Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Aħna Għala Ma Niġġildux fil-Gwerer Bħalma Għamlu l-Iżraelin?

Aħna Għala Ma Niġġildux fil-Gwerer Bħalma Għamlu l-Iżraelin?

“JEKK xi ħadd minnkom ma jkunx irid jiġġieled kontra Franza jew l-Ingilterra kollha se tmutu!” għajjat uffiċjal tan-Nazi lil grupp taʼ Xhieda taʼ Ġeħova waqt it-Tieni Gwerra Dinjija. Ħdejhom kien hemm is-suldati jistennew, imma ħadd mill-aħwa m’aċċetta li jikser il-liġijiet taʼ Ġeħova. Kemm kienu kuraġġużi! Dan hu eżempju tajjeb taʼ x’jaħsbu x-Xhieda taʼ Ġeħova dwar il-gwerer. Aħna ma naċċettawx li niġġieldu fil-gwerer, anki meta jhedduna li ħa joqtluna. Aħna ma nieħdu sehem fl-ebda kwistjoni tad-dinja.

Imma mhux kull min jgħid li hu Kristjan jaqbel magħna. Ħafna jemmnu li l-Kristjani jistgħu u għandhom jiddefendu l-pajjiż tagħhom. Forsi jgħidu, ‘L-Iżraelin kienu n-nies t’Alla u ġġieldu fil-gwerer, allura l-Kristjani llum għala le?’ Kieku int kif twieġeb? Tistaʼ tispjega li żmien l-Iżraelin hu differenti ħafna minn żmienna. Ejja naraw ħames raġunijiet differenti.

1. IN-NIES T’ALLA KIENU NAZZJON WIEĦED

Fil-passat, Ġeħova għażel lill-Iżraelin biex ikunu n-nies tiegħu. Hu qal li l-Iżraelin kienu ‘l-poplu speċjali tiegħu mill-popli kollha.’ (Eżo. 19:5) Alla tahom ukoll l-art fejn jgħixu. Mela, meta Alla kkmanda l-Iżraelin biex jiġġieldu kontra nazzjonijiet oħrajn, huma ma kinux qed jiġġieldu jew joqtlu l-qaddejja tiegħu. a

Illum, il-qaddejja taʼ Ġeħova jiġu “minn kull ġens u tribù u poplu u lsien.” (Riv. 7:9) Jekk in-nies t’Alla jmorru jiġġieldu fil-gwerer jistaʼ jkun li jiġġieldu, jew anki joqtlu, qaddejja tiegħu oħrajn.

2. ĠEĦOVA KKMANDA L-IŻRAELIN BIEX IMORRU JIĠĠIELDU

Fil-passat, Ġeħova kien jiddeċiedi meta u għala l-Iżraelin imorru jiġġieldu fil-gwerer. Pereżempju, meta Alla ġġudika lill-Kangħanin talli kienu jqimu lid-demonji, jagħmlu l-immoralità sesswali, u joffru t-tfal bħala sagrifiċċji, hu qal lill-Iżraelin biex jiġġieldu f’ismu. Ġeħova kkmanda l-Iżraelin biex jeqirdu lil dawn in-nies ħżiena mill-Art Imwiegħda ħalli ma jiġux influwenzati minnhom. (Lev. 18:24, 25) Wara li l-Iżraelin bdew jgħixu fl-Art Imwiegħda, Alla aċċetta li jiġġieldu l-gwerer biex jiddefendu l-pajjiż mill-għedewwa. (2 Sam. 5:17-25) Imma Ġeħova qatt ma ħalla l-Iżraelin jagħżlu huma meta jmorru jiġġieldu. Meta għamlu hekk, ħafna drabi spiċċaw ħażin.—Num. 14:41-45; 2 Kron. 35:20-24.

Illum, Ġeħova ma jgħidx lin-nies biex imorru jiġġieldu. In-nies jiġġieldu minħabba dak li jridu huma u mhux dak li jrid Alla. Huma jibdew il-gwerer għax iridu iżjed art, biex jagħmlu iktar flus, u minħabba l-politika. Imma xi ngħidu għan-nies li jgħidu li qed jiġġieldu f’isem Alla biex jipproteġu r-reliġjon tagħhom jew joqtlu l-għedewwa t’Alla? Fil-futur, Ġeħova se jipproteġi lill-qaddejja veri tiegħu u jeqred l-għedewwa fil-gwerra t’Armageddon. (Riv. 16:14, 16) F’dik il-gwerra, l-armata t’Alla se jkun fiha l-ħlejjaq spirti biss u mhux il-qaddejja tiegħu.—Riv. 19:11-15.

3. L-IŻRAELIN MA QATLUX NIES LI KELLHOM IL-FIDI F’ĠEĦOVA

Il-gwerer tal-lum isalvaw lil dawk li huma leali, l-istess bħalma l-gwerra taʼ Ġeħova kontra Ġeriko salvat lil Raħab u l-familja tagħha?

Fil-passat, l-Iżraelin spiss urew qalb tajba ma’ nies li kellhom fidi f’Alla, u qatlu biss lil dawk li Ġeħova ddeċieda li għandhom imutu. Ara dawn iż-żewġ eżempji. Avolja Ġeħova kkmanda l-Iżraelin biex jeqirdu lil Ġeriko, huma ħelsu lil Raħab u l-familja tagħha għax kellhom il-fidi. (Ġoż. 2:9-16; 6:16, 17) Iktar tard, l-Iżraelin ħelsu l-belt taʼ Gibegħon għax in-nies li kienu joqogħdu fiha wrew rispett lejn Alla.—Ġoż. 9:3-9, 17-19.

Illum, is-suldati ma jiddejqux joqtlu nies li għandhom il-fidi jew nies li mhumiex fl-armata.

4. L-IŻRAELIN KELLHOM JOBDU L-LIĠIJIET T’ALLA GĦALL-GWERER

Fil-passat, Ġeħova ġiegħel lis-suldati Iżraelin biex jobdu l-istruzzjonijiet tiegħu meta jiġġieldu. Pereżempju, kultant Alla qalilhom biex jagħmlu “ftehim taʼ paċi” mal-għedewwa tagħhom. (Dt. 20:10) Ġeħova stenna wkoll li s-suldati Iżraelin jibqgħu nodfa fiżikament u jobdu l-livelli morali tiegħu. (Dt. 23:9-14) Is-suldati tan-nazzjonijiet l-oħra spiss kienu jabbużaw min-nisa li kienu jgħixu fil-bliet li jirbħu. Imma Ġeħova ma ħalliex l-Iżraelin jagħmlu hekk. Fil-fatt huma ma setgħux jiżżewġu mara mill-belt li jkunu rebħu qabel ma jkun għadda xahar.—Dt. 21:10-13.

Illum, ħafna pajjiżi jaqblu li għandhom jobdu ċertu regoli meta jiġġieldu fil-gwerer. Dawn il-liġijiet qegħdin biex jipproteġu n-nies li ma jkunux suldati, imma ħafna drabi n-nazzjonijiet xorta jiksruhom.

5. ALLA ĠĠIELED GĦAN-NIES TIEGĦU

Illum Alla jiġġieled għal xi nazzjon bħalma għamel għall-Iżraelin f’Ġeriko?

Fil-passat, Ġeħova ġġieled għall-Iżraelin u ħafna drabi għamel il-mirakli biex ikunu jistgħu jirbħu. Pereżempju, Ġeħova kif għen l-Iżraelin jirbħu l-belt taʼ Ġeriko? Wara li l-Iżraelin obdew id-direzzjoni taʼ Ġeħova u “għajtu għajta kbira tal-gwerra, is-sur waqaʼ.” Dan għamilha iktar faċli għalihom biex jirbħu l-belt. (Ġoż. 6:20) U kif rebħu gwerra kontra l-Amurrin? “Ġeħova tefaʼ mis-sema silġ kbir fuqhom . . . Infatti, mietu iktar bis-silġ milli bix-xabla tal-Iżraelin.”—Ġoż. 10:6-11.

Illum, Ġeħova ma jiġġieled għall-ebda nazzjon. Is-Saltna tiegħu, b’Ġesù bħala r-Re, “mhix parti minn din id-dinja.” (Ġw. 18:36) Mill-banda l-oħra, Satana għandu l-awtorità fuq il-gvernijiet kollha. Il-gwerer li qed isiru mad-dinja juru kemm hu kattiv.—Lq. 4:5, 6; 1 Ġw. 5:19.

IL-KRISTJANI VERI JIPPROVAW IŻOMMU L-PAĊI

Bħalma rajna, is-sitwazzjoni tagħna hi differenti ħafna minn tal-Iżraelin. Imma hemm raġunijiet oħra għala ma mmorrux niġġieldu fil-gwerer. Pereżempju, Alla qal li fl-aħħar jiem, dawk li jitgħallmu minnu “ma jitħarrġux iktar għall-gwerra.” Mela ovvjament mhux se jieħdu sehem fiha. (Is. 2:2-4) U Kristu qal li d-dixxipli tiegħu mhux se jkunu “parti mid-dinja,” huma mhu se jieħdu sehem fl-ebda kwistjoni tad-dinja.—Ġw. 15:19.

Ġesù inkuraġġixxa d-dixxipli tiegħu biex jagħmlu iktar minn hekk. Hu għallimhom biex ma jkollhomx attitudni li twassal għal mibegħda, rabja, u gwerer. (Mt. 5:21, 22) Hu qalilhom ukoll biex iżommu l-paċi u jħobbu lill-għedewwa tagħhom.—Mt. 5:9, 44.

Aħna kif nistgħu nagħmlu dan? Wisq probabbli ma nixtiqux li niġġieldu fi gwerer, imma ġieli nħossu li xi ħadd fil-kongregazzjoni hu l-għadu tagħna? Ejja nkomplu naħdmu iebes biex qatt ma nħossuna b’dan il-mod.—Ġak. 4:1, 11.

Aħna ma niħdux sehem fil-gwerer tad-dinja. Minflok naħdmu iebes biex bejnietna jkollna l-paċi u l-imħabba. (Ġw. 13:34, 35) Jalla nkunu determinati li nibqgħu newtrali waqt li nħarsu ’l quddiem għal meta Ġeħova se jneħħi l-gwerer kollha għal dejjem.—Salm 46:9.

a Kultant, xi tribujiet Iżraelin iġġieldu kontra xulxin. Imma Ġeħova ma kienx jieħu pjaċir bil-gwerer taʼ bejniethom. (1 Slat. 12:24) Imma ġieli aċċetta gwerer bħal dawn. Dan għax ċertu tribujiet ma baqgħux leali lejh jew għamlu dnubiet serji.—Mħ. 20:3-35; 2 Kron. 13:3-18; 25:14-22; 28:1-8.