ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 48
Ibqaʼ f’Sensik Biex Tibqaʼ Leali
“Ibqaʼ f’sensik f’kollox.”—2 TIM. 4:5.
GĦANJA 123 Sottomissjoni b’lealtà għall-ordni teokratiku
ĦARSA BIL-QUDDIEM a
1. Xi jfisser li ‘tibqaʼ f’sensik’? (2 Timotju 4:5)
META jinqalgħu l-problemi, jistaʼ jkun diffiċli li nibqgħu leali lejn Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu. Meta jiġri hekk x’nistgħu nagħmlu? Għandna nibqgħu f’sensina, imqajmin, u nżommu l-fidi soda. (Aqra t-2 Timotju 4:5.) Aħna nibqgħu f’sensina meta nibqgħu kalmi, nirraġunaw sew, u nipprovaw naraw x’jaħseb Ġeħova. Meta nagħmlu hekk, mhux se nħallu l-ħsibijiet tagħna jiġu affettwati minn kif inħossuna.
2. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
2 Fl-artiklu taʼ qabel rajna tliet sfidi li jistgħu jiġu minn barra l-kongregazzjoni. F’dan l-artiklu se naraw tliet sfidi oħra li jiġu minn ġewwa l-kongregazzjoni. Dawn huma (1) meta nħossu li ħu jew oħt weġġgħetna, (2) meta niġu dixxiplinati, u (3) meta nsibuha diffiċli biex naddattaw għal xi bidliet fl-organizzazzjoni. Kif nistgħu nibqgħu f’sensina u leali lejn Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu?
META NĦOSSU LI ĦU JEW OĦT WEĠĠGĦETNA
3. X’jistaʼ jiġri jekk inħossu li ħu jew oħt weġġgħetna?
3 Ġieli ħassejt li ħu jew oħt, jew xi anzjan weġġgħek? Wisq probabbli, il-ħu jew l-oħt ma riditx tweġġgħek. (Rum. 3:23; Ġak. 3:2) Imma forsi int tant weġġajt li lanqas stajt torqod billejl. Forsi ħsibt, ‘Jekk xi ħadd mill-aħwa jagħmel hekk, din vera l-organizzazzjoni t’Alla?’ Satana hekk iridna naħsbu. (2 Kor. 2:11) Jekk nibdew naħsbu b’dan il-mod, nistgħu nitilqu lil Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu. Mela jekk inħossu li ħu jew oħt weġġgħetna, x’nistgħu nagħmlu biex nibqgħu f’sensina u ma naħsbux kif irid Satana?
4. Ġużeppi x’għamel biex jibqaʼ f’sensih meta ġie mweġġaʼ, u x’nistgħu nitgħallmu minnu? (Ġenesi 50:19-21)
4 Iżżommx f’qalbek. Meta Ġużeppi kien żagħżugħ, ħutu trattawh ħażin. Huma kienu jobogħduh u xi wħud minnhom anke riedu joqtluh. (Ġen. 37:4, 18-22) Huma spiċċaw bigħuh bħala skjav. Minħabba f’hekk, Ġużeppi għamel 13-il sena jbati. Hu setaʼ ħaseb li Ġeħova mhux vera jħobbu u li abbandunah meta vera kellu bżonnu. Imma Ġużeppi ma żammx f’qalbu. Minflok, baqaʼ f’sensih billi baqaʼ kalm. Meta kellu ċ-ċans li jpattiha lil ħutu, m’għamilx hekk. Imma wriehom li jħobbhom u ħafrilhom. (Ġen. 45:4, 5) Ġużeppi setaʼ jagħmel hekk għax irraġuna sew. Hu ma qagħadx jaħseb dwar il-problemi tiegħu, imma ħaseb fuq x’jixtieq Ġeħova. (Aqra Ġenesi 50:19-21.) Dan x’jgħallimna? Jekk xi ħadd weġġgħek, tirrabjax maʼ Ġeħova jew taħseb li ma jimpurtahx minnek. Minflok, aħseb sew fuq kif qed jgħinek tissaporti. Meta xi ħadd iweġġgħek, aħfirlu u ftakar li l-imħabba ‘tgħatti ħafna dnubiet.’—1 Pt. 4:8.
5. Miqueas kif baqaʼ f’sensih meta ħass li ġie mweġġaʼ?
5 Ara l-esperjenza t’anzjan mill-Amerika t’Isfel jismu Miqueas. b Hu jiftakar meta ħass li weġġgħuh xi aħwa responsabbli fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Hu qal: “Qatt ma kelli daqshekk stress. Tant kont inkwetat li ma stajtx norqod u kont nibki għax ħassejt li ma kien hemm xejn li stajt nagħmel.” Imma Miqueas baqaʼ f’sensih u ħadem iebes biex jikkontrolla kif kien qed iħossu. Hu kien jitlob ħafna lil Ġeħova biex itih l-ispirtu qaddis u s-saħħa biex jissaporti. Hu fittex fil-pubblikazzjonijiet tagħna biex jara x’jistaʼ jgħinu. Dan x’jgħallimna? Jekk tħoss li ħu jew oħt weġġgħetek, ibqaʼ kalm u pprova kkontrolla kif tkun qed tħossok. Forsi ma tafx x’ġiegħel lil dik il-persuna biex titkellem b’dak il-mod jew tagħmel dak li għamlet. Mela tkellem maʼ Ġeħova u għidlu jgħinek tara l-affarijiet kif tarahom il-persuna l-oħra. Dan jistaʼ jgħinek taħfer u tifhem li l-ħu jew l-oħt ma weġġgħukx apposta. (Prov. 19:11) Ftakar li Ġeħova jaf minn xiex għaddej u se jtik is-saħħa biex tissaporti.—2 Kron. 16:9; Ekk. 5:8.
META ĠEĦOVA JIKKOREĠINA
6. Għala hu importanti li nifhmu li Ġeħova jikkoreġina għax iħobbna? (Ebrej 12:5, 6, 11)
6 Meta Ġeħova jikkoreġina nistgħu nħossuna mdejqin. U jekk nibqgħu niffokaw fuq kif inkunu qed inħossuna, nistgħu nibdew naħsbu li d-dixxiplina ma tgħoddx għalina jew kienet wisq ħarxa. Minħabba f’hekk ninsew xi ħaġa importanti ħafna, li Ġeħova jikkoreġina għax iħobbna. (Aqra Ebrej 12:5, 6, 11.) Jekk inħallu l-emozzjonijiet jikkontrollawna, inkunu qed nagħtu lil Satana ċ-ċans li jattakkana. Hu jridna ninjoraw id-dixxiplina u iżjed minn hekk, bil-mod nitilqu lil Ġeħova u l-kongregazzjoni. Jekk Ġeħova kkoreġiek, kif tistaʼ tibqaʼ f’sensik?
7. (a) Bħalma naraw fl-istampa, Ġeħova kif uża lil Pietru wara li aċċetta d-dixxiplina? (b) X’tgħallimt mill-eżempju taʼ Pietru?
7 Aċċetta d-dixxiplina u agħmel il-bidliet li hemm bżonn. Ġesù kkoreġa lil Pietru quddiem l-appostli iżjed minn darba. (Mk. 8:33; Lq. 22:31-34) Probabbli Pietru staħa! Imma hu baqaʼ leali lejn Ġesù. Hu aċċetta d-dixxiplina u tgħallem mill-iżbalji tiegħu. Talli għamel hekk, Ġeħova bierku u tah responsabbiltajiet importanti fil-kongregazzjoni. (Ġw. 21:15-17; Atti 10:24-33; 1 Pt. 1:1) L-eżempju taʼ Pietru x’jgħallimna? Meta ma noqogħdux naħsbu fuq kif inkunu qed inħossuna, imma naċċettaw id-dixxiplina u nagħmlu l-bidliet, se jkun taʼ ġid għalina u għall-oħrajn. Meta nagħmlu hekk, se jkun iżjed faċli għal Ġeħova u l-aħwa biex jużawna fil-kongregazzjoni.
8-9. Bernardo kif ħassu wara li ġie dixxiplinat, imma x’għenu?
8 Ara x’ġara lil ħu jismu Bernardo mill-Mozambique. Hu ġie mneħħi minn anzjan. Għall-ewwel kif ħassu? Hu jgħid: “Ħadt għalija għax id-dixxiplina m’għoġbitnix.” Bernardo kien inkwetat li l-aħwa fil-kongregazzjoni se jibdew iħarsu lejh bl-ikrah. Hu jammetti li dam ftit xhur sakemm aċċetta d-dixxiplina u reġaʼ beda jafda lil Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu. X’għen lil Bernardo biex ibiddel l-attitudni tiegħu?
9 Bernardo rranġa l-mod kif kien qed jaħseb. Hu jgħid: “Meta kont anzjan, kont nuża Ebrej 12:7 biex ngħin lil oħrajn jaċċettaw id-dixxiplina taʼ Ġeħova. Jien saqsejt lili nnifsi: ‘Din l-iskrittura għal min tgħodd?’ Din tgħodd għall-qaddejja kollha taʼ Ġeħova, inkluż jien.” Imbagħad Bernardo għamel iżjed bidliet biex jerġaʼ jafda lil Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu. Hu beda jaqra iżjed il-Bibbja u juża iżjed ħin biex jimmedita. Minkejja li kien inkwetat x’se jaħsbu dwaru l-aħwa, hu xorta ħadem magħhom fuq is-service u ħa sehem fil-laqgħat. Maż-żmien, Bernardo reġaʼ sar anzjan. Jekk ġejt iddixxiplinat bħal Bernardo, ipprova tiffokax fuq kif qed tħossok, aċċetta d-dixxiplina, u agħmel il-bidliet. c (Prov. 8:33; 22:4) Jekk tagħmel hekk, tistaʼ tkun ċert li Ġeħova se jbierkek talli bqajt leali lejh u lejn l-organizzazzjoni tiegħu.
META NSIBUHA DIFFIĊLI NADDATTAW GĦAL XI BIDLIET FL-ORGANIZZAZZJONI
10. X’bidla kien hemm li setgħet ittestjat il-lealtà taʼ xi rġiel Iżraelin?
10 Il-bidliet fl-organizzazzjoni jistgħu jittestjaw il-lealtà tagħna. Jekk ma noqogħdux attenti, jistgħu jifirduna minn maʼ Ġeħova. Pereżempju, aħseb kif inbidlu l-affarijiet għal xi Iżraelin. Qabel ma Ġeħova tahom il-Liġi, l-affarijiet li kienu jagħmlu l-qassisin kienu jagħmluhom il-kapijiet tal-familja. Huma kienu jibnu l-artali u jagħmlu s-sagrifiċċji lil Ġeħova għall-familji tagħhom. (Ġen. 8:20, 21; 12:7; 26:25; 35:1, 6, 7; Ġob 1:5) Wara li Ġeħova tahom il-Liġi, il-kapijiet tal-familja ma setgħux ikomplu jagħmlu dawn l-affarijiet. Ġeħova għażel lill-qassisin mill-familja t’Aron biex jagħmlu dawn is-sagrifiċċji. Minn dakinhar ’il quddiem, jekk kap tal-familja li mhux mill-familja t’Aron jagħmel l-affarijiet li jagħmlu l-qassisin, kien jinqatel. d (Lev. 17:3-6, 8, 9) Jistaʼ jkun li din kienet waħda mir-raġunijiet għala Koraħ, Datan, Abiram, u 250 kap irribellaw kontra Mosè u Aron. (Num. 16:1-3) Imma kien x’kien il-każ, nafu li Koraħ u l-irġiel l-oħra ma baqgħux leali lejn Ġeħova. Int x’tistaʼ tagħmel jekk xi bidliet fl-organizzazzjoni jittestjaw il-lealtà tiegħek?
11. X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju tal-Keħatin?
11 Aċċetta l-bidliet kollha li tagħmel l-organizzazzjoni. Waqt li kienu qed jivvjaġġaw fid-deżert, il-Keħatin kellhom xogħol importanti x’jagħmlu. Kull darba li l-Iżraelin ikkampjaw f’post differenti, xi wħud mill-Keħatin ġarrew l-arka tal-patt. (Num. 3:29, 31; 10:33; Ġoż. 3:2-4) Kemm kien privileġġ sabiħ! Però meta l-Iżraelin bdew jgħixu fl-Art Imwiegħda, l-affarijiet inbidlu. L-Arka ma kellhiex bżonn toqgħod tinġarr. Allura sakemm Salamun sar re, il-Keħatin kellhom jagħmlu xogħlijiet oħra. Pereżempju, huma kantaw, qagħdu għassa mal-bibien u oħrajn qagħdu jieħdu ħsieb l-imħażen. (1 Kron. 6:31-33; 26:1, 24) Il-Bibbja ma tgħidilniex li l-Keħatin qagħdu jgergru jew riedu xogħol aħjar minħabba li kellhom inkarigu speċjali qabel. X’nitgħallmu minn dan? Minn qalbek aċċetta l-bidliet li l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova tagħmel, anke jekk jaffettwaw l-inkarigi tiegħek. Kun ferħan f’kull inkarigu li jtuk. Ftakar li Ġeħova jħobbok, hu x’inhu l-inkarigu tiegħek. Ġeħova japprezza iktar l-ubbidjenza mill-inkarigu li jkollna.—1 Sam. 15:22.
12. Zaina kif ħassitha meta ma baqgħetx taqdi f’Betel?
12 Ejja naraw eżempju taʼ oħt jisimha Zaina, li rċeviet inkarigu ġdid. Wara 23 sena taqdi f’Betel qalulha biex issir pijuniera speċjali. Hi qalet: “Din il-bidla ma kontx qed nistennieha. Ħassejtni ma niswa għal xejn u bqajt insaqsi lili nnifsi, ‘X’għamilt ħażin?’” B’dispjaċir, xi aħwa fil-kongregazzjoni qalulha: “Kieku kont tajba biżżejjed, l-organizzazzjoni kienet se tħallik tkompli taħdem f’Betel.” Hi tant ħassitha ħażin, li kull filgħaxija kienet tibki. Imma hi qalet: “Qatt ma ddubitajt fl-organizzazzjoni jew fl-imħabba taʼ Ġeħova.” Zaina kif baqgħet f’sensiha?
13. Zaina x’għamlet biex ma tibqax tħossha mdejqa?
13 Zaina ma baqgħetx tħossha mdejqa. Kif? Hi qrat artikli mill-pubblikazzjonijiet tagħna li għenuha tkampa maʼ dak li kienet għaddejja minnu. L-artiklu “Int Tistaʼ Tirbaħ il-Ġlieda Kontra l-Iskuraġġiment!” f’It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Frar 2001, għenha ħafna. L-artiklu spjega kif Marku, li kiteb wieħed mill-kotba tal-Bibbja, setaʼ sabha diffiċli biex jaċċetta l-inkarigu ġdid tiegħu. Zaina qalet: “L-eżempju taʼ Marku kien eżatt dak li kelli bżonn biex ma nibqax inħossni skuraġġita.” Hi ma waqfitx tagħmilha jew tipprietka mal-aħwa u ma qagħditx toqgħod titħassar lilha nnifisha. Hi kienet taf li d-deċiżjonijiet tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova ġejjin mill-ispirtu qaddis, u l-aħwa li kienu jmexxu kien jimpurtahom minnha. Hi rrealizzat ukoll li l-iktar ħaġa importanti fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova hi li jsir ix-xogħol tiegħu.
14. Vlado liema bidla fl-organizzazzjoni sab diffiċli u x’għenu?
14 Anzjan taʼ 73 sena li jismu Vlado mis-Slovenja sabha diffiċli biex jifhem għala l-kongregazzjoni tiegħu ngħaqdet maʼ kongregazzjoni oħra u s-Sala ma baqgħetx tintuża. Hu qal: “Ma stajtx nifhem għala ma bqajniex nużaw Sala tas-Saltna sabiħa bħal dik. Ma ħadtx pjaċir għax konna għadna kif irranġajnieha. Jien mastrudaxxa u għent biex issir xi għamara ġdida. U dawn il-bidliet ma kinux faċli għall-aħwa kbar fl-età bħali.” X’għen lil Vlado jaqbel mad-direzzjoni? Hu jgħid: “Ġeħova dejjem ibierkek meta taċċetta l-bidliet u dawn se jgħinuna għal dak li se niffaċċjaw fil-futur.” Qed issibha diffiċli biex taċċetta xi bidliet minħabba li l-kongregazzjoni ngħaqdet m’oħra jew inbidillek l-inkarigu? Kun ċert li Ġeħova jifhem kif qed tħossok. Meta tobdi dawn il-bidliet u tibqaʼ leali lejn Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu, hu żgur se jbierkek.—Salm 18:25.
IBQAʼ F’SENSIK F’KOLLOX
15. Kif nistgħu nibqgħu f’sensina meta niffaċċjaw sfidi li jiġu minn ġewwa l-kongregazzjoni?
15 Hekk kif nersqu qrib lejn l-aħħar taʼ din is-sistema, nistgħu nistennew li jiġu sfidi minn ġewwa l-kongregazzjoni. Dawn l-isfidi jistgħu jittestjaw il-lealtà tagħna lejn Ġeħova. Allura rridu nibqgħu f’sensina. Jekk weġġgħek xi ħu jew oħt, iżżommx f’qalbek. Jekk Ġeħova jikkoreġik, toqgħodx taħseb fuq kif qed tħossok. Aċċetta l-parir u agħmel il-bidliet li hemm bżonn. U meta l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova tagħmel bidliet li jaffettwawk, minn qalbek aċċetta u obdi d-direzzjoni.
16. Kif tistaʼ tibqaʼ tafda lil Ġeħova u lill-organizzazzjoni tiegħu?
16 Meta l-lealtà tiegħek tiġi ttestjata, int tistaʼ tibqaʼ tafda lil Ġeħova u lill-organizzazzjoni tiegħu. Imma biex tagħmel hekk, trid tibqaʼ f’sensik. Dan ifisser li tibqaʼ kalm, tirraġuna sew, u tara x’jaħseb Ġeħova. Studja dwar nies mill-Bibbja li rnexxielhom ikampaw maʼ problemi bħal tiegħek u mmedita dwar l-eżempji tagħhom. Itlob lil Ġeħova għall-għajnuna u qatt tinqataʼ għalik waħdek. Imbagħad jiġri x’jiġri, Satana qatt mhu se jirnexxilu jbiegħdek minn Ġeħova jew mill-organizzazzjoni tiegħu.—Ġak. 4:7.
GĦANJA 126 Imqajmin, sodi, u setgħanin ibqgħu
a Kultant jistaʼ jkun diffiċli biex nibqgħu leali lejn Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu, speċjalment meta jinqalgħu l-problemi fil-kongregazzjoni. F’dan l-artiklu se niddiskutu tliet problemi u x’nistgħu nagħmlu biex nibqgħu leali lejn Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu.
b Xi ismijiet ġew mibdulin.
c Tistaʼ ssib iktar suġġerimenti fl-artiklu “Kont Taqdi Qabel? Tistaʼ Terġaʼ Taqdi?” f’It-Torri tal-Għassa tal-15 t’Awwissu 2009, p. 30.