ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 46
Ġeħova Jgħinna Nissaportu bil-Ferħ
“Ġeħova se jibqaʼ jistenna biex jurikom qalb tajba, u għaldaqstant se jqum biex jurikom ħniena.”—IS. 30:18.
GĦANJA 3 Ġeħova jqawwina, ifarraġna, u jtina tama
ĦARSA BIL-QUDDIEM a
1-2. (a) Liema mistoqsijiet se niddiskutu? (b) X’juri li Ġeħova vera jixtieq jgħinna?
ĠEĦOVA jgħinna nissaportu l-problemi tagħna u nibqgħu ferħanin waqt li naqduh. Kif jgħinna? U kif nistgħu nibbenefikaw l-iżjed mill-għajnuna tiegħu? Dan l-artiklu se jwieġeb dawn il-mistoqsijiet. Imma qabel, ejja nwieġbu din il-mistoqsija: Ġeħova vera jixtieq jgħinna?
2 Dak li qal l-appostlu Pawlu fl-ittra tiegħu lill-Ebrej jistaʼ jgħinna nsibu t-tweġiba. Hu qal: “Ġeħova hu dak li jgħinni; m’iniex se nibżaʼ. X’jistaʼ jagħmilli l-bniedem?” (Ebr. 13:6) Xi studjużi tal-Bibbja qalu li f’dan il-vers il-kelma “jgħinni” tirreferi għal xi ħadd li jmur jiġri biex jgħin lil xi ħadd ieħor li qed jgħajjat għall-għajnuna. Immaġina lil Ġeħova jmur jiġri biex isalva lil xi ħadd li qed ibati. Żgur li taqbel li dan jurina kemm Ġeħova jixtieq jgħinna. Meta jgħinna, aħna nistgħu nibqgħu ferħanin waqt li nissaportu l-provi.
3. Ġeħova b’liema tliet modi jgħinna nibqgħu ferħanin waqt li nissaportu l-provi?
3 X’inhuma xi modi kif Ġeħova jgħinna nibqgħu ferħanin waqt li nissaportu l-provi? Biex insibu t-tweġiba, ejja naqraw parti mill-ktieb taʼ Isaija. Għala? Għax ħafna mill-profeziji li Ġeħova ta lil Isaija japplikaw għalina. Isaija ħafna drabi jiddeskrivi lil Ġeħova bi kliem li hu faċli li nifhmuh. Nistgħu naraw dan f’Isaija kapitlu 30. F’dan il-kapitlu, Isaija juża eżempji sbieħ biex jiddeskrivi kif Ġeħova jgħin lin-nies tiegħu. Hu kiteb li Ġeħova jgħinna billi (1) jismaʼ sew it-talb tagħna u jwieġbu, (2) jgħallimna, u (3) jagħtina barkiet issa u anki fil-futur. Ejja niddiskutu t-tliet modi taʼ kif Ġeħova jgħinna.
ĠEĦOVA JISMAGĦNA
4. (a) Ġeħova x’qal dwar il-Lhud taʼ żmien Isaija, u minn xiex ħalliehom jgħaddu? (b) Ġeħova x’tama tahom lil dawk li kienu leali? (Isaija 30:18, 19)
4 Fil-bidu taʼ Isaija kapitlu 30, Ġeħova jgħid li l-Lhud kienu “wlied rashom iebsa,” li “jżidu dnub fuq dnub.” Hu jkompli jgħid: ‘Huwa poplu ribelluż li ma kienx lest jismaʼ l-liġi taʼ Ġeħova.’ (Is. 30:1, 9) Talli ma ridux jagħtu kas, Isaija qalilhom li Ġeħova se jħallihom ibatu l-konsegwenzi. (Is. 30:5, 17; Ġer. 25:8-11) U hekk ġara meta l-Babiloniżi ħaduhom f’Babilonja bħala priġunieri. Imma ftit mil-Lhud kienu leali, u Isaija kellu messaġġ taʼ tama għalihom. Hu qalilhom li xi darba Ġeħova se jħallihom jerġgħu jmorru lura Ġerusalemm biex jgħixu fiha. (Aqra Isaija 30:18, 19.) U eżatt hekk ġara. Ġeħova ħelishom minn Babilonja. Imma kellhom jgħaddu ħafna snin qabel Ġeħova jeħlishom. Il-kliem “Ġeħova se jibqaʼ jistenna biex jurikom qalb tajba” juri li kellu jgħaddi xi żmien qabel dawk leali kellhom jiġu meħlusin. Fil-fatt, l-Iżraelin għamlu 70 sena f’Babilonja qabel ma ftit minnhom setgħu jmorru lura Ġerusalemm. (Is. 10:21; Ġer. 29:10) Meta l-Iżraelin kienu Babilonja bkew għax kienu mdejqin ħafna, imma meta marru lura Ġerusalemm, huma bkew bil-ferħ.
5. Isaija 30:19 minn xiex jaċċertana?
5 Illum nistgħu niġu inkuraġġiti mill-kliem: “Hu bla dubju jħenn għalik mal-ħoss taʼ l-għajta tiegħek.” (Is. 30:19) Isaija jaċċertana li Ġeħova jismagħna sew meta nitolbuh għall-għajnuna, u jwieġeb it-talb tagħna malajr. Isaija jkompli jgħid: “Malli jismagħha jwieġbek.” Dan il-kliem ifakkarna li Missierna vera jixtieq jgħin lil dawk li jitolbuh għall-għajnuna. Li nafu dan jgħinna biex inkomplu nissaportu bil-ferħ.
6. Il-kliem taʼ Isaija kif juri li Ġeħova jismaʼ t-talb taʼ kull wieħed u waħda minna?
6 Dan il-vers x’jgħallimna iktar dwar it-talb? Ġeħova jismaʼ sew it-talb taʼ kull wieħed u waħda minna. Għala nistgħu ngħidu dan? L-ewwel parti taʼ Isaija kapitlu 30 qed jitkellem fil-plural għax Ġeħova qed jitkellem dwar il-poplu tiegħu bħala grupp. Imma fil-vers 19 qed jitkellem fis-singular għax il-messaġġ hu għal kull persuna. Isaija kiteb: “Int b’ebda mod ma tibki”; “hu bla dubju jħenn għalik”; “malli jismagħha jwieġbek.” Minħabba li Ġeħova jħobbna, meta jarana skuraġġiti ma jgħidilniex, “Int għandek tkun kuraġġuż bħal ħuk jew oħtok.” Minflok, hu jimpurtah minn kull wieħed u waħda minna u joqgħod attent għat-talb li nitolbuh b’mod individwali.—Salm 116:1; Is. 57:15.
7. Isaija u Ġesù kif juruna li huwa importanti li nibqgħu nitolbu?
7 Meta nitolbu lil Alla u ngħidulu dwar dak li jkun qed jinkwetana, Ġeħova jaf l-ewwel jagħtina s-saħħa biex inkunu nistgħu nissaportu. U jekk il-prova ddum iktar milli naħsbu, jaf ikollna nitolbu lil Ġeħova ħafna drabi biex jagħtina s-saħħa ħalli nibqgħu nissaportu. Fil-fatt, hu jixtieqna nagħmlu hekk. Dan nistgħu narawh mill-kliem li kiteb Isaija: “Lilu [Ġeħova] tħalluhx bi kwietu.” (Is. 62:7) Dan xi jfisser? Aħna rridu nibqgħu nitolbu lil Ġeħova bħallikieku ma nħalluhx bi kwietu. Il-kliem taʼ Isaija jfakkarna fl-eżempju li ġab Ġesù dwar it-talb f’Luqa 11:8-10, 13. Hemmhekk Ġesù jgħidilna biex ‘nippersistu bla mistħija’ fit-talb u biex ‘nibqgħu nitolbu’ għall-ispirtu qaddis. U nistgħu nibqgħu nitolbu lil Ġeħova biex jgħallimna ħalli nieħdu deċiżjonijiet tajbin.
ĠEĦOVA JGĦALLIMNA
8. Fil-passat, il-kliem taʼ Isaija 30:20, 21 kif twettaq?
8 Aqra Isaija 30:20, 21. Meta l-armata Babiloniża dawret lil Ġerusalemm għal sena u nofs, in-nies tant kellhom ansjetà li għalihom din saret xi ħaġa taʼ kuljum, bħall-ħobż u l-ilma. Imma skont versi 20 u 21, Ġeħova wiegħed lil-Lhud li jekk huma kien se jiddispjaċihom u jbiddlu l-mod taʼ ħajja li kienu qed jgħixu, hu kien se jsalvahom. Isaija qal li Ġeħova hu “l-Istruttur Grandjuż” tagħhom u wiegħed lill-poplu li Ġeħova kien se jgħallimhom kif jaqduh b’mod li jogħġob lilu. Dan ġara meta l-Lhud inħelsu minn Babilonja. Ġeħova ta prova li hu l-Istruttur Grandjuż tagħhom, u għax għallimhom, il-poplu tiegħu rnexxielu jerġaʼ jibda jaqdih kif suppost. Aħna ferħanin ħafna għax Ġeħova hu l-Istruttur Grandjuż tagħna.
9. X’inhu mod wieħed kif Ġeħova jgħallimna?
9 F’dawn il-versi, Isaija jgħid li aħna bħal studenti li qed niġu mgħallmin minn Ġeħova b’żewġ modi. L-ewwel, Isaija jgħid: “Għajnejk jaraw lill-Istruttur Grandjuż tiegħek.” F’dan l-eżempju, Isaija jgħid li l-Istruttur qiegħed quddiem l-istudenti tiegħu. Xi privileġġ għandna li Ġeħova qed jgħallimna! Ġeħova kif jagħmel dan? Permezz tal-organizzazzjoni tiegħu. Aħna napprezzaw ħafna d-direzzjoni ċara li nirċievu mill-organizzazzjoni tiegħu. It-tagħlim li nirċievu permezz tal-laqgħat, l-assembleat, il-konvenzjonijiet, il-pubblikazzjonijiet tagħna, il-broadcasting, u ħafna affarijiet oħra jgħinuna nibqgħu ferħanin waqt żminijiet diffiċli.
10. Aħna kif nisimgħu l-kliem t’Alla ġej minn warajna?
10 Isaija jsemmi t-tieni mod kif Ġeħova jgħallimna. Hu qal: “Widnejk jisimgħu kelma minn warajk.” Il-profeta hawnhekk qed jgħid li Ġeħova hu bħal għalliem attent li qed jimxi wara l-istudenti u jgħidilhom f’liema triq għandhom jimxu. Illum aħna nisimgħu leħen Alla minn warajna. Kif? Il-kliem t’Alla li nsibu fil-Bibbja nkiteb ħafna żmien ilu. Għalhekk, meta naqraw il-Bibbja hu bħallikieku qed nisimgħu leħen Alla ġej minn warajna.—Is. 51:4.
11. Biex inkunu ferħanin waqt li nkunu qed nissaportu l-provi xi rridu nagħmlu, u għala?
11 Kif nistgħu nibbenefikaw l-iżjed mit-tagħlim li jagħtina Ġeħova permezz tal-organizzazzjoni tiegħu u l-Bibbja? Innota li Isaija qal żewġ affarijiet. L-ewwel, “din hi t-triq,” u t-tieni, “imxu fiha.” (Is. 30:21) Mhux biżżejjed li nkunu nafu “t-triq.” Imma rridu wkoll ‘nimxu fiha.’ Permezz tal-Bibbja u l-mod kif tispjegahielna l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova, aħna nitgħallmu xi jrid minna Alla. Aħna nitgħallmu wkoll kif napplikaw dak li nitgħallmu. Biex inkunu ferħanin u nibqgħu nissaportu waqt li naqdu lil Ġeħova rridu nibqgħu nagħmlu dawn iż-żewġ affarijiet. U jekk nagħmlu hekk nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jberikna.
ĠEĦOVA JBERIKNA
12. Skont Isaija 30:23-26, Ġeħova kif kien se jbierek lill-poplu tiegħu?
12 Aqra Isaija 30:23-26. Din il-profezija kif twettqet għal-Lhud li kienu reġgħu lura f’Iżrael wara li nħelsu minn Babilonja? Ġeħova tahom ħafna affarijiet biex jgħinhom jgħixu u jibqgħu jaqduh. Ġeħova ta lill-poplu tiegħu ħafna ikel. Imma l-iktar importanti, hu tahom dak kollu li kellhom bżonn biex jibqgħu qrib tiegħu u jerġgħu jibdew jaqduh kif ried hu. Sa dak iż-żmien, in-nies t’Alla kienu għadhom qatt ma rċivew daqshekk affarijiet tajbin mingħandu. Vers 26 juri li Ġeħova tahom ħafna iktar dawl spiritwali, jiġifieri għenhom biex jifhmu l-Kelma tiegħu. (Is. 60:2) Il-barkiet tiegħu għenu lill-qaddejja tiegħu biex ikomplu jaqduh b’ferħ u b’kuraġġ “minħabba l-kundizzjoni tajba taʼ qalbhom.”—Is. 65:14.
13. Il-profezija dwar kif il-Lhud kellhom jaqdu lil Ġeħova kif qed titwettaq illum?
13 Il-profezija dwar kif il-Lhud kellhom jaqdu lil Ġeħova tapplika għalina llum? Dażgur! B’liema mod? Mill-1919 ’l hawn, miljuni taʼ nies inħelsu minn Babilonja l-Kbira, li hi r-reliġjonijiet foloz kollha tad-dinja. Ġeħova wassalhom f’post aħjar mill-Art Imwiegħda tal-Iżraelin. Huma qegħdin f’ġenna spiritwali. (Is. 51:3; 66:8) X’inhi din il-ġenna spiritwali?
14. X’inhi l-ġenna spiritwali, u min qed jgħix fiha? (Ara Espressjoni Spjegata.)
14 Mill-1919 ’l hawn, il-midlukin gawdew ġenna spiritwali. b Dawk li għandhom it-tama li jgħixu fuq l-art, in-“nagħaġ oħrajn,” ukoll daħlu f’din il-ġenna spiritwali u gawdew ħafna barkiet mingħand Ġeħova.—Ġw. 10:16; Is. 25:6; 65:13.
15. Illum fejn qiegħda l-ġenna spiritwali?
15 Din il-ġenna spiritwali fejn qiegħda? Il-qaddejja taʼ Ġeħova jgħixu madwar id-dinja kollha. Mela din il-ġenna spiritwali qiegħda kullimkien. Illum, ngħixu fejn ngħixu, aħna nistgħu nkunu parti minn din il-ġenna spiritwali sakemm inkunu qed naqdu lil Ġeħova kif jixtieq hu.
16. Kif nistgħu nibqgħu naraw is-sbuħija tal-ġenna spiritwali?
16 Biex nibqgħu fil-ġenna spiritwali, fost affarijiet oħra, irridu nibqgħu napprezzaw li nagħmlu parti mill-organizzazzjoni li għandu Ġeħova madwar id-dinja. Kif nistgħu nagħmlu dan? Billi niffokaw fuq l-affarijiet sbieħ taʼ ħutna u mhux fuq l-imperfezzjonijiet tagħhom. (Ġw. 17:20, 21) Dan għala huwa importanti ħafna? Aħseb dwar dan l-eżempju. Meta nkunu fi ġnien sabiħ, aħna nistennew li naraw siġar differenti. Bl-istess mod, fil-kongregazzjonijiet hemm aħwa differenti. (Is. 44:4; 61:3) Aħna rridu niffokaw fuq is-sbuħija tal-“ġnien” u mhux fuq l-imperfezzjonijiet taʼ xi “siġar.” M’għandniex inħallu l-imperfezzjonijiet tagħna jew taʼ xi aħwa fil-kongregazzjoni jtellfuna milli naraw is-sbuħija tal-poplu taʼ Ġeħova madwar id-dinja.
17. Kull wieħed minna x’jistaʼ jagħmel biex iżomm il-kongregazzjoni magħquda?
17 Kull wieħed minna x’jistaʼ jagħmel biex iżomm il-kongregazzjoni magħquda? Irridu naħdmu biex inżommu l-paċi. (Mt. 5:9; Rum. 12:18) Kull darba li nagħmlu l-ewwel pass biex inżommu l-paċi m’oħrajn fil-kongregazzjoni, inkunu qed nagħmlu l-ġenna spiritwali isbaħ. Irridu dejjem niftakru li Ġeħova ġibed lil kull persuna li hemm f’din il-ġenna spiritwali biex taqdih kif jogħġob lilu. (Ġw. 6:44) Immaġina kemm iħossu ferħan Ġeħova meta jarana naħdmu iebes biex inżommu l-paċi bejn l-aħwa li għalih huma prezzjużi ħafna! (Is. 26:3; Ħag. 2:7)
18. Dwar xiex għandna naħsbu sew b’mod regulari, u għala?
18 Lill-qaddejja tiegħu, Ġeħova jagħtihom ħafna affarijiet tajbin. Allura aħna kif nistgħu nibbenefikaw l-iktar minnhom? Nistgħu naħsbu sew dwar dak li nistudjaw mill-Kelma t’Alla u mill-pubblikazzjonijiet tagħna. Dan se jgħinna biex ikollna kwalitajiet Kristjani li jimmotivawna nuru “mħabba lejn l-aħwa” u “affezzjoni tenera lejn xulxin” fil-kongregazzjoni. (Rum. 12:10) Meta naħsbu dwar il-barkiet li qed ingawdu, se nsaħħu l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. U meta naħsbu sew dwar l-affarijiet tajbin li Ġeħova wegħedna li se jagħtina fil-futur, se nkunu iktar ċerti li nibqgħu naqduh għal dejjem. Dawn l-affarijiet jgħinuna biex inkomplu naqdu lil Ġeħova bil-ferħ.
DETERMINATI LI NIBQGĦU NISSAPORTU
19. (a) Skont Isaija 30:18, minn xiex nistgħu nkunu ċerti? (b) X’se jgħinna biex nibqgħu nissaportu bil-ferħ?
19 Ġeħova “se jqum” biex jipproteġina meta jeqred lil din id-dinja ħażina. (Is. 30:18) Aħna ċerti li Ġeħova hu “Alla taʼ ġudizzju” u mhux se jħalli lid-dinja taʼ Satana teżisti ġurnata iżjed milli suppost. (Is. 25:9) Flimkien maʼ Ġeħova, bil-paċenzja qed nistennew din il-ġurnata. Imma sa ma tasal, aħna determinati li nkomplu napprezzaw il-privileġġ tat-talb, nistudjaw u napplikaw il-Kelma t’Alla, u nimmeditaw fuq il-barkiet li għandna. Jekk nagħmlu hekk, Ġeħova se jgħinna nissaportu bil-ferħ waqt li naqduh.
GĦANJA 142 Inżommu mat-tama tagħna sat-tmiem
a Dan l-artiklu jitkellem dwar tliet modi kif Ġeħova jgħin lill-qaddejja tiegħu jibqgħu ferħanin waqt li jissaportu l-isfidi. Biex nitgħallmu iktar dwarhom se niddiskutu Isaija kapitlu 30. Dan ħa jfakkarna kemm hu importanti li nitolbu lil Ġeħova, nistudjaw il-Kelma tiegħu, u naħsbu dwar il-barkiet li Ġeħova qed itina issa u dawk li se jagħtina fil-futur.
b ESPRESSJONI SPJEGATA: Aħna nkunu fil-“ġenna spiritwali” meta naqdu lil Ġeħova flimkien. Ġeħova jgħallimna kulma għandna bżonn biex naqduh mingħajr ebda gideb reliġjuż, u għandna ħafna xogħol x’nagħmlu billi nippritkaw l-aħbar tajba dwar is-Saltna t’Alla. Aħna ngawdu ħbiberija mill-qrib maʼ Ġeħova u ngħixu fil-paċi maʼ ħutna, li jgħinuna nissaportu l-isfidi li niffaċċjaw bil-ferħ. Aħna nidħlu fil-ġenna spiritwali meta nibdew naqdu lil Ġeħova kif jogħġob lilu u nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex nimitawh.