Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 44

Żomm it-Tama Tiegħek Soda

Żomm it-Tama Tiegħek Soda

“Ittama f’Ġeħova.”—SALM 27:14.

GĦANJA 144 Ibqaʼ ffokat fuq it-tama!

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1. Ġeħova liema tama tana?

 ĠEĦOVA tana t-tama mill-isbaħ li ngħixu għal dejjem. Xi wħud għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fis-sema bħala ħlejjaq spirti immortali. (1 Kor. 15:50, 53) Però, ħafna għandhom it-tama li jgħixu ferħanin b’ħajja perfetta għal dejjem fuq l-art. (Riv. 21:3, 4) Din it-tama hi prezzjuża għalina, sew jekk inħarsu ’l quddiem li ngħixu għal dejjem fis-sema u sew jekk fuq l-art.

2. It-tama tagħna fuqiex hi bbażata u għala nistgħu ngħidu dan?

2 Il-kelma “tama,” li tintuża fil-Bibbja, tistaʼ tfisser li “tistenna li se jiġru affarijiet tajbin.” Nistgħu nkunu ċerti li t-tama li għandna għall-futur se ssir realtà għax ġejja mingħand Ġeħova. (Rum. 15:13) Aħna nafu x’wegħedna u nafu wkoll li hu dejjem iżomm il-wegħdi tiegħu. (Num. 23:19) Aħna ċerti li Ġeħova għandu kemm ix-xewqa kif ukoll il-qawwa biex iwettaq dak kollu li qal li se jagħmel. It-tama tagħna mhix xi ħaġa li nimmaġinaw jew xi ħaġa li nixtiequ. Din hi bbażata fuq xi ħaġa li nafu li hi vera.

3. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu? (Salm 27:14)

3 Missierna tas-sema jħobbna u jridna nafdawh. (Aqra Salm 27:14.) Meta t-tama tagħna f’Ġeħova tkun b’saħħitha, aħna se nkunu nistgħu nissaportu l-provi u nibqgħu kuraġġużi u ferħanin jiġri x’jiġri. Ejja naraw kif it-tama tagħna tipproteġina. L-ewwel se naraw kif it-tama hi bħal ankra u bħal elmu. Imbagħad se niddiskutu kif nistgħu nsaħħu t-tama tagħna.

IT-TAMA TAGĦNA HI BĦAL ANKRA

4. It-tama kif hi bħal ankra? (Ebrej 6:19)

4 Fl-ittra tiegħu lill-Ebrej, l-appostlu Pawlu qabbel it-tama m’ankra. (Aqra Ebrej 6:19.) Spiss hu vvjaġġa bil-baħar, għalhekk kien jaf li l-ankra kienet tintuża biex il-vapur ma jinġarrx mal-kurrent. Darba waħda, hu kien fuq vapur u qamet maltempata kbira. Dakinhar hu ra lill-baħrin jitfgħu l-ankri fil-baħar biex il-vapur ma jidħolx ġol-blat. (Atti 27:29, 39-41) Bħalma ankra żżomm vapur, it-tama tagħna żżommna qrib Ġeħova ħalli ma nitbegħdux minnu meta jkollna l-problemi li jkunu bħal maltempata kbira. It-tama tagħna tgħinna nibqgħu kalmi meta niffaċċjaw il-problemi għax nafu li l-affarijiet se jinbidlu. Tinsiex, Ġesù qalilna li se nkunu ppersegwitati. (Ġw. 15:20) Għalhekk, meta nimmeditaw fuq dak li wegħedna Ġeħova, se jgħinna biex inkomplu naqduh.

5. It-tama kif għenet lil Ġesù meta ffaċċja l-mewt?

5 Aħseb kif it-tama għenet lil Ġesù biex jibqaʼ leali minkejja li kien jaf li kien se jgħaddi minn dik it-tbatija kollha u jmut. F’Pentekoste tas-sena 33, l-appostlu Pietru kkwota profezija mill-ktieb tas-Salmi li turi kemm Ġesù kien kalm u ċert. Hu qal: “Anki ġismi jgħammar fit-tama; għax int ma tħallix lil ruħi fil-Qabar, lanqas ma tħalli lil-leali tiegħek jara t-taħsir. . . . B’wiċċek timlieni bil-ferħ.” (Atti 2:25-28; Salm 16:8-11) Għalkemm Ġesù kien jaf li se jmut, hu kellu tama soda li Alla se jirxoxtah u li se jkun ferħan li jerġaʼ jmur ħdejn Missieru.—Ebr. 12:2, 3.

6. Ħuna Chinn x’qal dwar it-tama?

6 It-tama tagħna għenet lil ħafna minn ħutna biex jibqgħu jissaportu. Aħseb dwar l-eżempju taʼ Leonard Chinn, ħu leali li kien jgħix l-Ingilterra. Fl-Ewwel Gwerra Dinjija, hu spiċċa l-ħabs għax ma riedx jidħol fl-armata. Għal xahrejn żammewh ġo ċella waħdu u wara ġegħluh jagħmel xogħol iebes ħafna. Iktar tard hu kiteb: “Dak li għaddejt minnu għenni nara kemm għandna bżonn it-tama biex nibqgħu nissaportu. Aħna għandna l-eżempju taʼ Ġesù, l-appostli, u l-profeti kif ukoll il-wegħdi sbieħ li nsibu fil-Bibbja. Dan kollu jinkuraġġina għall-futur u jgħinna biex nibqgħu nissaportu.” It-tama kienet bħal ankra għal Leonard, u tistaʼ tkun l-istess għalina wkoll.

7. Il-provi kif isaħħu t-tama tagħna? (Rumani 5:3-5; Ġakbu 1:12)

7 It-tama tagħna ssir iktar b’saħħitha wara li nissaportu l-provi, nesperjenzaw l-għajnuna taʼ Ġeħova, u nkunu nafu li hu qed jieħu pjaċir bina. (Aqra Rumani 5:3-5; Ġakbu 1:12.) Għalhekk, issa t-tama tagħna hi b’saħħitha iktar minn meta sibna l-verità. Satana jrid li l-provi tagħna jiskuraġġuna. Imma bl-għajnuna taʼ Ġeħova, aħna nistgħu nibqgħu nissaportu l-provi b’suċċess.

IT-TAMA TAGĦNA HI BĦAL ELMU

8. It-tama kif inhi bħal elmu? (1 Tessalonikin 5:8)

8 Il-Bibbja tqabbel it-tama tagħna m’elmu. (Aqra l-1 Tessalonikin 5:8.) Suldat jilbes l-elmu biex jipproteġi rasu. Fil-ġlieda li għandna kontra Satana, irridu nipproteġu lil moħħna mill-attakki tiegħu. Hu juża ħafna modi differenti biex jittantana u jġegħelna naħsbu dwar affarijiet ħżiena. Bħalma l-elmu jipproteġi ras is-suldat, it-tama tagħna tipproteġi l-mod kif naħsbu biex nibqgħu leali lejn Ġeħova.

9. X’jiġrilhom in-nies jekk ma jkollhomx tama?

9 It-tama li ngħixu għal dejjem tgħinna nuru l-għerf u nieħdu deċiżjonijiet tajbin. Mill-banda l-oħra, jekk it-tama tagħna ma tibqax b’saħħitha u nibdew naħsbu fuq ix-xewqat tagħna, nistgħu ninsew it-tama li ngħixu għal dejjem. Aħseb xi ġralhom xi Kristjani li kienu jgħixu f’Korintu. Huma tilfu l-fidi tagħhom f’wegħda importanti t’Alla—it-tama tal-irxoxt. (1 Kor. 15:12) Pawlu kiteb li dawk li ma kinux jemmnu fl-irxoxt kienu qed jgħixu biex jagħmlu dak li xtaqu huma biss. (1 Kor. 15:32) Illum, ħafna li m’għandhomx tama fil-wegħdi t’Alla jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jipprovaw ikunu ferħanin. Imma aħna differenti għax nemmnu fil-futur li wegħedna Alla. It-tama tagħna hi bħal elmu li jipproteġi l-mod kif naħsbu u jgħinna biex ma naħsbux dwarna nfusna. Dan għax nistgħu nagħmlu ħsara l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova.—1 Kor. 15:33, 34.

10. It-tama kif tipproteġina minn ħsibijiet ħżiena?

10 It-tama tistaʼ tipproteġina wkoll biex ma naħsbux li hu għalxejn li nipprovaw nogħġbu lil Ġeħova. Pereżempju, xi wħud jistgħu jgħidu: ‘Jien qatt mhu se nkun maʼ dawk li se jgħixu għal dejjem. Jien mhux tajjeb biżżejjed. Jien qatt mhu se jirnexxili ngħix skont il-livelli t’Alla.’ Ftakar li l-ħabib falz taʼ Ġob, Elifaż, uża raġunar simili. Elifaż qal: “Jistaʼ xi ħadd ikun nadif f’għajnejn Alla?” U dwar Alla qal: “Alla lanqas biss għandu fidi fl-anġli tiegħu, u lanqas is-sema mhi nadifa f’għajnejh.” (Ġob 15:14, 15) Dan kollu gideb! Ftakar li Satana jridek taħseb hekk. Hu jaf li jekk tibda taħseb hekk, int tibda titlef it-tama li għandek. Mela taċċettax il-gideb taʼ Satana, u ffoka fuq il-wegħdi taʼ Ġeħova. Żomm f’moħħok li hu jridek tgħix għal dejjem u li se jgħinek biex tgawdi din il-ħajja.—1 Tim. 2:3, 4.

ŻOMM IT-TAMA TIEGĦEK SODA

11. Għala għandna nkunu paċenzjużi?

11 Mhux dejjem faċli biex inżommu t-tama tagħna soda. Meta nkunu qed nistennew lil Ġeħova jwettaq il-wegħdi tiegħu, nistgħu nitilfu l-paċenzja. Ġeħova ilu jeżisti minn dejjem u l-mod kif iħares lejn iż-żmien hu differenti minn tagħna. (2 Pt. 3:8, 9) Hu se jagħmel dak li wegħedna bl-aħjar mod, imma forsi mhux meta rridu aħna. Waqt li qed nistennew lil Ġeħova jwettaq il-wegħdi tiegħu, x’jistaʼ jgħinna nżommu t-tama tagħna soda?—Ġak. 5:7, 8.

12. Skont Ebrej 11:1, 6, it-tama kif għandha x’taqsam mal-fidi?

12 Aħna se nżommu t-tama tagħna soda jekk nibqgħu qrib Ġeħova, għax hu l-wieħed li se jwettaq it-tama li għandna. Fil-fatt, biex ikollna t-tama jrid ikollna l-fidi li Ġeħova jeżisti u li hu “jippremja lil dawk li jfittxuh bil-ħeġġa.” (Aqra Ebrej 11:1, 6.) Iktar ma Ġeħova jkun reali għalina, iktar se nkunu ċerti li hu se jwettaq il-wegħdi tiegħu. Ejja naraw xi modi kif insaħħu l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova u nżommu t-tama b’saħħitha.

It-talb u l-meditazzjoni jgħinuna biex inżommu t-tama tagħna soda (Ara paragrafi 13-15) b

13. Kif nistgħu nersqu qrib t’Alla?

13 Itlob lil Ġeħova u aqra l-Bibbja. Minkejja li ma narawx lil Ġeħova, xorta nistgħu nersqu qrib tiegħu. Nistgħu nitkellmu miegħu fit-talb u nkunu ċerti li se jismagħna. (Ġer. 29:11, 12) Nistgħu nisimgħu lil Alla billi naqraw il-Kelma tiegħu u nimmeditaw fuqha. Meta naqraw dwar kif Ġeħova ħa ħsieb il-qaddejja tiegħu fil-passat, it-tama tagħna se tkompli tissaħħaħ. Kulma nkiteb fil-Kelma t’Alla “nkiteb għall-istruzzjoni tagħna, biex permezz tas-sabar tagħna u permezz tal-faraġ mill-Iskrittura jkollna t-tama.”—Rum. 15:4.

14. Għala għandna naħsbu dwar dak li Ġeħova għamel għal oħrajn?

14 Immedita fuq kif Ġeħova żamm il-wegħdi tiegħu. Aħseb dwar dak li Alla għamel għal Abraham u Sara. Huma kienu xjaħu u allura ma setax ikollhom tfal. Imma Alla wegħedhom li kien se jkollhom tarbija. (Ġen. 18:10) Abraham x’għamel? Hu “kellu fidi bbażata fuq it-tama li jsir missier taʼ ħafna ġnus.” (Rum. 4:18) Għalkemm Abraham ma kienx jaf kif il-wegħda t’Alla setgħet titwettaq, hu kien ċert li Ġeħova kien se jwettaq il-wegħda tiegħu. Dan ir-raġel leali ma kienx iddiżappuntat. (Rum. 4:19-21) Rakkonti bħal dawn jgħallmuna li Ġeħova dejjem se jwettaq il-wegħdi tiegħu, anki jekk għalina jidhru impossibbli.

15. Għala għandna naħsbu dwar dak li Alla għamel għalina?

15 Aħseb dwar dak li Ġeħova għamel għalik. Aħseb kif int diġà bbenefikajt mit-twettiq tal-wegħdi li hemm fil-Bibbja. Pereżempju, Ġesù wegħedna li Missieru se jipprovdilna l-affarijiet li jkollna bżonn biex ngħixu. (Mt. 6:32, 33) Ġesù wiegħdek ukoll li meta titlob lil Ġeħova għall-ispirtu qaddis hu se jagħtihulek. (Lq. 11:13) Ġeħova żamm dawn il-wegħdi. X’aktarx tistaʼ taħseb dwar wegħdi oħrajn li hu żamm miegħek. Pereżempju, hu wiegħdek li se jaħfirlek, jinkuraġġik, u jagħtik dak li għandek bżonn biex tibqaʼ qrib tiegħu. (Mt. 6:14; 24:45; 2 Kor. 1:3) Meta timmedita fuq dak li Ġeħova diġà għamel għalik, int se ssaħħaħ it-tama tiegħek fuq dak li se jagħmel għalik fil-futur.

IFRAĦ BIT-TAMA

16. It-tama għala hi rigal prezzjuż?

16 It-tama li ngħixu ħajja taʼ dejjem hi rigal prezzjuż mingħand Alla. Aħna nħarsu ’l quddiem għal futur mill-isbaħ, u ċerti li dan se jiġri. It-tama hi bħal ankra, li tgħinna nissaportu l-provi, niffaċċjaw il-persekuzzjoni, u anki l-mewt. Hi wkoll bħal elmu, li jipproteġi lil moħħna biex ma naħsbux dwar affarijiet ħżiena, u nagħmlu dak li hu tajjeb. Din it-tama li nsibu fil-Bibbja tgħinna biex insiru nafu lil Alla aħjar u turina kemm iħobbna. Jekk inżommu din it-tama soda, aħna se nibbenefikaw ħafna.

17. It-tama tagħna għala twassal għall-ferħ?

17 Fl-ittra tiegħu lir-Rumani, l-appostlu Pawlu inkuraġġiehom: “Thennew bit-tama.” (Rum. 12:12) Pawlu setaʼ jkun ferħan għax hu kien ċert li jekk jibqaʼ leali, hu setaʼ jkollu l-ħajja taʼ dejjem fis-sema. Aħna wkoll nistgħu nifirħu bit-tama li għandna għax ċerti li Ġeħova se jżomm il-wegħdi tiegħu. Bħalma kiteb is-salmista, “ferħan hu dak . . . li jittama f’Ġeħova l-Alla tiegħu. . . . Hu dejjem leali.”—Salm 146:5, 6.

GĦANJA 139 Immaġinak meta kollox ikun ġdid

a Ġeħova tana tama mill-isbaħ għall-futur. Din it-tama tagħtina l-kuraġġ u tgħinna biex ma niffokawx fuq il-problemi li għandna bħalissa. Din tagħtina s-saħħa biex inkomplu naqdu lil Ġeħova minkejja l-provi li niffaċċjaw. U tistaʼ tgħinna biex nipproteġu lil moħħna u nevitaw ħsibijiet ħżiena. Kif se nitgħallmu f’dan l-artiklu, dawn huma kollha raġunijiet tajbin għala għandna nżommu t-tama tagħna soda.

b X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Bħalma elmu jipproteġi ras is-suldat u ankra żżomm vapur, it-tama tagħna tipproteġi lil moħħna u tgħinna matul il-provi. Oħt titlob lil Ġeħova għax konvinta li se jismagħha. Ħu jimmedita dwar kif Alla żamm il-wegħdi tiegħu m’Abraham. Ħu ieħor qed jaħseb dwar il-barkiet li tah Ġeħova.