IDEA BIEX TISTUDJA
Sib Post Tajjeb Biex Tistudja
Tixtieq tibbenefika iktar mill-istudju personali tiegħek? Dawn l-ideat jistgħu jgħinuk tikkonċentra aħjar meta tistudja:
-
Sib post addattat. Jekk ikun possibbli, sib post bla imbarazz u li jkollu dawl biżżejjed. Tistaʼ toqgħod maʼ mejda jew xi mkien komdu barra.
-
Sib post fejn tistaʼ tkun waħdek. Ġesù għażel li jitlob filgħodu kmieni “f’post imwarrab.” (Mrk. 1:35) Jekk ma tistax tkun waħdek għalkollox, għid lil tal-familja jew lil dawk li tgħix magħhom meta se tkun qed tistudja u għidilhom biex ma jtellfukx dak il-ħin.
-
Ibqaʼ ffokat. Evita affarijiet li jistgħu jtellfuk. Jekk biex tistudja tuża l-mowbajl jew it-tablet, agħmlu silent jew fuq airplane mode biex ikollok inqas affarijiet xi jtellfuk. U jekk tiftakar f’xi ħaġa li għandek tagħmel, ħu nota tagħha ħalli tagħmilha iktar tard. Jekk issibha diffiċli biex tikkonċentra, mur imxi ftit jew iċċaqlaq naqra.