ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 45
Ġeħova Kif Jgħinna fix-Xogħol tal-Ippritkar?
“Żgur se jkunu jafu li kien hemm profeta f’nofshom.”—EŻEK. 2:5.
GĦANJA 67 Nippritkaw
ĦARSA BIL-QUDDIEM a
1. Aħna x’nistennew, u minn xiex nistgħu nkunu ċerti?
AĦNA ma niħduhiex bi kbira meta n-nies jiħduha kontrina meta nippritkaw. U x’aktarx li fil-futur se jkollna iktar oppożizzjoni. (Dan. 11:44; 2 Tim. 3:12; Riv. 16:21) Però, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jagħtina l-għajnuna li jkollna bżonn. Għala? Ġeħova dejjem għen lill-qaddejja tiegħu jagħmlu dak li talabhom hu, anki meta l-inkarigu kien diffiċli. Biex inġibu eżempju, ejja niddiskutu xi affarijiet li ġraw lill-profeta Eżekjel, li pprietka lil-Lhud li ttieħdu f’Babilonja.
2. Ġeħova x’qal dwar in-nies li kellu jippritkalhom Eżekjel, u x’se nitgħallmu f’dan l-artiklu? (Eżekjel 2:3-6)
2 Eżekjel lil liema tip taʼ nies kellu jipprietka? Ġeħova qal li huma kienu “insolenti,” “qalbhom iebsa,” u “ribellużi.” Huma kienu jweġġgħu bħax-xewk u perikolużi bħall-iskorpjuni. Huwa għalhekk li Ġeħova qal lil Eżekjel ħafna drabi: “Tibżax”! (Aqra Eżekjel 2:3-6.) Eżekjel irnexxielu jagħmel l-inkarigu tiegħu għax (1) Ġeħova kien li bagħtu, (2) Alla tah il-qawwa li kellu bżonn, u (3) il-Kelma t’Alla saħħet il-fidi tiegħu. Dawn it-tliet affarijiet kif għenu lil Eżekjel? U kif jgħinu lilna llum?
ĠEĦOVA BAGĦAT LIL EŻEKJEL
3. Liema kliem x’aktarx inkuraġġixxa lil Eżekjel, u Ġeħova kif ikkonvinċieh li kien se jgħinu?
3 Ġeħova qal lil Eżekjel: “Qed nibagħtek.” (Eżek. 2:) Dan il-kliem żgur li saħħu. Għala? Għax x’aktarx Eżekjel ftakar li Ġeħova qal xi ħaġa simili lil Mosè u Isaija meta għażilhom biex ikunu l-profeti tiegħu. ( 3, 4Eżo. 3:10; Is. 6:8) Eżekjel kien jaf ukoll kif Ġeħova għen lil dawn iż-żewġ profeti biex jagħmlu l-inkarigu diffiċli tagħhom. Għalhekk, meta Ġeħova qal lil Eżekjel darbtejn: “Qed nibagħtek,” il-profeta kellu raġun jistrieħ fuq l-għajnuna taʼ Ġeħova. U għal ħafna drabi kiteb: “Il-kelma taʼ Ġeħova ġiet għandi.” (Eżek. 3:16) U ħafna drabi oħra kiteb: “Il-kelma taʼ Ġeħova kompliet tiġi għandi.” (Eżek. 6:1) Bla dubju, Eżekjel kien ċert li Ġeħova kien bagħtu. Barra minn hekk, missier Eżekjel kien qassis, u x’aktarx għallmu li Ġeħova dejjem qal lill-profeti tiegħu li kien se jgħinhom. Pereżempju Ġeħova qal lil Iżakk, Ġakobb, u Ġeremija: “Jien miegħek.”—Ġen. 26:24; 28:15; Ġer. 1:8.
4. Liema kliem inkuraġġixxa lil Eżekjel?
4 L-Iżraelin x’kienu se jagħmlu meta jisimgħu dak li jgħidilhom Eżekjel? Ġeħova qal: “Dar Israel mhux se jkunu jridu jisimgħuk, għax ma jridux jisimgħu lili.” (Eżek. 3:7) Minħabba li n-nies m’aċċettawx lil Eżekjel, huma m’aċċettawx lil Ġeħova. Dan il-kliem għen lil Eżekjel ikun ċert li bħala profeta għamel xogħlu tajjeb, minkejja li n-nies ma kinux semgħu minn dak li qalilhom. Ġeħova aċċerta lil Eżekjel li meta l-messaġġ taʼ ġudizzju li pprietka kien se jitwettaq, in-nies kienu “se jkunu jafu li kien hemm profeta f’nofshom.” (Eżek. 2:5; 33:33) Dan żgur li ta s-saħħa li kellu bżonn Eżekjel biex iwettaq l-inkarigu tiegħu.
ĠEĦOVA JIBGĦAT LILNA
5. Skont Isaija 44:8, għala nħossuna inkuraġġiti?
5 Aħna wkoll inħossuna inkuraġġiti għax nafu li Ġeħova bagħatna nippritkaw. Hu jgħidilna li aħna ‘x-xhieda tiegħu,’ u dan hu taʼ unur għalina. (Is. 43:10) Xi privileġġ kbir għandna! Bħalma Ġeħova qal lil Eżekjel: “Tibżax,” Ġeħova jgħid lilna: “Titwerwrux.” Għala m’għandniex għalfejn nibżgħu minn dawk li jiħduha kontrina? Għax bħal Eżekjel, lilna qed jibgħatna Ġeħova u se jgħinna.—Aqra Isaija 44:8.
6. (a) Il-kliem taʼ Isaija 43:2 kif iserrħilna moħħna li Ġeħova se jgħinna? (b) Xi jġegħelna nħossuna inkuraġġiti?
6 Ġeħova jwegħedna li se jgħinna. Pereżempju, eżatt qabel Ġeħova qal: “Intom ix-xhieda tiegħi,” hu qal: “Jekk tgħaddi mill-ilmijiet, jien inkun miegħek; u mix-xmajjar, dawn ma jgħarrqukx. Jekk ikollok tgħaddi min-nar, ma tinħaraqx, u l-fjamma ma xxawtekx.” (Is. 43:2) Meta nippritkaw, xi kultant nesperjenzaw ħafna sfidi li nistgħu nqabbluhom max-xmajjar li jistgħu jgħarrquna, u problemi diffiċli li nistgħu nqabbluhom man-nar. Imma Ġeħova se jgħinna biex inkomplu nippritkaw. (Is. 41:13) Illum, ħafna nies ma jaċċettawx il-messaġġ tagħna, bħalma għamlu fi żmien Eżekjel. Imma mhux għax ma nippritkawx b’mod tajjeb. Aħna nħossuna inkuraġġiti għax nafu li Ġeħova jkun ferħan meta aħna nibqgħu nippritkaw l-aħbar tajba. L-appostlu Pawlu kiteb: “Kull wieħed jirċievi l-premju tiegħu skond il-ħidma tiegħu.” (1 Kor. 3:8; 4:1, 2) Oħt li ilha pijuniera tgħid: “Vera nħossni ferħana għax naf li Ġeħova jippremjana għall-isforzi li nagħmlu.”
L-ISPIRTU T’ALLA TA LIL EŻEKJEL IL-QAWWA LI KELLU BŻONN
7. Eżekjel kif ħassu meta ħaseb dwar il-viżjoni li ra? (Ara l-istampa tal-qoxra.)
7 Eżekjel ra kemm hu b’saħħtu l-ispirtu t’Alla. Dak li ra Eżekjel fil-viżjoni għenu jifhem li l-ispirtu qaddis kien qed jgħin lill-anġli u kien qiegħed imexxi r-roti kbar tal-karru ċelestjali. (Eżek. 1:20, 21) Eżekjel x’għamel? Hu kiteb dak li ġara: “Meta rajt dan, inxtħett wiċċi fl-art.” Eżekjel tant baqaʼ mistagħġeb li waqaʼ mal-art. (Eżek. 1:28) Iktar tard, meta Eżekjel ħaseb dwar dik il-viżjoni tal-għaġeb, sar iktar konvint li l-ispirtu t’Alla kien se jgħinu jagħmel l-inkarigu tiegħu.
8-9. (a) Xi ġralu Eżekjel meta Ġeħova qallu biex iqum bilwieqfa? (b) Ġeħova kif kompla jsaħħaħ lil Eżekjel biex jagħmel l-inkarigu diffiċli tiegħu?
8 Ġeħova kkmanda lil Eżekjel: “Bin il-bniedem, qum fuq saqajk ħa nkellmek.” Dan il-kmand flimkien mal-ispirtu ta’ Ġeħova ta s-saħħa li kellu bżonn Eżekjel biex iqum minn mal-art. Eżekjel kiteb: “Daħal fija l-ispirtu li qajjimni fuq saqajja.” (Eżek. 2:1, 2) Matul il-ministeru tiegħu, Eżekjel kien iggwidat minn “id” Alla, jiġifieri l-ispirtu qaddis tiegħu. (Eżek. 3:22; 8:1; 33:22; 37:1; 40:1) L-ispirtu t’Alla saħħaħ lil Eżekjel biex jagħmel l-inkarigu tiegħu, li jipprietka lin-nies li kellhom “rashom iebsa u qalbhom iebsa.” (Eżek. 3:7) Ġeħova qal lil Eżekjel: “Għamiltlek wiċċek iebes eżatt daqs wiċċhom u ġbinek iebes eżatt daqs ġbinhom. Bħal djamant għamilthulek ġbinek, u iebes iktar miż-żnied. Tibżax minnhom, u tħallix lil wiċċhom iwerwrek.” (Eżek. 3:8, 9) Kien bħallikieku Ġeħova qed jgħid lil Eżekjel: ‘Tħallix lil dawk li ma jridux jisimgħuk jiskuraġġuk. Jien se nsaħħek.’
9 Wara dan, l-ispirtu t’Alla ħa lil Eżekjel fil-post fejn kellu jipprietka. Eżekjel kiteb: “Id Ġeħova fuqi kienet b’saħħitha.” Kellha tgħaddi ġimgħa biex Eżekjel jitgħallem u jifhem il-messaġġ li kellu jipprietka biex b’hekk ikun konvint minnu. (Eżek. 3:14, 15) Imbagħad Ġeħova qallu biex imur f’wied fejn ‘l-ispirtu daħal fih.’ (Eżek. 3:23, 24) Eżekjel kien lest biex jibda l-inkarigu tiegħu.
L-ISPIRTU T’ALLA JAGĦTINA S-SAĦĦA LI GĦANDNA BŻONN
10. X’għajnuna għandna bżonn biex nippritkaw, u għala?
10 X’għajnuna għandna bżonn biex nagħmlu x-xogħol tal-ippritkar? Biex inwieġbu din il-mistoqsija, aħseb dwar dak li ġara lil Eżekjel. Qabel ma beda jipprietka, l-ispirtu t’Alla tah is-saħħa li kellu bżonn. Bħal Eżekjel, illum aħna wkoll nistgħu nippritkaw biss għax jgħinna l-ispirtu t’Alla. Għala? Għax Satana qed jara x‘se jagħmel biex iwaqqaf ix-xogħol tal-ippritkar li nagħmlu. (Riv. 12:17) Ħafna nies jaħsbu li Satana tant hu b’saħħtu li aħna ma nistgħux nirbħu l-ġlieda li qed niġġieldu kontrih. Imma permezz tax-xogħol tal-ippritkar, aħna qed nirbħulu! (Riv. 12:9-11) B’liema mod? Meta nippritkaw inkunu qed nuru lil Satana li aħna ma nibżgħux meta jipprova jiskuraġġina. Kull meta nippritkaw, Satana jkun tilef. Allura x’nitgħallmu meta nibqgħu nippritkaw anki meta l-għedewwa tagħna jiħduha kontrina? Jidher ċar li Ġeħova jagħtina s-saħħa permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu u li Ġeħova qiegħed magħna.—Mt. 5:10-12; 1 Pt. 4:14.
11. L-ispirtu t’Alla x’se jagħmel għalina, u kif nistgħu nibqgħu nirċivuh?
11 X’nistgħu nitgħallmu iżjed meta naħsbu dwar kif Ġeħova ta l-qawwa li kellu bżonn Eżekjel biex ikompli jipprietka? L-ispirtu t’Alla jistaʼ jagħtina s-saħħa li jkollna bżonn biex negħlbu kull problema li niffaċċjaw fil-ministeru. (2 Kor. 4:7-9) Allura x’nistgħu nagħmlu biex inkomplu nirċievu l-ispirtu t’Alla? Irridu nibqgħu nitolbu għalih u nkunu konvinti li Ġeħova se jismaʼ t-talb tagħna. Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu: “Ibqgħu itolbu, . . . ibqgħu fittxu, . . . ibqgħu ħabbtu.” B’hekk, Ġeħova “jagħti l-ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh.”—Lq. 11:9, 13; Atti 1:14; 2:4.
IL-KLIEM T’ALLA SAĦĦAĦ IL-FIDI T’EŻEKJEL
12. Skont Eżekjel 2:9, 10; 3:1–3, minn fejn ġie l-iskroll u x’kien fih?
12 L-ispirtu t’Alla ta lil Eżekjel il-kuraġġ li kellu bżonn biex jipprietka. Imma mhux hekk biss. Il-kliem t’Alla saħħaħ ukoll il-fidi tiegħu. Fil-viżjoni, Eżekjel ra id iżżomm skroll. (Aqra Eżekjel 2:9, 10; 3:1–3.) L-iskroll minn fejn ġie? X’kien fih? U kif saħħaħ lil Eżekjel? Ejja naraw. L-iskroll ġie mit-tron t’Alla. X’aktarx, Ġeħova uża wieħed mill-erbaʼ anġli li Eżekjel kien ra qabel biex jagħtih l-iskroll. (Eżek. 1:8; 10:7, 20) L-iskroll kien fih il-kliem t’Alla, li kien messaġġ twil taʼ ġudizzju li Eżekjel kellu jipprietka lil-Lhud ribellużi li ttieħdu Babilonja. (Eżek. 2:7) Dan il-messaġġ kien miktub fuq quddiem u fuq wara tal-iskroll.
13. Ġeħova x’qallu biex jagħmel lil Eżekjel bl-iskroll, u għala kien ħelu?
13 Ġeħova qal lill-profeta tiegħu biex jiekol l-iskroll u ‘jimla l-istonku.’ Eżekjel obda u kiel l-iskroll kollu. Din il-parti tal-viżjoni xi tfisser? Eżekjel kellu jifhem sew il-messaġġ li kien se jmur jipprietka. Hu kellu jemmen dan il-messaġġ biex jimmotivah ħalli jipprietka. Imbagħad ġrat xi ħaġa tal-għaġeb. Eżekjel induna li l-iskroll “kien ħelu bħall-għasel.” (Eżek. 3:3) Għala? Għal Eżekjel, il-privileġġ li jirrappreżenta lil Ġeħova kien ħelu, jew xi ħaġa sabiħa. (Salm 19:8-11) Hu kien ferħan li Ġeħova għażlu biex jaqdih bħala profeta.
14. X’għen lil Eżekjel ikun preparat għall-inkarigu tiegħu?
14 Iktar tard, Ġeħova qal lil Eżekjel: “Il-kliem kollu li se ngħidlek daħħlu f’qalbek u isimgħu b’widnejk.” (Eżek. 3:10) B’dan il-kliem, Ġeħova qal lil Eżekjel biex jipprova jiftakar x’kien hemm miktub fl-iskroll u biex jaħseb sew dwaru. Meta għamel hekk, il-fidi tiegħu saret iktar b’saħħitha. L-iskroll kien fih messaġġ qawwi li kellu jgħid lin-nies. (Eżek. 3:11) Meta Eżekjel fehem u emmen il-messaġġ t’Alla, hu setaʼ jibda jipprietka u jkompli sakemm ilesti l-inkarigu tiegħu.—Qabbel Salm 19:14.
DAK LI JGĦID ALLA JSAĦĦILNA L-FIDI
15. Biex nibqgħu nissaportu xi rridu ‘ndaħħlu f’qalbna’?
15 Biex nissaportu l-isfidi fuq il-ministeru, aħna wkoll irridu nħallu dak li jgħid Alla jsaħħilna l-fidi. Irridu ‘ndaħħlu f’qalbna’ dak kollu li jgħidilna Ġeħova. Illum Ġeħova jkellimna permezz tal-Bibbja. Kif nistgħu nkunu ċerti li l-Kelma t’Alla tkompli taffettwa l-ħsibijiet tagħna, kif inħossuna, u dak li nagħmlu?
16. Xi rridu nagħmlu biex dak li naqraw mill-Bibbja jsaħħilna l-fidi?
16 Meta nieklu, aħna nsiru iktar b’saħħitna. B’mod simili, meta nistudjaw il-Bibbja u naħsbu dwarha, il-fidi tagħna ssir iktar b’saħħitha. Dan hu dak li jrid jgħallimna Ġeħova mill-viżjoni tal-iskroll. Ġeħova jridna nimtlew bil-Kelma tiegħu, jiġifieri li nifhmuha sew. Dan nistgħu nagħmluh billi nitolbu, naqraw, u nimmeditaw. L-ewwel, aħna nitolbu ħalli l-ħsibijiet t’Alla jmissulna qalbna. It-tieni, naqraw mill-Bibbja. Fl-aħħar, nieqfu ħalli naħsbu sew dwar dak li qrajna. Imbagħad x’jiġri? Iżjed ma naħsbu sew, iżjed se nifhmu l-Kelma t’Alla u tissaħħaħ il-fidi tagħna.
17. Għala hu importanti li naħsbu sew dwar dak li naqraw mill-Bibbja?
17 Għala hu importanti li naqraw il-Bibbja u naħsbu sew dwar dak li naqraw? Għax itina l-kuraġġ biex nippritkaw il-messaġġ tas-Saltna f’dan iż-żmien u l-messaġġ taʼ ġudizzju li jistaʼ jkun li ħa jkollna nippritkaw fil-futur. Barra minn hekk, meta nimmeditaw fuq il-kwalitajiet sbieħ taʼ Ġeħova, il-ħbiberija tagħna miegħu se tikber. B’hekk, se jkollna xi ħaġa ħelwa, jiġifieri paċi u ferħ.—Salm 119:103.
INKURAĠĠITI BIEX NISSAPORTU
18. In-nies fit-territorju tagħna x’se jkollhom ikunu jafu?
18 Eżekjel kien profeta imma aħna m’aħniex. Però aħna determinati li nibqgħu nippritkaw il-messaġġ taʼ Ġeħova li kiteb fil-Bibbja. Aħna se nkomplu nippritkaw sakemm jgħidilna Ġeħova. Meta jasal iż-żmien tal-ġudizzju, in-nies ma jistgħux jgħidu li ma kinux jafu jew li Alla injorahom. (Eżek. 3:19; 18:23) Minflok, se jkollhom ikunu jafu li l-messaġġ li ppritkajna kien ġej minn Alla.
19. X’se jagħtina l-kuraġġ biex nibqgħu nippritkaw sal-aħħar?
19 X’se jtina l-kuraġġ biex nibqgħu nippritkaw sal-aħħar? L-istess tliet affarijiet li saħħew lil Eżekjel. Aħna nibqgħu nippritkaw għax nafu li qed jibgħatna Ġeħova, l-ispirtu qaddis t’Alla qed itina s-saħħa, u għax il-Kelma t’Alla ssaħħaħna. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova se nkunu rridu nippritkaw u nissaportu “sal-aħħar.”—Mt. 24:13.
GĦANJA 65 Imxi ’l quddiem!
a F’dan l-artiklu se niddiskutu tliet affarijiet li għenu lill-profeta Eżekjel biex jipprietka. Se naraw kif Ġeħova għen lill-profeta, u kif dan se jgħin lilna biex inkunu iktar konvinti li Ġeħova se jgħinna nippritkaw.