Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ritratt tal-platform u tat-tabella

1922—Mitt Sena Ilu

1922—Mitt Sena Ilu

‘ALLA jagħtina r-rebħa permezz taʼ Ġesù Kristu.’ (1 Kor. 15:57) Din kienet l-iskrittura għas-sena 1922, u fakkret lill-Istudenti tal-Bibbja li jekk jibqgħu leali, Ġeħova se jberikhom. U dik is-sena Ġeħova hekk għamel. Hu berikhom meta bdew jipprintjaw u jagħmlu l-kotba, u jużaw ir-radju biex jippritkaw l-aħbar tajba. Iżjed tard dik is-sena deher ċar li Ġeħova kompla jbierek in-nies tiegħu. L-Istudenti tal-Bibbja kellhom konvenzjoni importanti f’Cedar Point, Ohio, l-Istati Uniti. Dak li ġara f’din il-konvenzjoni għadu jeffettwa x-xogħol tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova sal-lum.

“IDEA EĊĊITANTI”

Meta kien hemm iktar aħwa jippritkaw, kellhom bżonn iżjed letteratura. L-aħwa fil-Betel taʼ Brooklyn kienu jagħmlu r-rivisti imma kellhom jużaw kumpanija oħra biex jagħmlu l-kotba. Imma għal xi xhur il-kumpanija ma pprintjatx biżżejjed kotba biex jużawhom fil-ministeru. Allura Ħuna Rutherford saqsa lil Robert Martin, il-ħu li kien jieħu ħsieb il-fabbrika f’Betel, jekk jistgħux jipprintjaw il-kotba huma.

Il-fabbrika f’Concord Street, Brooklyn, New York

Ħuna Martin jiftakar: “Kienet idea eċċitanti ħafna, għax kien ifisser li se niftħu fabbrika biex nagħmlu l-kotba.” L-aħwa krew binja f’18 Concord Street fi Brooklyn u ġabu l-magni li kellhom bżonn.

Imma mhux kulħadd kien ferħan li l-aħwa ħa jibdew jipprintjaw il-kotba. Sid il-kumpanija li kienet tagħmlilna l-kotba mar jara l-fabbrika l-ġdida. Hu qal: “Għandkom l-aqwa magni biex tipprintjaw il-kotba imma ħadd minnkom ma jaf jużahom. Sa sitt xhur oħra se tkunu kissirtuhom kollha.”

Ħuna Martin qal: “Dak li qal sid il-kumpanija forsi kien jidher li jagħmel sens, imma aħna konna nafu li Ġeħova se jgħinna. U hekk għamel.” Ħuna Martin kellu raġun. Ftit wara, fil-fabbrika kienu qed jagħmlu 2,000 ktieb kuljum.

Irġiel ħdejn il-magni fil-fabbrika

NIPPRITKAW LIL ELUF BIR-RADJU

Iżjed minn hekk, in-nies taʼ Ġeħova bdew jużaw ir-radju biex jippritkaw l-aħbar tajba. L-ewwel darba li Ħuna Rutherford tkellem fuq ir-radju kien fis-26 taʼ Frar 1922. Hu ta t-taħdita “Millions Now Living Will Never Die” fuq l-istazzjon KOG f’Los Angeles, Kalifornja, l-Istati Uniti.

Madwar 25,000 persuna semgħu t-taħdita. Xi wħud minnhom bagħtu ittra biex jirringrazzjaw lil Ħuna Rutherford. Wieħed minnhom kien Willard Ashford, minn Santa Ana, Kalifornja. Hu rringrazzja lil Ħuna Rutherford għat-taħdita interessanti tiegħu. Imbagħad kompla jgħid: “Id-dar hawn tlieta min-nies morda li ma jistgħux joħorġu. Kieku ma tajtx it-taħdita fuq ir-radju ma konniex nistgħu niġu nisimgħuk, anki kieku ġejt viċin tad-dar tagħna.”

Fil-ġimgħat taʼ wara kien hemm iżjed taħditiet fuq ir-radju. It-Torri tal-Għassa qal li sal-aħħar taʼ dik is-sena madwar 300,000 persuna semgħu l-aħbar tajba fuq ir-radju.

L-aħwa kienu inkuraġġiti bl-ittri u l-kummenti li rċivew. Allura ddeċidew li jibnu stazzjon tar-radju f’binja fi Staten Island, ftit ’il bogħod mill-Betel taʼ Brooklyn. Fis-snin taʼ wara, l-Istudenti tal-Bibbja bdew jużaw dan l-istazzjon, id-WBBR, biex jippritkaw lil ħafna nies f’postijiet differenti.

“ADV”

Fil-15 taʼ Ġunju 1922, It-Torri tal-Għassa qal li se jkun hemm konvenzjoni f’Cedar Point, Ohio, mill-5 sat-13 taʼ Settembru 1922. L-Istudenti tal-Bibbja kienu eċitati ħafna meta waslu Cedar Point.

Fl-ewwel taħdita tiegħu, Ħuna Rutherford qal: “Jien ċert li l-Mulej se jbierek din il-konvenzjoni u se jagħmel ċert li tingħata xhieda li bħalha qatt ma ngħatat.” Il-kelliema kollha fil-konvenzjoni inkuraġġew l-aħwa biex jippritkaw.

L-aħwa fil-konvenzjoni fl-1922 f’Cedar Point, Ohio

Il-Ġimgħa, 8 taʼ Settembru, madwar 8,000 persuna kienu eċċitati biex jisimgħu t-taħdita taʼ Ħuna Rutherford. Huma kienu qed iħarsu ’l quddiem biex jisimgħuh jispjega xi tfisser “ADV,” li kellhom fuq l-invit. Meta poġġew bilqiegħda, indunaw li fuq il-platform kien hemm romblu tal-kanvas kbir. Arthur Claus kien ivvjaġġa minn Tulsa, Oklahoma, l-Istati Uniti, biex jattendi l-konvenzjoni. Hu sab post tajjeb ħafna minn fejn jismaʼ t-taħditiet. Din kienet xi ħaġa diffiċli għax dak iż-żmien ma kinux jużaw microphones jew speakers.

“Konna attenti għal kull kelma li qed jgħid”

Iċ-chairman qal li biex ma jkunx hemm xi jtellef waqt it-taħdita taʼ Ħuna Rutherford, min jiġi tard ma kienx se jitħalla jidħol fis-sala. Fid–9:30 a.m., Ħuna Rutherford beda t-taħdita bil-kliem taʼ Ġesù f’​Mattew 4:17: “Is-Saltna t’Alla hi qrib.” Meta tkellem dwar b’liema modi n-nies se jisimgħu dwar is-Saltna, hu qal: “Ġesù stess qal li meta jiġi, se jagħżel lin-nies tiegħu. F’dak iż-żmien se jiġbor lil dawk li huma leali lejh.”

Ħuna Claus, li kien bilqiegħda fis-sala, jiftakar: “Konna attenti għal kull kelma li qed jgħid.” Imma f’daqqa waħda beda jħossu ma jiflaħx u kellu joħroġ mis-sala. Arthur ma xtaqx joħroġ għax kien jaf li mhux se jħalluh jerġaʼ jidħol imma hekk kellu jagħmel.

Ftit minuti wara beda jħossu aħjar. Hu qal li waqt li kien miexi lejn is-sala semaʼ ħafna ċapċip. Dak il-ħin ħassu eċitat! Ħuna Claus kien determinat li anki jekk ikollu jitlaʼ fuq il-bejt biex ikompli jismaʼ t-taħdita, ukoll jitlaʼ. Dak iż-żmien kellu 23 sena u rnexxielu jitlaʼ fuq il-bejt. It-twieqi tas-saqaf kienu miftuħin u xħin wasal viċin tagħhom setaʼ jismaʼ t-taħdita sew.

Imma Arthur ma kienx waħdu. Fuq il-bejt kien hemm xi ħbieb tiegħu. Wieħed minnhom, Frank Johnson, saqsieh, “Għandek xi mus jaqtaʼ?”

Arthur qallu, “Iva, għandi.”

Frank qallu: “Bdejna nitolbu li nsibu lil xi ħadd li għandu mus. Qed tarah dak ir-romblu tal-kanvas? Dak tabella marbuta mal-imsiemer. Oqgħod attent għal dak li qed jgħid l-Imħallef. a Meta jgħid, ‘għandkom tippritkaw, tippritkaw,’ aqtaʼ l-erbaʼ ħbula.”

Allura Arthur, bil-mus f’idejh beda jistenna mal-oħrajn għas-sinjal taʼ Ħuna Rutherford. Ftit wara, Ħuna Rutherford wasal fl-iktar parti importanti tat-taħdita. Hu kien eċitat u kważi beda jgħajjat meta qal: “Kunu xhieda leali tal-Mulej. Ibqgħu ġġieldu sakemm ir-reliġjon falza tkun inqerdet għalkollox. Ippritkaw lil kulħadd. Id-dinja għandha tkun taf li Ġeħova hu Alla u Ġesù Kristu hu Sultan tas-slaten u Sid tas-sidien. Dan hu l-iktar żmien importanti li qatt kien hawn. Araw! Is-Sultan qed imexxi. Għalhekk, ippritkaw, ippritkaw, ippritkaw dwar is-Sultan u s-Saltna tiegħu!”

Arthur jiftakar li hu u l-aħwa li kienu miegħu qatgħu l-ħbula u t-tabella niżlet. It-tabella kellha fuqha “Advertise the King and Kingdom,” li tfisser ippritkaw dwar is-Sultan u s-Saltna. Din kienet taqbel mal-ittri “ADV” li kellhom fuq l-invit.

XOGĦOL IMPORTANTI

Il-konvenzjoni f’Cedar Point għenet lill-aħwa jiffokaw fuq ix-xogħol importanti tal-ippritkar dwar is-Saltna. U dawk li kienu lesti jagħmlu dan ix-xogħol kienu ferħanin li setgħu jippritkaw. Pijunier minn Oklahoma, l-Istati Uniti, kiteb, “Ippritkajna f’parti fejn ħafna nies kienu jaħdmu fil-minjieri tal-faħam u kienu foqra ħafna.” Hu qal ukoll li spiss meta n-nies kienu jisimgħu l-messaġġ tar-rivista Golden Age, kienu jibdew jibku. Hu qal, “Aħna ferħanin ħafna għax nistgħu ninkuraġġuhom.”

Dawn l-Istudenti tal-Bibbja kienu jafu kemm hu importanti l-kliem taʼ Ġesù li nsibu f’​Luqa 10:2: “Il-ħsad hu kbir, imma l-ħaddiema ftit.” Hekk kif spiċċat is-sena, huma kienu iktar determinati biex jippritkaw il-messaġġ tas-Saltna ma’ kullimkien.

a Ħuna Rutherford kienu jgħidulu “l-Imħallef” għax kultant kien jaħdem bħala mħallef speċjali f’Missouri, l-Istati Uniti.