Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 45

GĦANJA 138 Sbuħija fix-xagħar griż

X’Titgħallem mill-Aħħar Kliem li Qalu Xi Rġiel Leali?

X’Titgħallem mill-Aħħar Kliem li Qalu Xi Rġiel Leali?

“Dawk li huma kbar fl-età huma għorrief, u dawk li għexu ħajja twila kapaċi jifhmu.”ĠOB 12:12.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Jekk nobdu lil Ġeħova, iwegħedna li ħa jgħinna issa u fil-futur ħa jtina ħajja taʼ dejjem.

1. Għala nistgħu nitgħallmu minn aħwa kbar fl-età?

 BIEX nieħdu deċiżjonijiet tajbin, kollha kemm aħna għandna bżonn il-pariri. L-anzjani tal-kongregazzjoni u l-aħwa maturi jistgħu jagħtuna ħafna pariri tajbin li jkollna bżonn. Jekk dawn l-aħwa jkunu ħafna ikbar minna, m’għandniex naħsbu li dak li jgħidulna m’għadux jgħodd għal żmienna. Ġeħova jixtieq li aħna nitgħallmu minn aħwa kbar fl-età, għax huma għaddew minn ħafna iktar affarijiet minna. Allura għandhom iktar esperjenza u għerf.—Ġob 12:12.

2. X’se nitgħallmu f’dan l-artiklu?

2 Fiż-żminijiet tal-Bibbja, Ġeħova uża rġiel kbar fl-età u leali, bħal Mosè, David, u l-appostlu Ġwanni biex jinkuraġġixxu u jmexxu lin-nies tiegħu. Dawn it-tlett irġiel m’għexux fl-istess żminijiet u kellhom sitwazzjonijiet differenti. Qabel mietu, taw pariri tajbin lil uħud iżgħar. F’dak li qalu wrew kemm hu importanti li nobdu lil Ġeħova. Illum, kemm jekk aħna kbar u kemm jekk aħna żgħar, nistgħu nitgħallmu minn dak li qalu għax Ġeħova poġġieh fil-Bibbja. (Rum. 15:4; 2 Tim. 3:16) F’dan l-artiklu se naraw l-aħħar kliem li qalu u x’nistgħu nitgħallmu minnu.

“JAGĦTIK ĦAJJA TWILA”

3. Mosè b’liema modi qeda lil Ġeħova u lill-Iżraelin?

3 Mosè uża ħajtu kollha biex jaqdi lil Ġeħova. Hu kien profeta, imħallef, mexxej, u kittieb. Hu għadda minn ħafna esperjenzi, u allura żgur li tgħallem minnhom! Pereżempju, hu ħareġ lill-Iżraelin mill-Eġittu u ra lil Ġeħova jagħmel ħafna mirakli. Ġeħova użah ukoll biex jikteb l-ewwel ħames kotba tal-Bibbja, Salm 90, u x’aktarx Salm 91. Jistaʼ jkun li Mosè kiteb ukoll il-ktieb taʼ Ġob.

4. Mosè lil min inkuraġġixxa, u għala?

4 Mosè miet meta kellu 120 sena. Imma qabel, hu kellem lill-Iżraelin kollha u fakkarhom f’dak kollu li raw lil Ġeħova jagħmel. Snin qabel, xi wħud minnhom kienu raw il-mirakli taʼ Ġeħova u kif kien iġġudika lill-Eġizzjani. (Eżo. 7:​3, 4) Pereżempju, huma raw lil Ġeħova jiftaħ il-Baħar l-Aħmar u għaddew minnu. Imbagħad rawh jeqred l-armata tal-Fargħun. (Eżo. 14:​29-31) Meta kienu fid-deżert, Ġeħova ħa ħsiebhom u pproteġiehom. (Dewt. 8:​3, 4) Issa kienu waslu biex jidħlu fl-Art Imwiegħda. Allura Mosè, qabel miet, xtaq jinkuraġġihom. a

5. Dak li qal Mosè f’​Dewteronomju 30:​19, 20 kif inkuraġġixxa lill-Iżraelin?

5 Mosè x’qalilhom? (Aqra Dewteronomju 30:​19, 20.) Hu fakkarhom li kellhom futur mill-isbaħ. Huma setgħu jgħixu fl-art li kien wegħedhom Ġeħova għal ħafna snin. Din kienet art sabiħa ħafna u tagħti ħafna frott! Mosè qalilhom x’kien fiha: “Art li fiha bliet kbar u sbieħ li ma bnejtx int, djar mimlijin b’kull ħaġa tajba li int ma ħdimtx għaliha, ġwiebi li ma ħaffirtx int, u għelieqi bid-dwieli u siġar taż-żebbuġ li ma ħawwiltx int.”—Dewt. 6:​10, 11.

6. Alla għala ħalla lil xi nazzjonijiet jieħdu lill-Iżraelin minn arthom?

6 Mosè, lill-Iżraelin tahom ukoll twissija. Hu qalilhom li biex ikunu jistgħu jibqgħu jgħixu fl-art sabiħa kellhom jibqgħu jobdu lil Ġeħova. Allura hu inkuraġġiehom biex ‘jagħżlu l-ħajja’ billi jobdu lil Ġeħova u ‘jintrabtu miegħu.’ Imma huma m’għamlux hekk. Allura Ġeħova ħalla lill-Assirjani u l-Babiloniżi jiħduhom mill-art li kienu qegħdin jgħixu fiha.—2 Slat. 17:​6-8, 13, 14; 2 Kron. 36:​15-17, 20.

7. X’nistgħu nitgħallmu minn dak li qal Mosè? (Ara l-istampa.)

7 X’nistgħu nitgħallmu? Jekk nobdu lil Ġeħova, nistgħu ngħixu għal dejjem. Bħall-Iżraelin, aħna dalwaqt nidħlu fid-dinja l-ġdida. Bħalma wegħedna Ġeħova, id-dinja se ssir ġenna. (Isa. 35:1; Luqa 23:43) Satana u d-demonji tiegħu mhux se jkunu hemm. (Riv. 20:​2, 3) U mhux se jkun hemm reliġjonijiet jgħallmu l-gideb dwar Ġeħova. (Riv. 17:16) Lanqas se jkun hemm gvernijiet li jġiegħlu n-nies ibatu. (Riv. 19:​19, 20) Ġeħova mhu se jħalli lil ħadd jaqlaʼ l-inkwiet. (Slm. 37:​10, 11) In-nies kollha se jobdu l-liġijiet kollha taʼ Ġeħova, u b’hekk se jkunu fil-paċi u magħqudin. Huma se jħobbu u jafdaw lil xulxin. (Isa. 11:9) Aħna nħarsu ’l quddiem għal dak iż-żmien! Jekk nobdu lil Ġeħova, se nkunu nistgħu ngħixu fil-Ġenna tal-art għal dejjem.—Slm. 37:29; Ġw. 3:16.

Jekk nobdu lil Ġeħova nistgħu ngħixu fil-Ġenna tal-art għal dejjem (Ara paragrafu 7)


8. Il-wegħda li ngħixu għal dejjem kif għenet lil missjunarju? (Ġuda 20, 21)

8 Jekk nibqgħu naħsbu dwar il-wegħda li ngħixu għal dejjem, se nkunu lesti li nibqgħu naqdu lil Ġeħova anki meta ngħaddu mill-problemi. (Aqra Ġuda 20, 21.) Din il-wegħda se tgħinna wkoll biex niġġieldu xewqat ħżiena. Ħu li ilu jaqdi bħala missjunarju għal ħafna snin fl-Afrika qal li spiss kien ikollu tentazzjoni biex jagħmel xi ħaġa li ma togħġobx lil Ġeħova. Hu qal: “Meta rajt li jekk ma nobdix lil Ġeħova mhux se nkun nistaʼ ngħix għal dejjem, kont determinat li naħdem iżjed fuq il-problema li kelli u nitlob lil Ġeħova ħalli jgħinni. Ġeħova għenni biex inkun nistaʼ nibqaʼ naqdih.”

“SE TIRNEXXI”

9. David minn liema sfidi għadda?

9 David kien re leali lejn Ġeħova. Imma kien ukoll mużiċist, poeta, gwerrier, u profeta. F’ħajtu għadda minn ħafna sfidi. Pereżempju, għal ħafna snin hu kellu jistaħba mir-Re Sawl għax kien qed jipprova joqtlu. Wara li David sar re, kellu jaħrab għax it-tifel tiegħu Absalom ipprova joqtlu biex isir re minfloku. Imma avolja kellu dawn il-problemi kollha u għamel xi dnubiet serji, hu baqaʼ leali lejn Ġeħova sakemm miet. Fil-fatt dwaru Ġeħova qal: “Hu raġel għal qalbi.” Mela l-pariri taʼ David huma taʼ min jagħti kashom.—Atti 13:22; 1 Slat. 15:5.

10. David għala ta pariri lit-tifel tiegħu Salamun?

10 Aħseb dwar il-pariri li qal David lit-tifel tiegħu Salamun, li kien se jkun ir-re taʼ warajh. Ġeħova kien għażel lil Salamun biex jibni t-tempju fejn in-nies kienu se jqimu lil Ġeħova. (1 Kron. 22:5) Allura kien se jkollu ħafna xogħol u kien se jkollu bżonn l-għajnuna taʼ Ġeħova biex ikun jistaʼ jmexxi n-nies. Ejja naraw kif inkuraġġieh David.

11. Skont l-​1 Slaten 2:​2, 3, David x’parir ta lil Salamun, u x’ġara meta hu obda? (Ara l-istampa.)

11 David x’qal? (Aqra l-1 Slaten 2:​2, 3.) Hu qal lil Salamun li jekk jibqaʼ jobdi lil Ġeħova, se jkun re tajjeb u Ġeħova kien se jbierku. Għal ħafna snin, Salamun hekk għamel u Ġeħova tah ħafna affarijiet u bierku. (1 Kron. 29:​23-25) Salamun bena tempju mill-isbaħ għal Ġeħova, kiteb xi kotba tal-Bibbja, u xi kittieba oħra tal-Bibbja użaw dak li qal fil-kotba li kitbu. Ħafna nies saru jafuh lil Salamun minħabba l-għerf u l-ġid li kellu. (1 Slat. 4:34) Imma bħalma kien qallu David, hu setaʼ jgawdi dan kollu jekk jibqaʼ jobdi lil Ġeħova. Iktar tard, meta kiber, Salamun beda jqim allat oħrajn. B’hekk, Ġeħova ma baqax ferħan bih u waqaf jgħinu jmexxi n-nies b’qalb tajba u ġustizzja.—1 Slat. 11:​9, 10; 12:4.

Dak li David qal lil Salamun qabel ma miet jgħinna naraw li jekk nibqgħu nobdu lil Ġeħova, hu se jtina l-għerf biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin (Ara paragrafi 11-12) b


12. X’nitgħallmu minn dak li qal David?

12 X’nistgħu nitgħallmu? Jekk nobdu lil Ġeħova, hu se jberikna u jgħinna. (Slm. 1:​1-3) Hu ma jwegħedniex li se jagħmilna sinjuri jew famużi bħalma wiegħed lil Salamun. Imma jekk nobdu se jtina l-għerf biex inkunu nistgħu nieħdu deċiżjonijiet tajbin. (Prov. 2:​6, 7; Ġak. 1:5) Il-prinċipji li nsibu fil-Bibbja jistgħu jgħinuna meta nieħdu deċiżjonijiet dwar ix-xogħol, il-flus, l-iskola, u d-divertiment. Meta nisimgħu mill-pariri taʼ Ġeħova, inkunu qegħdin nieħdu ħsieb il-ħbiberija tagħna miegħu u se nkunu nistgħu ngħixu għal dejjem. (Prov. 2:​10, 11) Se jkollna wkoll ħbieb tajbin u familja ferħana.

13. X’għen lil Carmen tieħu deċiżjonijiet tajbin?

13 Oħt jisimha Carmen mill-Mozambique ħasbet li jekk tkompli tistudja, ħajjitha se tkun aħjar. Allura hi marret l-università tistudja biex issir perit. Hi qalet: “Kont inħobbu s-suġġett, imma kien jieħu ħafna mill-ħin u l-enerġija tiegħi. L-iskola kont indum mis-sebgħa u nofs taʼ filgħodu sas-sitta taʼ filgħaxija. Allura sibtha diffiċli biex immur il-laqgħat. Il-ħbiberija tiegħi maʼ Ġeħova ma baqgħetx b’saħħitha. Imma mbagħad indunajt li ma kontx qed nismaʼ mill-pariri taʼ Ġeħova.” (Mat. 6:24) Hi ddeċidiet li titlob lil Ġeħova dwar is-sitwazzjoni tagħha u tagħmel riċerka fil-pubblikazzjonijiet tagħna. Hi tgħid: “Anki l-anzjani u ommi tawni pariri tajbin. Allura ddeċidejt li nitlaq mill-università u nibda naqdi lil Ġeħova full-time. Issa jien ferħana u nħoss li ħadt l-aqwa deċiżjoni.”

14. Mosè u David fuq xiex tkellmu?

14 Mosè u David kienu jħobbuh lil Ġeħova u kienu jafu kemm hu importanti li jobduh. Qabel mietu inkuraġġew lil oħrajn biex jimitawhom u jibqgħu leali lejn Ġeħova huma wkoll. It-tnejn qalu li dawk li ma jibqgħux leali ma setgħux jibqgħu ħbieb taʼ Ġeħova u hu ma kienx se jberikhom. Il-pariri tagħhom għadhom tajbin u jgħoddu għalina llum. Mijiet taʼ snin wara li mietu Mosè u David kien hemm qaddej leali ieħor taʼ Ġeħova li wera kemm hu importanti li nibqgħu leali.

‘L-IKTAR ĦAĠA LI TAGĦMILNI FERĦAN’

15. L-appostlu Ġwanni minn xiex għadda?

15 Ġwanni kien appostlu u ħabib kbir taʼ Ġesù Kristu. (Mat. 10:2; Ġw. 19:26) Waqt li Ġesù kien qed jipprietka, Ġwanni kien miegħu u rah jagħmel ħafna mirakli. Fi żminijiet diffiċli hu baqaʼ leali lejn Ġesù. Hu ra lil Ġesù jinqatel u rah wara li ġie rxoxtat. Ra wkoll il-kongregazzjoni tikber sakemm l-aħbar tajba “ġiet ippritkata lin-nies fid-dinja kollha.”—Kol. 1:23.

16. L-ittri taʼ Ġwanni lil min inkuraġġew?

16 Meta Ġwanni kien kbir fl-età, kellu l-privileġġ li jikteb il-ktieb tar-Rivelazzjoni. (Riv. 1:1) Hu kiteb ukoll wieħed mill-Evanġelji u t-tliet ittri taʼ Ġwanni. It-tielet ittra kienet għal Kristjan leali jismu Gaju. Għalih Gaju kien qisu t-tifel tiegħu u kien iħobbu ħafna. (3 Ġw. 1) Imma kien hemm ħafna iktar aħwa li għal Ġwanni kienu qishom it-tfal tiegħu. Dak li kiteb għadu jinkuraġġixxi d-dixxipli taʼ Ġesù sal-lum.

17. Skont it-​3 Ġwanni 4, x’se jagħmilna ferħanin?

17 Ġwanni x’kiteb? (Aqra t-3 Ġwanni 4.) Fit-tielet ittra tiegħu, hu kiteb li kien ferħan jara li l-aħwa kienu qed jobdu lil Ġeħova. Sa dak iż-żmien, xi aħwa kienu qed jgħallmu l-gideb u bdew joħolqu l-problemi fil-kongregazzjoni. Imma kien hemm Kristjani oħra li kienu “mexjin fil-verità.” Huma kienu qed jobdu lil Ġeħova u “mexjin skond il-kmandamenti tiegħu.” (2 Ġw. 4, 6) Dawn il-qaddejja leali għamlu lil Ġwanni u lil Ġeħova ferħanin.—Prov. 27:11.

18. X’nistgħu nitgħallmu mill-kliem taʼ Ġwanni?

18 X’nistgħu nitgħallmu? Jekk nibqgħu leali lejn Ġeħova, mhux biss inkunu ferħanin aħna imma anki oħrajn. (1 Ġw. 5:3) Pereżempju, bħalissa aħna ferħanin għax nafu li qed inferrħu lil Ġeħova peress li qed nipprovaw nevitaw il-ħażin u nobduh. (Prov. 23:15) Minħabba f’hekk anki l-anġli jifirħu. (Luqa 15:10) Meta naraw lil aħwa jibqgħu leali, anki meta jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli jew ikollhom it-tentazzjonijiet, aħna nkunu ferħanin. (2 Tes. 1:4) U fis-sistema l-ġdida, aħna se nkunu ferħanin għax bqajna leali lejn Ġeħova.

19. Oħt jisimha Rachel x’qalet dwar li tgħallem lil oħrajn dwar Ġeħova? (Ara l-istampa.)

19 L-iktar li nħossuna ferħanin hu meta ngħallmu lil oħrajn dwar Ġeħova. Rachel, oħt mir-Repubblika Dominicana, tħoss li hu privileġġ kbir li tgħallem lil oħrajn dwar Ġeħova. Meta taħseb dwar l-istudenti tal-Bibbja li għenet biex jibdew jaqdu lil Ġeħova, hi tgħid: “Ma nistax nispjega kemm inkun ferħana meta nibda nara lill-istudenti tiegħi jibdew iħobbu lil Ġeħova, jafdawh iktar, u jagħmlu l-bidliet biex jagħmluh ferħan. Il-ferħ li nħoss hu ħafna ikbar mis-sagrifiċċji li nkun għamilt biex ngħinhom.”

Aħna nieħdu pjaċir meta ngħallmu lil oħrajn iħobbu u jobdu lil Ġeħova (Ara paragrafu 19)


ISMAʼ MILL-PARIRI TAʼ RĠIEL LEALI

20. B’liema modi aħna simili għal Mosè, David, u Ġwanni?

20 Mosè, David, u Ġwanni għexu ħafna snin ilu u l-mod kif kienu jgħixu kien differenti minn tagħna. Imma aħna għandna ħafna affarijiet simili. Pereżempju, bħalhom aħna naqdu lil Alla l-veru, nitolbu lilu, u nistrieħu fuqu għal pariri tajbin. U bħal Mosè, David, u Ġwanni, aħna ċerti li Ġeħova jbierek lil dawk kollha li jobduh.

21. Jekk nisimgħu mill-pariri taʼ Mosè, David, u Ġwanni, Ġeħova kif se jberikna?

21 Mela kemm hu tajjeb li nisimgħu mill-pariri taʼ dawn l-irġiel kbar fl-età u nobdu lil Ġeħova. Jekk nagħmlu hekk, Ġeħova se jberikna billi jgħinna. Se nkunu nistgħu wkoll ngħixu għal dejjem. (Dewt. 30:20) U meta naraw li qed nogħġbu lil Missierna Ġeħova, se nkunu ferħanin u hu se jippremjana b’modi tal-għaġeb.—Efes. 3:20.

GĦANJA 129 Aħna se nibqgħu nissaportu

a Il-biċċa l-kbira tal-Iżraelin li raw il-mirakli taʼ fejn il-Baħar l-Aħmar mietu qabel daħlu fl-Art Imwiegħda. (Num. 14:​22, 23) Dan għax Ġeħova kien qal li l-irġiel kollha li kellhom 20 sena jew iktar kellhom imutu fid-deżert. (Num. 14:29) Imma ħafna li kellhom inqas minn 20 sena baqgħu ħajjin. Huma qasmu x-Xmara Ġordan u daħlu fl-Art Imwiegħda maʼ Ġożwè, Kaleb, u ħafna mit-tribù taʼ Levi.—Dewt. 1:​24-40.

b X’JURUNA L-ISTAMPI: Xellug: David jagħti parir lit-tifel tiegħu Salamun qabel imut. Lemin: Aħwa qed jitgħallmu dwar Ġeħova fl-Iskola tal-Pijunieri.