Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 47

GĦANJA 103 Ir-ragħajja—Irġiel bħala għotjiet

Aħwa Rġiel Qed Taħdmu Biex Issiru Anzjani?

Aħwa Rġiel Qed Taħdmu Biex Issiru Anzjani?

“Jekk raġel qed jirsisti biex isir anzjan, hu jkun jixtieq xogħol tajjeb.”1 TIM. 3:1.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Se nitgħallmu dwar il-kwalifiki li l-Bibbja tgħid li ħu mgħammed għandu bżonn biex isir anzjan.

1-2. X’inhu xi xogħol li jagħmel anzjan?

 JEKK qed taqdi bħala qaddej ministerjali, wisq probabbli ħdimt iebes biex ikollok ħafna mill-kwalitajiet li hemm bżonn ħalli tkun anzjan. Tixtieq taqdi iktar lill-aħwa billi ssir anzjan?—1 Tim. 3:1.

2 X’inhu xi xogħol li jagħmel anzjan? Ftit minnu hu li jkun t’eżempju tajjeb fuq is-service, jaħdem iebes biex jieħu ħsieb u jgħallem lill-aħwa, u jgħinhom isaħħu l-fidi f’Ġeħova b’dak li jgħid u jagħmel. Allura, nistgħu nifhmu għala l-Bibbja tgħid li l-anzjani huma rigali.—Efes. 4:8.

3. Ħu xi jrid jagħmel biex isir anzjan? (1 Timotju 3:​1-7; Titu 1:​5-9)

3 Xi trid tagħmel biex issir anzjan? Biex tikkwalifika ħalli ssir anzjan mhux biżżejjed li jkollok abbiltajiet bħallikieku qed tfittex xogħol sekulari. Ħafna drabi meta tkun trid tidħol taħdem xi mkien kulma jkollok bżonn hu li jkollok l-abbiltajiet li jrid l-imgħallem. Imma jekk tixtieq issir anzjan mhuwiex biżżejjed li tkun tajjeb fuq is-service u taf tgħallem. Hemm bżonn li jkollok il-kwalifiki li jissemmew fl-​1 Timotju 3:​1-7 u f’Titu 1:​5-9. (Aqra.) F’dan l-artiklu se naraw ftit minn dawn il-kwalifiki. Se naraw kif ħu jistaʼ jkollu reputazzjoni tajba, kif jistaʼ jkun kap tal-familja tajjeb, u x’jistaʼ jgħinu jkun ferħan hu u jaqdi lill-aħwa fil-kongregazzjoni.

IKOLLOK REPUTAZZJONI TAJBA

4. Xi jfisser li tkun raġel li “ma ssib xejn x’tgħid fih”?

4 Biex tikkwalifika ħalli ssir anzjan hemm bżonn li tkun raġel li “ma ssib xejn x’tgħid fih.” Dan ifisser li jkollok reputazzjoni tajba fil-kongregazzjoni minħabba li ħadd ma jkollu raġuni biex jakkużak fuq xi ħaġa ħażina. Barra minn hekk, hemm bżonn li jkollok “reputazzjoni tajba maʼ dawk taʼ barra.” Nies li ma jemmnux f’Ġeħova forsi ma jaqblux jew imaqdru dak li temmen, imma qatt m’għandu jkollhom raġuni biex jiddubitaw jekk intix bniedem onest jew raġel sew. (Dan. 6:​4, 5) Saqsi lilek innifsek, ‘L-aħwa fil-kongregazzjoni u dawk li ma jaqdux lil Ġeħova jarawni bħala bniedem onest u għandi reputazzjoni tajba magħhom?’

5. Xi jfisser li tkun ‘tħobb it-tajjeb’?

5 Li tkun ‘tħobb it-tajjeb,’ ifisser li tipprova tara kwalitajiet tajbin f’oħrajn u tfaħħarhom għalihom. Ifisser ukoll li tkun ferħan li taqdi lil oħrajn anki meta ma jkollokx għalfejn. (1 Tes. 2:8; ara n-nota taʼ studju “lover of goodness” ma’ Titu 1:8.) L-anzjani għala għandhom ikunu nies li jħobbu t-tajjeb? Għax huma jużaw ħafna mill-ħin tagħhom biex jieħdu ħsieb l-aħwa u jippreparaw għall-assignments li jkollhom. (1 Pt. 5:​1-3) Imma avolja jkollhom ħafna x’jagħmlu, meta jgħinu lil oħrajn ikunu ferħanin.—Atti 20:35.

6. Xi jfisser li tkun “ospitabbli”? (Lhud 13:​2, 16; ara l-istampa.)

6 Int turi li int “ospitabbli” meta tagħmel it-tajjeb ma’ oħrajn, anki ma’ dawk li ma tkunx tafhom ħafna. (1 Pt. 4:9) Dizzjunarju tal-Bibbja jgħid li raġel ikun ospitabbli meta jkun qalbu tajba ma’ nies li ma jafx u anki jkun lest li jistidinhom id-dar. Allura, saqsi lilek innifsek, ‘In-nies jarawni bħala xi ħadd li nuri qalb tajba ma’ dawk li jżuru l-kongregazzjoni?’ (Aqra Lhud 13:​2, 16.) Xi ħadd ospitabbli jaqsam dak li jkollu ma’ oħrajn. Pereżempju, ma’ dawk li m’għandhomx ħafna flus, ma’ dawk li jiġu jagħmlu t-taħditiet minn kongregazzjonijiet oħra, u ma’ dawk li jaħdmu iebes biex jgħinu lil oħrajn, bħall-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet.—Ġen. 18:​2-8; Prov. 3:27; Luqa 14:​13, 14; Atti 16:15; Rum. 12:13.

Koppja stiednu lill-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet u l-mara tiegħu biex joqogħdu għandhom (Ara paragrafu 6)


7. Xi jfisser li ‘ma tkunx tħobb il-flus’?

7 Li ‘ma tħobbx il-flus’ ifisser li l-flus u l-affarijiet materjali ma jkunux l-iktar ħaġa importanti f’ħajtek. Kemm jekk int sinjur u anki jekk fqir, li taqdi lil Ġeħova għandu jkun l-iktar ħaġa importanti. (Mat. 6:33) Dan tagħmlu billi tuża l-ħin, l-enerġija, u l-affarijiet materjali li għandek biex taqdi lil Ġeħova, tieħu ħsieb il-familja, u tgħin fil-kongregazzjoni. (Mat. 6:24; 1 Ġw. 2:​15-17) Saqsi lilek innifsek: ‘Il-flus kemm huma importanti għalija? Jien kuntent bl-affarijiet bżonjużi li għandi jew dejjem irrid iktar flus u iktar affarijiet materjali?’—1 Tim. 6:​6, 17-19.

8. Xi jfisser li tkun “moderat f’kollox” u ‘tikkontrolla lilek innifsek’?

8 Li tkun “moderat f’kollox” u ‘tikkontrolla lilek innifsek’ ifisser li f’ħajtek iżżomm bilanċ f’kollox. Dan jinkludi li ma tixrobx u tiekol iżżejjed. Il-mod kif tilbes u kif tidher ikun modest. Tieħu deċiżjonijiet tajbin meta tiġi biex tagħżel id-divertiment. Int ma timitax il-mod kif jgħixu dawk li ma jaqdux lil Ġeħova. (Luqa 21:34; Ġak. 4:4) Tibqaʼ kalm anki meta n-nies ma jittrattawkx sew. Hu importanti li ‘ma tiskirx, u n-nies ma jkunux jafuk bħala xi ħadd li jħobb jixrob ħafna. Allura saqsi lilek innifsek, ‘Il-mod kif ngħix juri li jien moderat f’kollox u nikkontrolla lili nnifsi?’

9. Xi jfisser li ‘tuża l-għaqal’ u ‘timxi bl-ordni’?

9 Li xi ħadd “juża l-għaqal” ifisser li jaħseb sew dwar x’tgħid il-Bibbja fuq affarijiet differenti tal-ħajja. Int taħseb dwar kif il-pariri tal-Bibbja jistgħu jgħinuk tifhem is-sitwazzjoni aħjar, u b’hekk tieħu deċiżjoni tajba. Qabel ma jkollok l-informazzjoni kollha ma tgħaġġilx biex tieħu deċiżjoni. (Prov. 18:13) Allura d-deċiżjonijiet tiegħek se jkunu raġonevoli u fl-istess ħin jogħġbu lil Ġeħova. Li xi ħadd “jimxi bl-ordni” jfisser li jkun organizzat u puntwali, jiġifieri jżomm mal-ħin. In-nies ikunu jafdawk u jarawk bħala xi ħadd li jimxi mad-direzzjoni. Dawn il-kwalitajiet kollha li semmejna se jgħinuk biex ikollok reputazzjoni tajba. Issa se naraw xi kwalitajiet li anzjan għandu bżonn biex ikun kap tal-familja tajjeb.

KUN T’EŻEMPJU BĦALA KAP TAL-FAMILJA

10. Raġel kif “imexxi tajjeb lill-familja tiegħu”?

10 Jekk int raġel miżżewweġ u tixtieq taqdi bħala anzjan, il-familja tiegħek ukoll trid tkun t’eżempju tajjeb. Allura, int trid ‘tkun taf tmexxi tajjeb lill-familja tiegħek.’ In-nies iridu jarawk bħala xi ħadd li tħobb lill-familja u li tieħu deċiżjonijiet tajbin għalihom. Hemm bżonn li tagħmel il-qima bħala familja, tara li kulħadd fil-familja tiegħek jattendi l-laqgħat, u tgħinhom jagħmlu l-aħjar tagħhom fis-service. Dan għala hu importanti? L-appostlu Pawlu saqsa: “Jekk raġel ma jafx imexxi lill-familja tiegħu stess, kif jistaʼ jieħu ħsieb il-kongregazzjoni t’Alla?”—1 Tim. 3:5.

11-12. Dak li jagħmlu t-tfal kif jistaʼ jeffettwa l-kwalifiki tal-missier? (Ara l-istampa.)

11 Jekk int missier u t-tfal għadhom taħt it-18-il sena, hu importanti li jkunu “jobdu u jġibu ruħhom sew.” Hemm bżonn li tgħallimhom u tittrennjahom bi mħabba. Ovvjament, trid tiftakar li huma tfal u jridu jidħqu u jieħdu pjaċir jilagħbu. Imma peress li int tgħallimhom sew, huma se jobduk, jirrispettaw lil oħrajn, u jġibu ruħhom sew. Importanti li tgħinhom isiru ħbieb taʼ Ġeħova, jgħixu ma’ dak li tgħid il-Bibbja, u jkollhom ix-xewqa li jiddedikaw ħajjithom u jitgħammdu.

12 “It-tfal tiegħu jkunu jemmnu u ma jkunux akkużati li huma sfrattati jew ribellużi.” Jekk it-tifel jew it-tifla taʼ anzjan tagħmel dnub serju kif jaffettwa lill-missier? Jekk il-missier kien traskurat u ma ħax ħsieb li jittrennjahom u jiddixxiplinahom, jistaʼ jkun li ma jikkwalifikax bħala anzjan.—Ara It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Novembru 1996, p. 18, para. 6-7.

Il-missirijiet jgħinu lit-tfal tagħhom biex jaqdu lil Ġeħova u jgħinu fil-kongregazzjoni (Ara paragrafu 11)


ĦU ĦSIEB LILL-KONGREGAZZJONI

13. Kif tistaʼ turi li int “raġonevoli” u ‘m’intix rasek iebsa’?

13 L-aħwa rġiel li għandhom kwalitajiet tajbin jgħinu ħafna fil-kongregazzjoni. Bniedem “raġonevoli” jaħdem iebes biex ikun hemm il-paċi fil-kongregazzjoni. Jekk tixtieq li l-oħrajn jarawk bħala xi ħadd raġonevoli, ismaʼ lil oħrajn u pprova ifhem kif qed iħossuhom. Immaġina li qiegħed f’xi laqgħa tal-anzjani, u l-maġġoranza jaqblu dwar xi deċiżjoni imma inti le. Se tkun lest li ċċedi sakemm ma jkunux qed imorru kontra xi prinċipju mill-Bibbja? Li xi ħadd “ma jkunx rasu iebsa” jfisser li ma jibqax jinsisti biex l-affarijiet isiru kif irid hu. Int taf kemm hu importanti li tismaʼ mill-pariri taʼ oħrajn. (Ġen. 13:​8, 9; Prov. 15:22) Anzjan “ma jiġġilidx” jew ‘jitilgħulu malajr.’ Minflok ma tkun persuna li targumenta u ma turix rispett, int se turi kwalitajiet bħall-qalb tajba. Bħala xi ħadd li tħobb il-paċi, int taħdem iebes biex anki meta jkun hemm sitwazzjonijiet diffiċli, iżżomm il-paċi. (Ġak. 3:​17, 18) Ftakar, li jekk titkellem b’qalb tajba se tkun tistaʼ tikkalma lill-oħrajn, anki nies li jiħduha kontra l-verità.—Imħ. 8:​1-3; Prov. 20:3; 25:15; Mat. 5:​23, 24.

14. Xi jfissru l-kliem “mhux wieħed li għadu kif sar Kristjan” u li tkun “leali”?

14 Ħu li jikkwalifika biex isir anzjan m’għandux ikun “wieħed li għadu kif sar Kristjan.” Vera li m’għandekx għalfejn tkun ilek mgħammed għal ħafna snin, imma għandek bżonn iż-żmien biex issir Kristjan matur. Qabel ma ssir anzjan trid turi li int umli u li tieħu pjaċir taqdi lil Ġeħova f’kull assignment li jkollok, bħalma kien jagħmel Ġesù. B’hekk, int se tkun paċenzjuż u tistenna lil Ġeħova biex itik iktar privileġġi. (Mat. 20:23; Flp. 2:​5-8) Uri li int “leali” billi tgħix b’mod kif iridek Ġeħova u timxi dejjem mad-direzzjoni li jtina permezz tal-organizzazzjoni.—1 Tim. 4:15.

15. Anzjan bilfors irid ikun kapaċi jagħti t-taħditiet? Spjega.

15 Il-Bibbja turi li l-anzjani għandhom ikunu ‘kwalifikati biex jgħallmu.’ Imma dan ifisser li tkun taf tagħti taħditiet vera sbieħ? Le, mhux bilfors. Jistaʼ jkun li anzjan ikun tajjeb ħafna biex jgħallem fuq is-service u jinkuraġġixxi lill-aħwa meta jżurhom, imma fuq il-platform mhux daqshekk. (Ara n-nota taʼ studju “qualified to teach” mal-​1 Timotju 3:2; ara l-prinċipji fl-​1 Korintin 12:​28, 29 u f’​Efesin 4:11.) Però, hu xorta għandu jibqaʼ jaħdem biex isir għalliem aħjar. Allura x’hemm bżonn jagħmel?

16. Kif tistaʼ ssir għalliem aħjar? (Ara l-istampa.)

16 “Il-mod taʼ kif jgħallem għandu jkun fi qbil mal-messaġġ.” Biex issir għalliem aħjar, agħmel ċert li dak li tgħid u l-pariri li tagħti jkunu dejjem ibbażati mill-Bibbja. Biex tagħmel hekk, hemm bżonn li tistudja l-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet tagħna sew. (Prov. 15:28; 16:23; ara n-nota taʼ studju “holding firmly to the faithful word” maʼ Titu 1:9.) Meta tkun qed tistudja, ara kif il-pubblikazzjonijiet tagħna jispjegaw il-versi ħalli tapplikahom kif suppost. U meta tgħallem, aħdem iebes biex tgħin lin-nies iħobbu iktar lil Ġeħova u japplikaw dak li jitgħallmu. Tistaʼ ssir għalliem aħjar billi ssaqsi għal parir minn anzjani tal-esperjenza. (1 Tim. 5:17) L-anzjani jridu ‘jinkuraġġixxu’ lill-aħwa, imma kultant ikollhom bżonn ‘jikkoreġu’ lill-aħwa. Però, importanti li dejjem jagħmlu dan b’qalb tajba. Jekk dejjem turi mħabba u qalb tajba, u tgħallem permezz tal-Bibbja se tkun għalliem tajjeb għax tkun qed timita lill-Aqwa Għalliem, Ġesù.—Mat. 11:​28-30; 2 Tim. 2:24.

Qaddej ministerjali qed jitgħallem minn anzjan kif jistaʼ jinkuraġġixxi lil oħrajn mill-Bibbja. Hu qed jipprattika taħdita quddiem il-mera (Ara paragrafu 16)


KOMPLI AGĦMEL PROGRESS

17. (a) X’se jgħin lill-qaddejja ministerjali jkomplu jagħmlu progress? (b) L-anzjani xi jridu jżommu f’moħħhom meta jirrakkomandaw lil xi ħadd għal anzjan? (Ara l-kaxxa “ Kunu Raġonevoli Meta Tiddiskutu Jekk Ħu Jistax Jaqdi Bħala Anzjan.”)

17 Xi qaddejja ministerjali forsi jħossu li qatt ma jistgħu jkunu anzjani għax hemm wisq kwalifiki xi jrid ikollhom. Imma ftakar li la Ġeħova u lanqas l-organizzazzjoni ma jistennew li tkun perfett. (1 Pt. 2:21) U apparti minn hekk, Ġeħova se jagħtik l-ispirtu tiegħu biex taħdem ħalli jkollok dawn il-kwalitajiet. (Flp. 2:13) Hemm xi kwalifika li tħoss li trid taħdem iktar fuqha? Jekk iva, itlob lil Ġeħova u studja sew dwarha. Staqsi lil xi anzjan dwar x’tistaʼ tagħmel biex tkun aħjar.

18. Il-qaddejja ministerjali x’għandhom jagħmlu?

18 Jalla l-aħwa rġiel kollha, inkluż l-anzjani, ikomplu jaħdmu fuq il-kwalifiki li semmejna f’dan l-artiklu. (Flp. 3:16) Int qaddej ministerjali? Kompli agħmel progress! Itlob lil Ġeħova biex jittrennjak u jużak iktar fil-kongregazzjoni. (Isa. 64:8) Ġeħova żgur se jbierkek għal kulma tagħmel biex tikkwalifika ħalli taqdi bħala anzjan.

GĦANJA 101 Naħdmu flimkien f’unità