu? 144,000 minnhom, li baqgħu leali lejn Kristu, se jiġu rxoxtati fis-sema u mhu se jmutu qatt, jiġifieri jsiru immortali. (Riv. 14:1) Numru kbir taʼ qaddejja leali taʼ Ġeħova se jkunu parti mill-irxoxt taʼ nies sewwa. Jekk jibqgħu tajbin waqt l-elf sena u l-aħħar test, se jgħixu għal dejjem fuq l-art. (Dan. 12:13; Ebr. 12:1) F’dak iż-żmien, dawk li “mhumiex sewwa,” inkluż dawk li qatt ma qdew lil Ġeħova u dawk li għamlu l-ħażin, se jkollhom l-opportunità li jinbidlu u jsiru qaddejja taʼ Ġeħova. (Lq. 23:42, 43) Imma xi nies tant kienu ħżiena u riedu jiħduha kontra Ġeħova, li hu ddeċieda li mhux se jirxoxtahom.—Lq. 12:4, 5.
18-19. (a) Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jiġġudika b’mod tajjeb lil dawk li mietu? (Isaija 55:8, 9) (b) X’se niddiskutu fl-artiklu li jmiss?
18 Nistgħu nkunu ċerti li meta Ġeħova jiġġudika, dejjem jieħu deċiżjoni tajba. Abraham kien jaf li Ġeħova, bħala “l-Imħallef tal-art kollha,” hu perfett, għaref u ħanin. Hu għallem lil ibnu u tah ir-responsabbiltà li jiġġudika lil kulħadd. (Ġw. 5:22) Kemm Ġeħova u anke Ġesù jafu x’taħseb u tħoss kull persuna. (Mt. 9:4) Allura meta jiġġudikaw dejjem se jagħmlu “dak li hu sewwa.”
19 Ejja nafdaw li Ġeħova dejjem jieħu deċiżjonijiet tajbin. Aħna nafu li m’għandniex dritt li niġġudikaw, imma Ġeħova iva. (Aqra Isaija 55:8, 9.) B’hekk aħna nħallu f’idejn Ġeħova u Ġesù biex jiġġudikaw. Nafu wkoll li Ġesù bħala r-Re, se jimita l-ġustizzja u l-ħniena taʼ Missieru b’mod perfett. (Is. 11:3, 4) X’nafu dwar kif Ġeħova u Ġesù se jiġġudikaw lin-nies fiż-żmien taʼ tbatija kbira? X’ma nafux? L-artiklu li jmiss se jwieġeb dawn il-mistoqsijiet.
GĦANJA 57 Nippritkaw lil kull xorta taʼ bnedmin
b Dwar Adam, Eva, u Kajjin, ara n-nota taʼ taħt f’It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Jannar 2013, p. 12.
c Għal iktar informazzjoni ara l-artiklu “X’inhu d-dnub li ma jinħafirx?” fuq jw.org.