Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 44

GĦANJA 33 Ixħet toqlok fuq Ġeħova

Ibqaʼ Aqdi lil Ġeħova Meta Tiġi Trattat Ħażin

Ibqaʼ Aqdi lil Ġeħova Meta Tiġi Trattat Ħażin

“Tħallix il-ħażen jirbħek, imma dejjem irbaħ il-ħażen bit-tajjeb.”RUM. 12:21.

DAK LI SE NITGĦALLMU

X’għandek tagħmel meta oħrajn jittrattawk ħażin.

1-2. Min jistaʼ jittrattana ħażin?

 ĠESÙ qal eżempju dwar armla li kienet trattata ħażin u baqgħet issaqsi mħallef biex jgħinha. Id-dixxipli setgħu jifhmuh dan l-eżempju għax ħafna nies dak iż-żmien kienu jiġu trattati ħażin. (Luqa 18:​1-5) Anki aħna llum nistgħu nifhmuh għax minn żmien għall-ieħor kollha niġu trattati ħażin.

2 Ħafna nies illum jiġġudikaw lil oħrajn, m’għandhomx qalbhom tajba, u huma egoisti. Allura nafu li xi darba jew oħra nistgħu niġu trattati ħażin. (Ekk. 5:8) Imma meta niġu trattati ħażin minn xi ħu jew oħt fil-kongregazzjoni, aħna nkunu diżappuntati ħafna. Ovvjament huma ma jagħmlux hekk għax iridu, bħalma jagħmlu n-nies fid-dinja, imma għax huma imperfetti. Nistgħu nitgħallmu ħafna minn x’għamel Ġesù meta ġie trattat ħażin minn oħrajn. Aħna nagħmlu sforz biex inkunu paċenzjużi man-nies tad-dinja, allura kemm iktar għandna nuru paċenzja mal-aħwa! Ġeħova jimpurtah u jagħti kas meta xi ħadd jittrattana ħażin?

3. Kif nafu li Ġeħova jimpurtah mill-mod kif in-nies jittrattawna?

3 Ġeħova jrid li aħna niġu trattati b’mod tajjeb, allura jinnota meta n-nies jittrattawna ħażin. “Ġeħova jħobb il-ġustizzja.” (Slm. 37:28) Ġesù wegħedna li Ġeħova ‘se jara li ssir ġustizzja malajr,’ jiġifieri fl-aħjar żmien. (Luqa 18:​7, 8) Dalwaqt, Ġeħova se jneħħi l-problemi tagħna u jagħmel ċert li ħadd ma jerġaʼ jittrattana ħażin.—Slm. 72:​1, 2.

4. Ġeħova kif qed jgħinna?

4 Aħna qed nistennew iż-żmien meta Ġeħova jneħħi l-problemi kollha tagħna. Imma sakemm jasal dak iż-żmien Ġeħova qed jgħinna. (2 Pt. 3:13) Hu jgħallimna x’għandna nagħmlu meta niġu trattati ħażin, ħalli nevitaw il-problemi. Mod wieħed kif jagħmel dan hu billi fil-Bibbja kiteb x’għamel Ġesù meta n-nies ittrattawh ħażin. Ġeħova jagħtina wkoll pariri tajbin dwar x’nistgħu nagħmlu meta niġu trattati ħażin.

OQGĦOD ATTENT X’TAGĦMEL META TIĠI TRATTAT ĦAŻIN

5. Għala għandna noqogħdu attenti minn dak li nagħmlu wara li niġu trattati ħażin?

5 Meta niġu trattati ħażin, inħossuna mweġġgħin u mdejqin. (Ekk. 7:7) Anki nies leali bħal Ġob u Ħabakkuk ħassewhom b’mod simili. (Ġob 6:​2, 3; Ħab. 1:​1-3) Għalkemm hu normali li nħossuna hekk, irridu noqogħdu attenti x’nagħmlu wara, ħalli ma nagħmlu xejn ħażin.

6. X’nitgħallmu mill-eżempju t’Absalom? (Ara l-istampa.)

6 Meta xi ħadd jittrattana ħażin, forsi nkunu rridu npattuhielu lura. Imma jekk nagħmlu hekk jistaʼ jkollna iktar problemi. Aħseb dwar l-eżempju tat-tifel tar-Re David, Absalom. Meta ħuh Amnon abbuża minn oħthom Tamar, Absalom irrabja ħafna. Skont il-Liġi taʼ Mosè, Amnon kellu jinqatel. (Lev. 20:17) Allura, Absalom kellu raġun jirrabja, imma hu ma kellux dritt joqtol lil Amnon.—2 Sam. 13:​20-23, 28, 29.

Meta oħtu Tamar ġiet trattata ħażin, Absalom ma kkontrollax ir-rabja (Ara paragrafu 6)


7. Kif ħassu wieħed mill-qaddejja taʼ Ġeħova meta ra lin-nies ħżiena sejrin tajjeb?

7 Meta nibdew naraw lin-nies li jittrattaw lil oħrajn ħażin sejrin tajjeb, forsi nibdew naħsbu jekk jaqblilniex nibqgħu naqdu lil Ġeħova. Wieħed mill-qaddejja taʼ Ġeħova fil-Bibbja ra lil xi nies jittrattaw lil oħrajn ħażin imma xorta gawdew ħajja tajba. Hu qal: “Dawn huma l-ħżiena li dejjem ikollhom ħajja faċli.” (Slm. 73:12) Hu sabha diffiċli biex jifhem għala. Tant kien imdejjaq bl-affarijiet li ra li ħaseb li jkun aħjar li ma jibqax jaqdi lil Ġeħova. (Slm. 73:​14, 16) Hu qal: “Min-naħa tiegħi, għal naqra ma ħriġtx mit-triq it-tajba; għal naqra ma waqajtx.” (Slm. 73:2) Ħu jismu Alberto ġratlu xi ħaġa simili.

8. Xi ġralu ħu li ġie trattat ħażin?

8 Xi aħwa akkużaw lil Alberto li kien qed jisraq il-flus tal-kongregazzjoni, avolja dan ma kienx veru. Minħabba f’hekk, Alberto ma baqax anzjan u l-aħwa li saru jafu x’kien ġara ma baqgħux jirrispettawh. Hu jgħid: “Kont irrabjat u ddiżappuntat ħafna.” Tant kien imdejjaq li għal ħames snin waqaf imur il-laqgħat. Din l-esperjenza turina x’jistaʼ jiġri jekk meta niġu trattati ħażin, ma nikkontrollawx ir-rabja tagħna.

IMITA LIL ĠESÙ

9. Ġesù minn xiex għadda? (Ara l-istampa.)

9 Ġesù hu l-aqwa eżempju taʼ kif tissaporti meta tiġi trattat ħażin. Ħafna nies ittrattawh ħażin inkluż tal-familja tiegħu. Dawn qalu li kien telaq minn moħħu. Il-mexxejja reliġjużi qalu li kien qed jaħdem mad-demonji, u s-suldati Rumani waqqgħuh għaċ-ċajt, sawtuh, u qatluh. (Mrk. 3:​21, 22; 14:55; 15:​16-20, 35-37) Imma hu baqaʼ jissaporti u qatt m’għamel xi ħaġa ħażina. X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju tiegħu?

Ġesù hu l-aqwa eżempju taʼ x’għandna nagħmlu meta niġu trattati ħażin (Ara paragrafi 9-10)


10. Ġesù kif irnexxielu jissaporti? (1 Pietru 2:​21-23)

10 Aqra l-1 Pietru 2:​21-23. a Ġesù hu l-aqwa eżempju taʼ x’għandna nagħmlu meta niġu trattati ħażin. Pereżempju, hu kien jaf meta kellu jitkellem u meta kellu joqgħod kwiet. (Mat. 26:​62-64) Kultant meta oħrajn gidbu dwaru, hu ddeċieda li ma jgħid xejn. (Mat. 11:19) Meta tkellem, hu m’għajjarx lura u m’heddidx lil oħrajn. Hu setaʼ jikkontrolla dak li jgħid għax “baqaʼ jafda f’Dak li jiġġudika bil-ġustizzja.” Ġesù kien jaf li Missieru kien qed jara kollox u allura kien ċert li fl-aħjar żmien Ġeħova kien se jirranġa kollox.

11. Kif nistgħu nikkontrollaw dak li ngħidu? (Ara l-istampi.)

11 Meta xi ħadd jittrattana ħażin nistgħu nimitaw lil Ġesù u noqogħdu attenti x’ngħidu. Jekk ngħaddu minn xi ħaġa żgħira forsi ma jkollna għalfejn ngħidu jew nagħmlu xejn. Jew jistaʼ jkun li niddeċiedu li ma nitkellmux biex nevitaw li jiżdiedu l-problemi. (Ekk. 3:7; Ġak. 1:​19, 20) Imma drabi oħra forsi jkollna bżonn nitkellmu, speċjalment meta naraw lil oħrajn jiġu trattati ħażin jew inkunu rridu niddefendu l-verità. (Atti 6:​1, 2) Jekk nagħmlu hekk, dejjem għandna nitkellmu bil-kalma u bir-rispett.—1 Pt. 3:15. b

Meta niġu trattati ħażin nistgħu nimitaw lil Ġesù billi noqogħdu attenti meta u kif nitkellmu (Ara paragrafi 11-12)


12. Kif nistgħu nafdaw “f’Dak li jiġġudika bil-ġustizzja”?

12 Nistgħu nimitaw lil Ġesù wkoll billi nafdaw “f’Dak li jiġġudika bil-ġustizzja.” Meta n-nies jittrattawna ħażin jew jiġġudikawna, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jaf il-verità. Dan se jgħinna nissaportu, għax inkunu nafu li Ġeħova se jirranġa l-problemi tagħna kollha. Jekk nafdaw fih u nistennew sakemm hu jsolvi l-problemi tagħna, mhux se nibqgħu rrabjati jew nobogħdu lil oħrajn. Li nibqgħu rrabjati jistaʼ jġegħelna nagħmlu xi ħaġa ħażina, ma nibqgħux ferħanin, u nagħmlu l-ħsara lill-ħbiberija tagħna ma’ Ġeħova.—Slm. 37:8.

13. X’jistaʼ jgħinna nibqgħu nissaportu?

13 Aħna ma nistgħux nimitaw lil Ġesù b’mod perfett, għax kultant nistgħu ngħidu jew nagħmlu xi ħaġa li wara jiddispjaċina. (Ġak. 3:2) Jew ġieli ngħaddu minn affarijiet li se nibqgħu nbatu minħabba fihom sakemm tiġi s-sistema l-ġdida. Jekk int għaddejt minn xi ħaġa simili, kun ċert li Ġeħova jara kollox u li Ġesù jistaʼ jifhmek għax ġie trattat ħażin ukoll. (Lhud 4:​15, 16) Biex jgħinna, fil-Bibbja, Ġeħova tana l-eżempju taʼ Ġesù u anki xi pariri. Ejja naraw żewġ versi minn Rumani li jistgħu jgħinuna.

“ĦALLU LIL ALLA JURI R-RABJA”

14. Xi jfisser li ‘nħallu lil Alla juri r-rabja’? (Rumani 12:19)

14 Aqra Rumani 12:19. L-appostlu Pawlu qal, “Ħallu lil Alla juri r-rabja.” Aħna nagħmlu hekk billi nħallu lil Ġeħova jagħmel ġustizzja kif u meta jrid hu. John, ħu li ġie trattat ħażin, qal: “Kelli nikkontrolla r-rabja tiegħi biex ma nagħmel xejn ħażin, imma ma kinitx faċli. Rumani 12:19 għenni biex inkun paċenzjuż u nafda f’Ġeħova.”

15. Għala jkun aħjar li nistennew lil Ġeħova biex jirranġa xi problema?

15 Meta nistennew lil Ġeħova biex jirranġalna problema, żgur se mmorru sew. Aħna se nevitaw ħafna stress li nħossu kieku nipprovaw insolvu xi ħaġa waħedna. Ġeħova joffrilna biex jgħinna. Hu jgħidilna biex nistennew lilu, u jwegħedna li se jirranġa l-inġustizzja kollha. Jekk aħna nemmnu l-wegħda tiegħu, ma jkollniex għalfejn nibqgħu rrabjati għax ċerti li Ġeħova se jagħmel dan b’mod perfett. John, li ssemma qabel, ikompli jgħid: “Ġeħova żgur li se jirranġa l-problema aħjar minni, allura aħjar inħalli lilu jirranġaha.”

“DEJJEM IRBAĦ IL-ĦAŻEN BIT-TAJJEB”

16-17. It-talb kif jistaʼ jgħinna biex ‘nirbħu l-ħażen bit-tajjeb’? (Rumani 12:21)

16 Aqra Rumani 12:21. Pawlu qal lill-Kristjani biex ‘jirbħu l-ħażen bit-tajjeb.’ U Ġesù, fil-Prietka taʼ fuq il-Muntanja, qal lid-dixxipli tiegħu: “Komplu ħobbu lill-għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom.” (Mat. 5:44) Ġesù għamel eżatt hekk. Forsi ġieli ħsibt dwar it-tbatija li ħass meta s-suldati Rumani sammruh ma’ zokk. Aħna nistgħu biss nimmaġinaw kemm ġie trattat ħażin u bata Ġesù.

17 Ġesù baqaʼ leali lejn Ġeħova u baqaʼ juri mħabba ma’ dawk li trattawh ħażin. Minflok ma talab biex is-suldati jiġu kkastigati, hu talab: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’qed jagħmlu.” (Luqa 23:34) Meta nitolbu lil Ġeħova biex jgħin lil dawk li jittrattawna ħażin, se nħossuna inqas irrabjati u nkunu kalmi. Bil-mod il-mod se nbiddlu l-mod kif inħossuna dwarhom.

18. It-talb kif għen lil Alberto u lil John meta ġew trattati ħażin?

18 It-talb għen liż-żewġ aħwa li semmejna f’dan l-artiklu biex jissaportu meta ġew trattati ħażin. Alberto jgħid: “Jien tlabt għall-aħwa li ttrattawni ħażin. Tlabt lil Ġeħova ħafna drabi biex ma nibqax irrabjat.” Issa, Alberto qed jerġaʼ jaqdi lil Ġeħova ferħan. John jgħid: “Jien tlabt ħafna drabi għall-ħu li weġġagħni u biex naħfirlu. Ġeħova għenni biex ma nkunx irrabjat għalih u nieqaf niġġudikah. It-talb għenni wkoll inħossni kalm.”

19. Xi rridu nagħmlu sakemm tispiċċa din is-sistema ħażina? (1 Pietru 3:​8, 9)

19 Sakemm tispiċċa din is-sistema jistaʼ jkun li niġu trattati ħażin b’ħafna modi. Jiġri x’jiġri, irridu nibqgħu nitolbu lil Ġeħova. Għandna nibqgħu nimitaw lil Ġesù u nkomplu napplikaw il-pariri li nsibu fil-Bibbja. Jekk nagħmlu hekk, Ġeħova żgur se jberikna.—Aqra l-1 Pietru 3:​8, 9.

GĦANJA 38 Hu se jsaħħek

a Fl-​1 Pietru kapitli 2 u 3, l-appostlu Pietru tkellem dwar xi Kristjani li ġew trattati ħażin mis-sidien tagħhom jew mill-irġiel tagħhom li ma kinux jemmnu.—1 Pt. 2:​18-20; 3:​1-6, 8, 9.