Kont Taf?
Mordekaj vera eżista?
MORDEKAJ kien Lhudi importanti li jissemma fil-ktieb taʼ Ester. Hu kien wieħed mil-Lhud li ttieħed minn Iżrael u kien jaħdem fil-palazz tar-re tal-Persja. Dan ġara ftit wara s-sena 500 qabel Kristu (QK), “fi żmien [ir-Re] Aħasweru.” (Illum ħafna nies jaħsbu li dan kien ir-Re Serse I.) Mordekaj irnexxielu jwaqqaf lil xi nies milli joqtlu lir-re. Ir-re tant apprezza li rranġa biex ifaħħar lil Mordekaj quddiem kulħadd. Iktar tard, wara li miet Ħaman, l-għadu taʼ Mordekaj u tal-Lhud l-oħra, ir-re għamel lil Mordekaj prim ministru. Bħala prim ministru, Mordekaj ħareġ liġi li salvat lil-Lhud fit-territorju kollu tal-Persja milli jinqatlu.—Ester 1:1; 2:5, 21-23; 8:1, 2; 9:16.
Xi studjużi tal-istorja jgħidu li l-ktieb t’Ester mhuwiex storja vera u li Mordekaj qatt ma eżista. Imma fl-1941, xi arkeoloġi sabu xi affarijiet li jistaʼ jkun li jaqblu maʼ dak li tgħid il-Bibbja dwar Mordekaj. X’sabu?
Xi studjużi sabu ġebla tat-tafal li ssemmi raġel jismu Marduka (bil-Malti Mordekaj). Hu kien supervisor, x’aktarx accountant fil-belt taʼ Susan. Meta nstabet din il-ġebla, espert tal-istorja jismu Arthur Ungnad, kiteb: “Din kienet l-ewwel darba li ssemma Mordekaj barra l-Bibbja.”
Minn meta Ungnad kiteb ir-rapport, l-istudjużi ttraduċew eluf taʼ dokumenti oħra. Fosthom hemm dokumenti tat-tafal li sabu fil-belt taʼ Persepoli. Dawn sabuhom fejn kienu jitfgħu l-affarijiet prezzjużi, viċin is-swar tal-belt. Dawn id-dokumenti ilhom minn żmien ir-Re Serse I. Dawn huma bil-lingwa Għelamija u fihom ħafna ismijiet li hemm fil-ktieb taʼ Ester ukoll. a
F’xi dokumenti li sabu f’Persepoli kien hemm l-isem Marduka. Hu kien segretarju tar-Re Serse I fil-palazz f’Susan. Wieħed mid-dokumenti ddeskriva lil Marduka bħala traduttur. Dan jaqbel maʼ dak li tgħid il-Bibbja dwar Mordekaj. Hu kien qaddej tar-Re Aħasweru (Serse I) u minn tal-inqas kien jitkellem b’żewġ lingwi. Spiss, Mordekaj kien joqgħod bilqiegħda fil-bieb tal-palazz tar-re f’Susan. (Ester 2:19, 21; 3:3) Dan kien bini fejn kienu jaħdmu l-uffiċjali tal-palazz.
Hemm xi affarijiet interessanti li jaqblu bejn Marduka li jissemma fid-dokumenti u Mordekaj li jissemma fil-Bibbja. Huma għexu fl-istess żmien, fl-istess post, u kienu jaħdmu bħala uffiċjali fl-istess post. Dawn l-affarijiet juru li Marduka u Mordekaj jistaʼ jkun li huma l-istess persuna.
a Fl-1992, il-Professur Edwin M. Yamauchi kiteb artiklu li fih għaxar ismijiet li qegħdin fid-dokumenti tal-belt taʼ Persepoli li jinsabu wkoll fil-ktieb taʼ Ester.