Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 47

Tħalli Xejn Jifirdek minn Ġeħova

Tħalli Xejn Jifirdek minn Ġeħova

“Jien nafda fik, Ġeħova.”—SALM 31:14.

GĦANJA 122 Ibqgħu sodi, titħarrkux!

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1. Kif nafu li Ġeħova jrid ikun qrib tagħna?

 ĠEĦOVA jistidinna biex nersqu qrib tiegħu. (Ġak. 4:8) Hu jrid ikun Alla tagħna, Missierna, u l-Ħabib tagħna. Hu jwieġeb it-talb tagħna u jgħinna meta nkunu għaddejjin minn żmien diffiċli. Hu juża l-organizzazzjoni tiegħu biex jgħallimna u jipproteġina. Imma xi rridu nagħmlu biex nersqu eqreb taʼ Ġeħova?

2. Kif nistgħu nersqu qrib Ġeħova?

2 Aħna nistgħu nersqu qrib Ġeħova billi nitolbuh, naqraw il-Kelma tiegħu, u nimmeditaw fuqha. Meta nagħmlu hekk, se napprezzaw dak li għamel għalina u nħobbuh iktar. Se nkunu rridu nobduh u nfaħħruh kif jixraqlu. (Riv. 4:11) Iktar ma nsiru nafu lil Ġeħova, iktar se nibdew nafdaw lilu u l-organizzazzjoni li pprovdielna biex tgħinna.

3. Ix-Xitan kif jipprova jifridna minn Ġeħova, imma x’jistaʼ jgħinna? (Salm 31:13, 14)

3 Ix-Xitan jipprova jifridna minn Ġeħova speċjalment meta nkunu għaddejjin mill-provi. Kif? Bil-mod il-mod hu jipprova jġegħelna ma nafdawx lil Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu. Imma aħna nistgħu nirreżistu l-attakki tiegħu. Meta l-fidi tagħna tkun b’saħħitha u l-fiduċja tagħna f’Ġeħova tkun soda, aħna mhux se nitilqu lil Alla u l-organizzazzjoni tiegħu.—Aqra Salm 31:13, 14.

4. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?

4 F’dan l-artiklu se niddiskutu tliet sfidi li jistgħu jiġu minn barra l-kongregazzjoni. Kull waħda minnhom tistaʼ ddgħajjef il-fiduċja tagħna f’Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu. Dawn l-isfidi kif jistgħu jifirduna minn Ġeħova? U x’nistgħu nagħmlu biex nibqgħu leali?

META NIFFAĊĊJAW IL-PROBLEMI

5. Il-problemi kif jistgħu jdgħajfu l-fiduċja tagħna f’Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu?

5 Xi kultant niffaċċjaw problemi bħal oppożizzjoni mill-familja jew nitilfu x-xogħol. Problemi bħal dawn kif idgħajfu l-fiduċja tagħna fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova u jifirduna minnu? Meta nkunu ilna għaddejjin mill-problemi nistgħu naqtgħu qalbna u nħossuna dipressi. Satana juża dawn is-sitwazzjonijiet biex jipprova jġegħelna naħsbu li Ġeħova ma jħobbniex. Ix-Xitan iridna naħsbu li Ġeħova jew l-organizzazzjoni tiegħu qed iġġegħelna nbatu. Xi Iżraelin fl-Eġittu ġralhom xi ħaġa simili. Għall-ewwel huma emmnu li Ġeħova kien għażel lil Mosè u lil Aron biex jeħlishom mill-Eġittu. (Eżo. 4:29-31) Imma mbagħad, meta l-Fargħun għamel il-ħajja tagħhom iktar diffiċli, waħħlu f’Mosè u Aron għall-problemi li kienu qed jiffaċċjaw. Huma qalulhom: “Ġegħeltu lill-Fargħun u lill-qaddejja tiegħu jobogħduna, u tajtuhom raġuni biex joqtluna.” (Eżo. 5:19-21) Huma waħħlu fil-qaddejja leali t’Alla. X’ħasra! Jekk ilek għaddej mill-problemi, kif tistaʼ żżomm il-fiduċja tiegħek f’Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu b’saħħitha?

6. X’nitgħallmu mill-profeta Ħabakkuk dwar kif nissaportu l-problemi tagħna? (Ħabakkuk 3:17-19)

6 Iftaħ qalbek maʼ Ġeħova fit-talb u għidlu biex jgħinek. Il-profeta Ħabakkuk iffaċċja ħafna problemi. Darba minnhom beda jiddubita jekk Ġeħova jimpurtahx minnu. Għalhekk talab lil Ġeħova u qallu kif kien qed iħossu. Ħabakkuk qallu: “O Ġeħova, kemm se jkolli ndum ngħajjat għall-għajnuna, u int ma tismax? . . . U int tibqaʼ sempliċement tħares lejn l-inkwiet?” (Ħab. 1:2, 3) Ġeħova wieġeb it-talba tal-qaddej leali tiegħu. (Ħab. 2:2, 3) Wara li Ħabakkuk ħaseb sew kif Ġeħova kien salva lill-poplu tiegħu, hu reġaʼ beda jħossu ferħan. Hu kien ċert li Ġeħova kien jimpurtah minnu, u li kien se jgħinu jiffaċċja kwalunkwe prova. (Aqra Ħabakkuk 3:17-19.) X’inhi l-lezzjoni għalina? Meta tiffaċċja l-problemi, itlob lil Ġeħova u għidlu kif tkun qed tħossok. Imbagħad għidlu biex jgħinek. Meta tagħmel hekk, tistaʼ tkun ċert li Ġeħova se jtik is-saħħa li għandek bżonn biex tkompli tissaporti. Meta tħoss l-għajnuna tiegħu, il-fidi tiegħek fih se tissaħħaħ.

7. Il-familja taʼ Shirley minn xiex ipprovaw jikkonvinċuha, u x’għamlet biex tibqaʼ tafda f’Ġeħova?

7 Titlaqx ir-rutina spiritwali. Dan għen lil oħt minn Papua New Guinea, jisimha Shirley, meta kellha l-problemi. b Il-familja tagħha kienet fqira, u kultant kien diffiċli biex ikollhom biżżejjed x’jieklu. Xi ħadd minn tal-familja pprova jwaqqafha milli tafda f’Ġeħova. Hu qalilha: “Int tgħid li l-ispirtu qaddis t’Alla qed jgħinek, imma l-familja xorta għadha fqira. Qed taħli l-ħin tipprietka.” Shirley qalet: “Bdejt niddubita jekk Alla kienx jimpurtah minna. Allura mill-ewwel tlabt lil Ġeħova u ftaħt qalbi miegħu. Jien bqajt naqra l-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet tagħna, u komplejt nipprietka u mmur il-laqgħat.” Wara ftit indunat li Ġeħova kien qed jieħu ħsieb il-familja tagħha. Huma dejjem kellhom x’jieklu u kienu ferħanin. Shirley qalet: “Rajt li Ġeħova kien qed iwieġeb it-talb tiegħi.” (1 Tim. 6:6-8) Inti wkoll tistaʼ tibqaʼ leali lejn Ġeħova minkejja l-problemi u d-dubji. Dan tistaʼ tagħmlu jekk ma titlaqx ir-rutina spiritwali tiegħek.

META L-AĦWA LI QED IMEXXU JIĠU TRATTATI ĦAŻIN

8. X’jistaʼ jiġrilhom l-aħwa li qed imexxu fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova?

8 Dawk taʼ kontrina jużaw il-media  u l-Internet biex jigdbu jew iqajmu d-dubji dwar l-aħwa li qed imexxu fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. (Salm 31:13) Xi aħwa ġew arrestati u akkużati bħala kriminali. Il-Kristjani tal-bidu għaddew minn sitwazzjoni simili meta l-appostlu Pawlu ġie arrestat. Huma x’għamlu?

9. Ħafna Kristjani x’għamlu meta l-appostlu Pawlu ġie arrestat?

9 Meta l-appostlu Pawlu ġie arrestat f’Ruma, ħafna Kristjani tal-bidu telquh. (2 Tim. 1:8, 15) Għala? Jistaʼ jkun li bdew jistħu minħabba li n-nies kienu jqisu lil Pawlu bħala kriminal. (2 Tim. 2:8, 9) Jew jistaʼ jkun li bdew jibżgħu li se jiġu persegwitati huma wkoll. Kienet x’kienet ir-raġuni immaġina kif ħassu Pawlu. Hu kien issaporta ħafna provi u anki rriskja ħajtu għalihom. (Atti 20:18-21; 2 Kor. 1:8) Aħna qatt m’għandna nkunu bħal dawk li m’għenux lil Pawlu meta kellu bżonn! X’għandna nibqgħu niftakru meta l-aħwa li jmexxu fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova jiġu persegwitati?

10. X’għandna nibqgħu niftakru meta l-aħwa li qed imexxu jiġu persegwitati, u għala?

10 Tinsiex għala u min qed jippersegwitana. It-2 Timotju 3:12 jgħid: “Kulmin jixtieq jgħix bid-devozzjoni lejn Alla fi sħubija maʼ Kristu Ġesù jkun persegwitat ukoll.” Allura m’għandniex niħduha bi kbira li Satana qed jattakka b’mod speċjali lill-aħwa li qed imexxu. Hu jrid li dawn l-aħwa ma jibqgħux leali lejn  Ġeħova u jrid jbeżżagħna.—1 Pt. 5:8.

Minkejja li Pawlu kien il-ħabs, Onesiforu wera kuraġġ u għenu. F’din l-istampa nistgħu naraw eżempju taʼ kif l-aħwa jissapportjaw lil ħuthom li qegħdin il-ħabs illum (Ara paragrafi 11-12)

11. L-eżempju t’Onesiforu x’jgħallimna? (2 Timotju 1:16-18)

11 Ibqaʼ leali lejn l-aħwa u kompli għinhom. (Aqra t-2 Timotju 1:16-18.) Meta Pawlu kien il-ħabs, ħu jismu Onesiforu m’għamilx bħall-Kristjani l-oħra. Hu “ma staħax minħabba l-ktajjen [taʼ Pawlu].” Onesiforu fittex lil Pawlu u meta sabu pprova jgħinu f’dak li kellu bżonn. Biex għamel hekk, Onesiforu rriskja ħajtu. Dan x’jgħallimna? M’għandniex nibżgħu min-nies u nieqfu ngħinu lill-aħwa li qed jiġu persegwitati. Minflok għandna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ngħinuhom. (Prov. 17:17) Huma għandhom bżonn l-imħabba u l-għajnuna tagħna.

12. X’nistgħu nitgħallmu mill-aħwa fir-Russja?

12 Aħseb kif l-aħwa fir-Russja qed jgħinu lil ħuthom li qegħdin il-ħabs. Meta jkunu fil-qorti, ħafna aħwa jmorru biex jissapportjawhom. Dan x’jgħallimna? Tibżax meta jigdbu fuq l-aħwa li qed imexxu, jarrestawhom, jew jippersegwitawhom. Minflok, itlob għalihom, għin lil tal-familja tagħhom, u ara b’liema modi oħra tistaʼ tissapportjahom.—Atti 12:5; 2 Kor. 1:10, 11.

META N-NIES JGĦAJRUNA

13. Kif nistgħu nieqfu nafdaw f’Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu meta n-nies jgħajruna?

13 Dawk li jiġu minna, tax-xogħol, jew tal-iskola jistgħu jwaqqgħuna għaċ-ċajt għax immorru nippritkaw jew għax nobdu l-liġijiet taʼ Ġeħova. (1 Pt. 4:4) Huma forsi jgħidu: “Inti orrajt, imma r-reliġjon tiegħek ma tħallikomx tagħmlu ħafna affarijiet u hi antika.” Xi wħud jitkellmu negattiv dwar il-mod kif nittrattaw maʼ wħud maqtugħin mis-sħubija. Huma jgħidu: “Kif tgħidu li tħobbu lil kulħadd?” Meta n-nies jgħidulna hekk nistgħu nibdew niddubitaw jekk il-liġijiet taʼ Ġeħova humiex tajbin. Forsi nibdew naħsbu: ‘Ġeħova qed jistenna wisq minni? L-organizzazzjoni tiegħu għandha wisq restrizzjonijiet?’ Jekk qed tħossok hekk, x’tistaʼ tagħmel biex tibqaʼ qrib taʼ Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu?

Ġob m’emminx il-gideb taʼ dawk li għajruh. Minflok hu kien determinat li jibqaʼ leali lejn Ġeħova (Ara paragrafu 14)

14. X’għandna nagħmlu meta n-nies jgħajruna talli nobdu l-livelli taʼ Ġeħova? (Salm 119:50-52)

14 Kun determinat li tobdi l-livelli taʼ Ġeħova. Ġob għamel dak li Ġeħova jgħid li hu tajjeb, avolja n-nies għajruh. Wieħed mill-irġiel li taparsi kienu l-ħbieb tiegħu pprova jikkonvinċih li Alla ma kienx jinteressah jekk jagħmilx dak li hu tajjeb. (Ġob 4:17, 18; 22:3) Imma Ġob ma riedx jemmen dan il-gideb. Hu kien jaf li l-livelli taʼ Ġeħova huma tajbin, allura kien determinat li jobdihom. Hu ma ħalliex lil oħrajn iwaqqfuh milli jibqaʼ leali. (Ġob 27:5, 6) Dan x’jgħallimna? Tħallix lin-nies li jgħajruna jġegħluk tiddubita mil-livelli taʼ Ġeħova. Aħseb minn xiex għaddejt. Probabbli f’ħajtek kien hemm ħafna drabi meta rajt li kien għall-ġid tiegħek li tobdi lil Ġeħova. Kun determinat li tibqaʼ parti mill-organizzazzjoni li tobdi l-livelli taʼ Ġeħova. Imbagħad jgħidu x’jgħidu n-nies aħna qatt mhu se nieqfu naqdu lil Ġeħova.—Aqra Salm 119:50-52.

15. Il-familja taʼ Brizit għala bdew għajruha?

15 Ejja naraw l-esperjenza taʼ oħt mill-Indja jisimha Brizit. Tal-familja kienu jgħajruha minħabba r-reliġjon tagħha. Ftit wara li tgħammdet, ir-raġel tagħha li ma kienx Xhud taʼ Ġeħova tilef ix-xogħol. Allura ddeċieda li hu, Brizit, u t-tfal tagħhom imorru jgħixu mal-ġenituri tiegħu f’belt oħra. Imma Brizit iffaċċjat sfidi ikbar. Peress li r-raġel tagħha ma kellux xogħol, hi kellha taħdem full-time. Barra minn hekk, l-iktar kongregazzjoni viċin tagħha kienet 350 kilometru ’l bogħod. B’dispjaċir, il-familja tar-raġel tagħha kienu jgħajruha minħabba li kienet Xhud taʼ Ġeħova. Tant kellha oppożizzjoni li kellhom imorru jgħixu xi mkien ieħor. Imbagħad f’daqqa waħda miet ir-raġel tagħha. Iktar tard, waħda mit-tfal tagħha mietet bil-kanċer meta kellha 12-il sena. Il-familja taʼ Brizit bdew iwaħħlu fiha. Huma qalu li kieku hi ma saritx waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova ma kinux se jiġru dawn l-affarijiet koroh. Imma hi baqgħet tafda f’Ġeħova u baqgħet qrib l-organizzazzjoni tiegħu.

16. Ġeħova kif bierek lil Brizit talli baqgħet leali lejh u l-organizzazzjoni tiegħu?

16 Peress li Brizit kienet toqgħod ’il bogħod ħafna mill-kongregazzjoni, l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet inkuraġġieha biex tipprietka fejn toqgħod hi u tagħmel il-laqgħat id-dar tagħha. Għall-ewwel ħasbet li dan se jkun wisq diffiċli, imma obdiet id-direzzjoni. Hi ppritkat l-aħbar tajba, għamlet il-laqgħat id-dar tagħha, u b’mod regulari kienet tagħmel il-qima bħala familja mat-tfal tagħha. X’kien ir-riżultat? Brizit kellha ħafna studji tal-Bibbja u ħafna minnhom tgħammdu. Fl-2005 bdiet taqdi bħala pijuniera regulari. Ġeħova berikha talli baqgħet tafda fih u baqgħet leali lejn l-organizzazzjoni tiegħu. It-tfal tagħha qed jaqdu lil Ġeħova, u fejn toqgħod hi issa hemm żewġ kongregazzjonijiet! Hi ċerta li Ġeħova taha s-saħħa biex tissaporti l-provi.

IBQAʼ LEALI LEJN ĠEĦOVA U L-ORGANIZZAZZJONI TIEGĦU

17. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

17 Satana jridna nemmnu li Ġeħova se jitlaqna u li jekk nibqgħu fl-organizzazzjoni tiegħu ħajjitna se tkun iktar diffiċli. Satana jridna nibżgħu meta n-nies jigdbu dwar l-aħwa li qed imexxu, jippersegwitawhom, u jitfgħuhom il-ħabs. U meta n-nies jgħajruna, Satana jkun irid iwaqqafna milli nafdaw fil-livelli taʼ Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu. Imma aħna nafu x’qed jipprova jagħmel, allura ma naqgħux għan-nases tiegħu. (2 Kor. 2:11) Kun determinat li ma tismax mill-gideb taʼ Satana u li tibqaʼ leali lejn Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu. Tinsiex li Ġeħova qatt mhu se jitilqek. (Salm 28:7) Mela, tħalli xejn jifirdek minnu!—Rum. 8:35-39.

18. X’se niddiskutu fl-artiklu li jmiss?

18 F’dan l-artiklu ddiskutejna xi sfidi li jistgħu jiġu minn barra l-kongregazzjoni. Imma l-fiduċja tagħna f’Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu tistaʼ tiġi ttestjata bi sfidi li jiġu mill-kongregazzjoni stess. Kif nistgħu nkampaw minkejja dawn l-isfidi? Dan se niddiskutuh fl-artiklu li jmiss.

GĦANJA 118 “Agħtina iktar fidi”

a Biex nibqgħu leali matul dawn l-aħħar jiem irridu nkomplu nafdaw f’Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu. Ix-Xitan qed jipprova juża l-problemi biex iġegħelna ma nibqgħux nafdawhom. F’dan l-artiklu se niddiskutu tliet affarijiet li juża x-Xitan, u x’nistgħu nagħmlu aħna biex nibqgħu leali lejn Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu.

b Xi ismijiet ġew mibdulin.