Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

BIJOGRAFIJA

“Ridt Naħdem għal Ġeħova”

“Ridt Naħdem għal Ġeħova”

JIEN, il-mara, u xi aħwa oħra konna għadna kif żorna grupp żgħir taʼ nies viċin ir-raħal ta’ Granbori fil-foresta tas-Suriname. Konna qed inxejrulhom biex ngħidulhom ċaw. Imbagħad tlajna fuq dgħajsa tal-injam u bdejna nsuqu fix-Xmara Tapanahoni. Xħin wasalna fejn il-kurrent ikun għaddej b’saħħtu, l-iskrun tal-magna ħabat maʼ ġebla. Id-dgħajsa mill-ewwel bdiet nieżla fl-ilma u bdejna negħrqu. Bdejt nibżaʼ. Kont ili snin nivvjaġġa bid-dgħajjes bħala indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet, imma ma kontx naf ngħum!

Qabel ma ngħid x’ġara wara, ħa ngħidilkom kif bdejt fis-servizz full-time.

Jien twelidt fl-1942 fuq il-gżira Curaçao fil-Karibew. Missieri kien mis-Suriname imma mar joqgħod Curaçao minħabba x-xogħol. Sentejn qabel twelidt, hu sar wieħed mill-ewwel Xhieda taʼ Ġeħova fil-pajjiż. a Hu kien jistudja l-Bibbja miegħi u maʼ ħuti kull ġimgħa, anki meta ma kienx ikollna aptit nistudjaw. Meta kelli 14-il sena, morna noqogħdu s-Suriname biex missieri jkun jistaʼ jieħu ħsieb lil ommu li kienet anzjana.

JGĦINUNI ĦBIEB TAJBIN

Is-Suriname bdejt nagħmilha ħafna maʼ żgħażagħ li kienu jaqdu lil Ġeħova. Huma kienu ftit ikbar minni u kienu pijunieri regolari. Meta kienu jsemmu l-esperjenzi tagħhom fuq is-service, stajt nara kemm kienu ferħanin. Wara l-laqgħat, jien u l-ħbieb tiegħi konna noqogħdu nitkellmu dwar suġġetti mill-Bibbja waqt li nħarsu lejn l-istilel. Dawn l-aħwa għenuni nara xi rrid nagħmel f’ħajti. Ridt naħdem għal Ġeħova. Allura meta kelli 16-il sena tgħammidt u meta kelli 18, sirt pijunier regolari.

NITGĦALLEM AFFARIJIET IMPORTANTI

Meta kont pijunier f’Paramaribo

Meta kont pijunier tgħallimt ħafna affarijiet li għenuni kemm domt fis-servizz full-time. Pereżempju, l-ewwel ħaġa li tgħallimt kienet kemm hu importanti li ngħallem lil oħrajn. Meta bdejt naqdi bħala pijunier, missjunarju jismu Willem van Seijl ħa interess fija. b Hu għallimni kif nieħu ħsieb ir-responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni. Dak iż-żmien ma kontx naf kemm kelli bżonn dan it-trejning. Is-sena taʼ wara bdejt naqdi bħala pijunier speċjali. Imbagħad bdejt ngħin gruppi żgħar t’aħwa li kienu jgħixu ’l bogħod mill-kongregazzjonijiet l-oħra fil-foresta tas-Suriname. Jien għadni napprezza t-trejning li rċivejt mill-aħwa bħal Willem. Jien nipprova nimita l-eżempju tagħhom u nieħu l-ħin biex nittrennja lil oħrajn.

It-tieni ħaġa li tgħallimt kienet li jkun aħjar li ngħix ħajja sempliċi u li nkun organizzat ħafna. Fil-bidu taʼ kull xahar, jien u l-ħu li kont naħdem miegħu bħala pijunier speċjali konna naraw x’ikel u affarijiet kellna bżonn. Imbagħad xi ħadd minna kien imur il-belt u jixtri dak li kellna bżonn. Il-flus li konna nirċievu kull xahar kellna nużawhom sew ħalli l-ikel iservina x-xahar kollu. Jekk jispiċċalna xi ħaġa waqt li konna fil-foresta kien ikun diffiċli biex xi ħadd jgħinna. Naħseb peress li minn mindu kont żgħir tgħallimt ngħix ħajja sempliċi u nkun organizzat, għenni biex f’ħajti niffoka fuq ix-xogħol taʼ Ġeħova.

It-tielet ħaġa li tgħallimt kienet kemm hu importanti li tgħallem lin-nies bil-lingwa tagħhom. Minn meta kont żgħir kont nitkellem bl-Olandiż, bl-Ingliż, bil-Papiamento u bil-lingwa tas-Suriname, is-Sranantongo (magħrufa wkoll bħala s-Sranan). Imma fil-foresta ndunajt li n-nies jisimgħu iktar l-aħbar tajba meta nkellmuhom bil-lingwa tagħhom. Sibtha diffiċli biex nitkellem xi lingwi tagħhom, bħal pereżempju s-Saramaccan. Imma ferħan ħafna li pprovajt. Maż-żmien irnexxieli ngħallem il-verità lil ħafna nies għax stajt nitkellem il-lingwa tagħhom.

Kelli ħafna esperjenzi fejn stħajt ħafna. Pereżempju, darba waħda bis-Saramaccan saqsejt lil mara li kienet qed tistudja l-Bibbja kif kienet qed tħossha għax kienet muġugħa bl-istonku. Imma bi żball staqsejtha jekk kinitx pregnant. Ovvjament, ġegħeltha tistħi. Għalkemm kont nagħmel żbalji bħal dawn, jien dejjem ipprovajt nitkellem bil-lingwa tan-nies fejn kont nipprietka.

NAĊĊETTA RESPONSABBILTAJIET OĦRAJN

Fl-1970, bdejt naqdi bħala indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet. Dik is-sena wrejt il-programm “Visiting the World Headquarters of Jehovah’s Witnesses” bl-islides lil ħafna gruppi li kienu jgħixu fil-foresta. Biex naslu fejn dawn l-aħwa, jien u xi aħwa oħrajn konna nużaw dgħajsa tal-injam li jużaw fix-xmajjar. Magħna ħadna generator, tank tal-petrol, xi lampi, u l-affarijiet biex nuru l-islides. Imbagħad kellna nġorru l-affarijiet kollha fil-foresta biex naslu fejn l-aħwa. L-iktar li niftakar minn dawn il-vjaġġi hu kemm kien ikun hemm nies li jieħdu pjaċir b’dawn il-programmi. Kont nieħu pjaċir ħafna ngħin lil oħrajn jitgħallmu dwar Ġeħova u l-parti tal-organizzazzjoni li għandu fuq l-art. Meta kont nara lil oħrajn jersqu qrib Ġeħova, kont inħossni ferħan li qed nagħmel dan ix-xogħol iebes.

NAGĦMEL ĦABEL BI TLIETA

Ethel u jien iżżewwiġna f’Settembru tal-1971

Stajt nara li nkun single kelli xi vantaġġi biex inkun nistaʼ nagħmel l-inkarigu tiegħi, imma xorta xtaqt niżżewweġ. Għalhekk tlabt lil Ġeħova biex insib mara li bil-ferħ tkun lesta li tagħmel dan l-inkarigu diffiċli miegħi. Xi sena wara, jien bdejt noħroġ maʼ pijuniera speċjali jisimha Ethel. Hi kienet lesta li taħdem għal Ġeħova anki jekk ma jkunx faċli għaliha. Minn meta kienet żgħira Ethel riedet tagħmel bħall-appostlu Pawlu u tagħmel dak li tistaʼ fil-ministeru. Iżżewwiġna f’Settembru tal-1971 u bdejna naqdu fix-xogħol tas-circuit flimkien.

Il-familja taʼ Ethel kienu fqar allura kien faċli għaliha biex tidra fix-xogħol li kellna nagħmlu fil-foresta. Pereżempju meta konna mmorru nżuru l-kongregazzjonijiet fil-foresta ma konniex nieħdu ħafna affarijiet magħna. Konna ninħaslu u naħslu l-ħwejjeġ fix-xmajjar. Drajna nieklu wkoll dak li kienu jagħtuna l-aħwa bħal iguanas, piranhas jew xi affarijiet li jaqbdu fil-foresta jew fix-xmajjar. Meta ma kellniex platti konna nieklu fuq il-weraq tas-siġra tal-banana. U meta ma kellniex biex nieklu konna nużaw idejna. Jien u Ethel inħossu li s-sagrifiċċji li għamilna għal Ġeħova għenuna nsiru ħabel bi tlieta. (Ekk. 4:12) L-esperjenzi li kellna ma nibdluhom maʼ xejn!

L-esperjenza li semmejt fil-bidu ġrat meta darba konna sejrin lura d-dar wara li żorna l-aħwa fil-foresta. Malli d-dgħajsa waslet fejn il-kurrent ikun għaddej b’saħħtu, niżlet taħt l-ilma u reġgħet telgħet mill-ewwel. Kellna l-life jackets u ma waqajniex mid-dgħajsa. Imma d-dgħajsa mtliet bl-ilma. Allura rmejna l-ikel fix-xmara u użajna l-borom biex inbattlu l-ilma mid-dgħajsa.

Peress li ma kienx baqgħalna ikel bdejna nistadu fix-xmara. Imma ma bdejna naqbdu xejn. Allura tlabna lil Ġeħova biex insibu x’nieklu. Eżatt wara t-talba wieħed mill-aħwa rnexxielu jaqbad ħuta kbira biżżejjed biex nieklu l-ħamsa li konna.

RAĠEL, MISSIER, U INDOKRATUR

Wara ħames snin fix-xogħol tas-circuit, jien u Ethel irċivejna aħbar sabiħa li ma konniex qed nistennew. Konna se nsiru ġenituri. Kont ferħan ħafna imma ma kontx nafx kif se tinbidel ħajjitna. Jien u Ethel xtaqna ħafna nibqgħu fis-servizz full-time. Fl-1976 twieled it-tifel tagħna Ethniël u sentejn wara twieled Giovanni.

Fl-1983 waqt magħmudija fix-Xmara Tapanahoni viċin Godo Holo fis-Suriname

Peress li fis-Suriname kien hemm ħafna bżonn, l-uffiċċju tal-fergħa rranġa biex inkompli naqdi bħala indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet u nieħu ħsieb il-familja. Meta t-tfal kienu għadhom żgħar, ġejt inkarigat biex nieħu ħsieb circuits bi ftit kongregazzjonijiet. Allura stajt nagħmel ftit ġimgħat bħala indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet u l-kumplament tax-xahar bħala pijunier fil-kongregazzjoni tagħna. Ethel u t-tfal kienu jiġu miegħi meta kont inżur kongregazzjonijiet viċin id-dar tagħna. Imma meta kont inżur kongregazzjonijiet u assembleat fil-foresta, kont immur waħdi.

Fix-xogħol tas-circuit spiss kont nivvjaġġa bid-dgħajsa biex inżur kongregazzjonijiet ’il bogħod

Biex nieħu ħsieb ir-responsabbiltajiet, kelli nippjana sew. Għamilt ċert li nistudjaw bħala familja kull ġimgħa. Meta kont inżur il-kongregazzjonijiet fil-foresta, Ethel kienet tagħmel l-istudju tal-familja mat-tfal id-dar. Imma konna nipprovaw kemm jistaʼ jkun nagħmlu l-affarijiet flimkien. Jien u Ethel konna nilagħbu mat-tfal u mmorru xi postijiet sbieħ viċin id-dar tagħna. Spiss kont nibqaʼ mqajjem sa tard billejl biex nipprepara għal-laqgħat. U  Ethel kienet bħal dik il-mara li jsemmi Proverbji 31:15. Hi kienet tqum kmieni ħalli nkunu nistgħu naqraw id-daily text u nieħdu l-breakfast flimkien qabel it-tfal imorru l-iskola. Kemm napprezza dak kollu li għamlet il-mara biex tgħinni nieħu ħsieb ir-responsabbiltajiet li tani Ġeħova.

Bħala ġenituri, aħna ħdimna iebes biex ngħinu lit-tfal tagħna jħobbu lil Ġeħova u l-ministeru. Aħna ridna li t-tfal jidħlu fis-servizz full-time mhux għax irridu aħna imma għax tkun l-għażla tagħhom. Aħna konna ngħidulhom li s-servizz full-time kien se jgħinhom ikunu ferħanin. Konna ngħidulhom ukoll dwar l-isfidi li ffaċċjajna imma enfasizzajna kif Ġeħova għenna u berikna bħala familja. Għamilna ċert li t-tfal tagħna jqattgħu l-ħin m’aħwa li jpoġġu lil Ġeħova l-ewwel f’ħajjithom.

Bħala familja, Ġeħova dejjem provdielna dak li kellna bżonn. Bla dubju jien dejjem għamilt dak li stajt biex nieħu ħsieb il-familja. L-esperjenza tiegħi bħala pijunier speċjali single għenitni biex dejjem nippjana minn qabel għal affarijiet bżonjużi. Minkejja li dejjem għamilna li stajna, mhux dejjem kellna l-affarijiet bżonjużi. F’sitwazzjonijiet bħal dawn Ġeħova dejjem għenna. Pereżempju, mill-1986 sal-1992 kien hemm gwerra ċivili fis-Suriname. Matul dawk is-snin xi kultant kien ikun diffiċli biex tixtri l-affarijiet bażiċi, imma Ġeħova dejjem provdielna.—Mt. 6:32.

META NĦARES LURA

Mix-xellug għal-lemin: Mal-mara tiegħi Ethel

It-tifel il-kbir Ethniël mal-mara tiegħu Natalie

It-tifel tagħna Giovanni mal-mara tiegħu Christal

Fil-ħajja tagħna Ġeħova dejjem ħa ħsiebna u għenna biex inkunu ferħanin. It-tfal tagħna ġabulna ħafna ferħ u aħna vera kburin li għenniehom jibdew jaqdu lil Ġeħova. Aħna vera kuntenti li huma għażlu li jaqdu lil Ġeħova fis-servizz full-time. Ethniël u Giovanni ggradwaw mill-Iskola għall-Evanġelizzaturi tas-Saltna u issa qed jaqdu fl-uffiċċju tal-fergħa tas-Suriname man-nisa tagħhom.

Jien u Ethel issa kbirna ħafna imma xorta għadna qed naqdu lil Ġeħova bħala pijunieri speċjali. Fil-fatt tant għandna x’nagħmlu li għadni ma sibtx ħin biex nitgħallem ngħum! Imma ma jiddispjaċini xejn. Meta nħares lura, inħoss li l-għażla li għamilt meta kont żgħir biex naqdi lil Ġeħova fis-servizz full-time kienet waħda mill-aħjar deċiżjonijiet li stajt nieħu.

b Tistaʼ ssib il-bijografija taʼ Willem van Seijl, “Reality Has Exceeded My Expectations,” fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! bl-Ingliż tat-8 t’Ottubru 1999.