Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 42

Dawk li Jibqgħu Leali Lejn Ġeħova Jkunu Ferħanin

Dawk li Jibqgħu Leali Lejn Ġeħova Jkunu Ferħanin

“Ferħanin huma dawk leali, [jew bla ħtija] u li jobdu l-liġi taʼ Ġeħova.”—SALM 119:1, ntt.

GĦANJA 124 Dejjem leali

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

Xi wħud mill-aħwa kuraġġużi li kienu jew għadhom fil-ħabs minħabba li baqgħu leali lejn Ġeħova bħala mexxej (Ara paragrafi 1-2)

1-2. (a) Xi gvernijiet x’għamlulhom lix-Xhieda taʼ Ġeħova, imma dawn l-aħwa kif aġixxew? (b) Għala nistgħu nkunu ferħanin anki meta niġu ppersegwitati? (Ikkummenta fuq l-istampa tal-qoxra.)

 BĦALISSA, f’iktar minn 30 pajjiż hemm xi restrizzjonijiet fuq ix-xogħol tagħna jew ma jistax isir. F’xi pajjiżi minnhom, l-awtoritajiet tefgħu fil-ħabs lill-aħwa. X’għamlu ħażin? Ġeħova jaf li m’għamlu xejn ħażin. Kulma għamlu hu li studjaw il-Bibbja, tkellmu m’oħrajn dwar dak li jemmnu, u attendew il-laqgħat mal-aħwa. Huma ma ħadux sehem ukoll f’kwistjonijiet politiċi tad-dinja. Minkejja oppożizzjoni kbira, dawn il-qaddejja t’Alla baqgħu leali jew bla ħtija, b jiġifieri baqgħu jaqdu lil Ġeħova b’qalb sħiħa. Dan jagħmilhom ferħanin!

2 X’aktarx, int rajt ritratti taʼ xi wħud minn dawn l-aħwa kuraġġużi u rajthom jitbissmu. Huma ferħanin għax jafu li Ġeħova kuntent bihom għax qed jibqgħu leali lejh. (1 Kron. 29:17a) Ġesù qal: “Ferħanin huma dawk li qed jiġu ppersegwitati minħabba li qed jagħmlu t-tajjeb . . . Ifirħu ħafna, għax Alla se jberikkom bil-kbir.”—Mt. 5:10-12.

EŻEMPJU GĦALINA

Pietru u Ġwanni huma t’eżempju għall-Kristjani li jitilgħu l-qorti biex jiddefendu l-fidi tagħhom (Ara paragrafi 3-4)

3. Skont Atti 4:19, 20, l-appostli x’għamlu meta kienu ppersegwitati, u għala?

3 Dak li qed jgħaddu minnu l-aħwa hu simili għal dak li għaddew minnu l-appostli taʼ Ġesù meta kienu ppersegwitati minħabba li ppritkaw dwaru. Għal darba wara l-oħra, l-imħallfin fil-qorti superjuri Lhudija “ordnawlhom biex imkien ma jitkellmu jew jgħallmu f’isem Ġesù.” (Atti 4:18; 5:27, 28, 40) L-appostli x’għamlu? (Aqra Atti 4:19, 20.) Huma kienu jafu li xi ħadd li kellu iktar awtorità ‘kkmandahom biex jippritkaw lin-nies u jagħtu xhieda tajba’ dwar il-Kristu. (Atti 10:42) Allura, Pietru u Ġwanni bil-kuraġġ qalu li huma se jobdu lil Alla u mhux lilhom, u qalu li se jibqgħu jippritkaw dwar Ġesù. Kien bħallikieku kienu qed jgħidu lill-imħallfin, ‘Taħsbu li intom għandkom awtorità iktar minn Alla?’

4. Skont Atti 5:27-29, l-appostli x’għamlu, u aħna kif nistgħu nimitawhom?

4 L-appostli ħallew eżempju tajjeb u l-Kristjani veri jimitawhom. Huma kienu determinati li ‘jobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-bnedmin.’ (Aqra Atti 5:27-29.) Wara li ġew imsawtin minħabba li baqgħu leali, huma telqu mill-qorti superjuri Lhudija ‘ferħanin għax kienu tqiesu denji li jiġu diżonorati minħabba Ġesù,’ u baqgħu jippritkaw!—Atti 5:40-42.

5. Liema mistoqsijiet għandna nwieġbu?

5 L-eżempju tal-appostli jqajjem xi mistoqsijiet. Pereżempju, l-appostli kif setgħu jobdu lil Alla u mhux lin-nies, u fl-istess ħin jobdu l-kmand mill-Bibbja biex ‘ikunu sottomessi lejn l-awtoritajiet superjuri’? (Rum. 13:1) Illum kif nistgħu ‘nobdu lill-gvernijiet u l-awtoritajiet’ kif qal l-appostlu Pawlu, u nibqgħu leali lejn Alla li hu l-ogħla Mexxej?—Titu 3:1.

“L-AWTORITAJIET SUPERJURI”

6. (a) Min huma “l-awtoritajiet superjuri” li jissemmew f’​Rumani 13:1, u aħna kif għandna nittrattawhom? (b) X’nafu dwar l-awtorità li għandhom il-gvernijiet?

6 Aqra Rumani 13:1. F’dan il-vers, l-espressjoni “awtoritajiet superjuri” tirreferi għan-nies li għandhom il-poter. Il-Kristjani għandhom jobdu lil dawn il-gvernijiet. Dawn il-mexxejja jżommu l-paċi, jagħmlu ċert li n-nies jobdu l-liġijiet, u xi kultant anki jipproteġu lix-Xhieda taʼ Ġeħova. (Riv. 12:16) Allura, aħna għandna nħallsu t-taxxi, u ntuhom ir-rispett u l-unur li jixirqilhom. (Rum. 13:7) Minkejja dan, dawn il-gvernijiet għandhom il-poter biss għax irid Ġeħova. Ġesù qal dan b’mod ċar meta kien interrogat mill-Gvernatur Ruman Ponzju Pilatu. Meta Pilatu qal li hu jistaʼ jiddeċiedi jekk isalvax lil Ġesù jew jagħtihx is-sentenza tal-mewt, Ġesù qallu: “Ma kien ikollok l-ebda awtorità fuqi kieku ma ngħatatlekx minn fuq.” (Ġw. 19:11) L-awtorità tal-gvernijiet u l-politikanti tal-lum hi limitata, bħalma kienet limitata l-awtorità taʼ Pilatu.

7. Meta m’għandniex nobdu l-gvernijiet, u huma x’għandhom ikunu jafu?

7 Il-Kristjani llum iridu jobdu l-liġijiet tal-gvernijiet sakemm ma jmorrux kontra l-liġijiet taʼ Ġeħova. Aħna ma nobdux lil dawn il-mexxejja meta jgħidulna biex nagħmlu xi ħaġa li ma jridx Alla u meta ma jħalluniex nagħmlu xi ħaġa li jrid hu. Pereżempju, huma forsi jkunu jridu lill-irġiel żgħażagħ biex jużaw l-armi u jiġġieldu. c Jew ma jħalluniex nużaw il-Bibbja, il-pubblikazzjonijiet tagħna, nippritkaw, u niltaqgħu flimkien biex inqimu lil Ġeħova. Meta l-mexxejja jużaw l-awtorità tagħhom b’mod ħażin, bħal meta jippersegwitaw id-dixxipli taʼ Kristu, se jkollhom jagħtu kont lil Alla. Ġeħova qed jara kollox!—Ekk. 5:8.

8. X’inhi d-differenza bejn “superjuri” u “suprem,” u għala hu importanti li nkunu nafuha?

8 Il-kelma “superjuri” tfisser “aħjar, aqwa, u taʼ livell ogħla.” Imma ma tfissirx “l-aħjar, l-aqwa, u l-ogħla livell.” Dawn jiddeskrivu kelma oħra, “suprem.” Veru li l-gvernijiet jissejħu “l-awtoritajiet superjuri,” imma hemm awtorità oħra li għandha l-ogħla livell, jiġifieri suprema. Fil-Bibbja, Alla Ġeħova erbaʼ darbiet jissejjaħ “is-Suprem.”—Dan. 7:18, 22, 25, 27.

“IS-SUPREM”

9. Danjel x’ra fil-viżjonijiet?

9 Il-profeta Danjel ra viżjonijiet li wrew b’mod ċar li Ġeħova għandu iżjed awtorità mill-awtoritajiet l-oħra kollha. L-ewwel, Danjel ra erbaʼ bhejjem salvaġġi li jirrappreżentaw il-qawwiet dinjin li kienu jmexxu qabel, li huma Babilonja, il-Medo-Persja, il-Greċja, u Ruma. Hu ra wkoll il-qawwa dinjija Anglo-Amerikana li tmexxi llum. (Dan. 7:1-3, 17) Imbagħad Danjel ra lil Alla Ġeħova bilqiegħda fuq tron f’qorti fis-sema. (Dan. 7:9, 10) Il-mexxejja tal-lum għandhom joqogħdu attenti għal dak li l-profeta leali ra wara.

10. Skont Danjel 7:13, 14, 27, Ġeħova lil min se jagħti l-poter, u dan x’jurina dwaru?

10 Aqra Danjel 7:13, 14, 27. Alla jieħu l-poter mingħand il-gvernijiet u jtih lil oħrajn li jixirqilhom u huma b’saħħithom iktar. Lil min? Lil “bin il-bniedem,” jiġifieri Ġesù Kristu u ‘lill-qaddisin tas-Suprem,’ jiġifieri l-144,000 li se jmexxu “għal dejjem taʼ dejjem.” (Dan. 7:18) Mela jidher ċar li Ġeħova hu “s-Suprem” għax hu biss għandu l-awtorità li jagħmel dan.

11. Danjel x’qal iżjed li juri li Ġeħova għandu l-iktar awtorità fuq in-nies?

11 Il-viżjoni li ra Danjel taqbel maʼ xi ħaġa li qal qabel. Hu qal: ‘L-Alla tas-sema jneħħi slaten u jqiegħed slaten. L-Iktar Għoli hu l-Ħakkiem fis-saltna tal-bnedmin, u lil min irid hu jagħtiha.’ (Dan. 2:19-21; 4:17) Kien hemm drabi meta Ġeħova neħħa jew poġġa mexxejja? Iva!

Lil Belsassar Ġeħova ħadlu s-saltna u taha lill-Medin u lill-Persjani (Ara paragrafu 12)

12. Agħti eżempju taʼ kif fil-passat Ġeħova neħħa lil rejiet. (Ara l-istampa.)

12 Ġeħova wera b’mod ċar li hu għandu l-ogħla awtorità fuq “l-awtoritajiet superjuri.” Ejja naraw tliet eżempji. Il-Fargħun tal-Eġittu żamm lin-nies taʼ Ġeħova bħala skjavi u għal darba wara l-oħra ma riedx jeħlishom. Imma Alla salvahom u għarraq lill-Fargħun fil-Baħar l-Aħmar. (Eżo. 14:26-28; Salm 136:15) Ir-Re Belsassar taʼ Babilonja għamel festa u ‘għolla lilu nnifsu kontra l-Mulej tas-smewwiet’ u faħħar lill-“allat tal-fidda u tad-deheb,” minflok lil Ġeħova. (Dan. 5:22, 23) Imma lil dan ir-raġel arroganti Alla ġiegħlu jistħi. “Dak il-lejl stess,” Belsassar inqatel u s-saltna tiegħu ħaduha l-Medin u l-Persjani. (Dan. 5:28, 30, 31) Ir-Re Erodi Agrippa I tal-Palestina qatel lill-appostlu Ġakbu u tefaʼ lill-appostlu Pietru fil-ħabs, bil-ħsieb li joqtlu wkoll. Imma Ġeħova ma ħalliex lil Erodi jagħmel dak li ppjana għax bagħat anġlu u qatlu.—Atti 12:1-5, 21-23.

13. Agħti eżempju taʼ kif Ġeħova qered gruppi taʼ mexxejja.

13 Ġeħova wera li għandu iktar awtorità anki fuq gruppi taʼ mexxejja. Hu ġġieled għall-Iżraelin u għenhom jeqirdu grupp taʼ 31 re minn Kangħan u jirbħu partijiet kbar mill-Art Imwiegħda. (Ġoż. 11:4-6, 20; 12:1, 7, 24) Ġeħova għenhom ukoll jirbħu lir-Re Ben-ħadad u 32 mexxej ieħor mis-Sirja li ġġieldu kontrihom.—1 Slat. 20:1, 26-29.

14-15. (a) Ir-Re Nebukadnessar u r-Re Darju x’qalu dwar Ġeħova? (b) Is-salmista x’qal dwar Ġeħova u n-nies tiegħu?

14 Għal darba wara l-oħra, Ġeħova wera li hu s-Suprem! Meta r-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja beda jiftaħar ‘bis-saħħa tal-qawwa u d-dinjità tal-maestà tiegħu’ minflok faħħar lil Ġeħova, Alla ġiegħlu jiġġennen. Meta reġaʼ ġie f’sensih, Nebukadnessar ‘bierek lill-Iktar Għoli’ u ammetta li “l-ħakma [taʼ Ġeħova] hi ħakma għal dejjem.” Hu żied: “M’hemm ħadd li jistaʼ jżommlu idu.” (Dan. 4:30, 33-35) Wara li l-lealtà taʼ Danjel ġiet ittestjata u Ġeħova salvah mill-ħofra tal-iljuni, ir-Re Darju qal: “In-nies għandhom jitriegħdu u jibżgħu quddiem l-Alla taʼ Danjel. Għax hu l-Alla l-ħaj u Dak li jibqaʼ għal dejjem, u saltnatu hi waħda li ma tinqeridx, u d-dominju tiegħu hu għal dejjem.”—Dan. 6:7-10, 19-22, 26, 27.

15 Is-salmista qal: “Ġeħova fixkel il-pjanijiet tal-ġnus; hu ħassar dak li l-popli kienu beħsiebhom jagħmlu. Ferħan hu l-ġens li l-Alla tiegħu hu Ġeħova, il-poplu li hu għażel biex ikun tiegħu.” (Salm 33:10, 12) Din hi raġuni tajba ħafna biex nibqgħu leali lejn Ġeħova!

L-AĦĦAR GWERRA

Se jkun faċli għall-armata li Ġeħova għandu fis-sema biex teqred il-grupp taʼ nazzjonijiet li se jiħduha kontrih u kontra l-qaddejja tiegħu (Ara paragrafi 16-17)

16. Minn xiex nistgħu nkunu ċerti, u għala? (Ara l-istampa.)

16 S’issa ddiskutejna x’għamel Ġeħova fil-passat. Mela x’nistennew li se jiġri fil-futur dalwaqt? Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jsalva lill-qaddejja leali tiegħu matul iż-“żmien taʼ tbatija kbira.” (Mt. 24:21; Dan. 12:1) Dan se jagħmlu meta Gog taʼ Magog, li hu grupp taʼ nazzjonijiet, se jattakka lil dawk li huma leali lejn Ġeħova mad-dinja kollha. Anke jekk f’dan il-grupp ikun hemm il-193 membru tal-Ġnus Magħquda, mhux se jirnexxilhom jiġġieldu kontra l-Wieħed Suprem u l-armata tiegħu fis-sema! Ġeħova jwiegħed: “Ċertament li se nuri l-kobor tiegħi u nqaddes lili nnifsi u ngħarraf min jien quddiem għajnejn ħafna ġnus; u se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.”—Eżek. 38:14-16, 23; Salm 46:10.

17. Il-Bibbja x’tgħid li se jiġrilhom is-slaten tal-art u dawk li jibqgħu leali lejn Ġeħova?

17 L-attakk taʼ Gog se jwassal biex tibda l-gwerra t’Armageddon meta Ġeħova se jeqred “is-slaten taʼ l-art abitata kollha.” (Riv. 16:14, 16; 19:19-21) Imma, “huma r-retti li se jgħammru fuq l-art, u dawk bla ħtija se jibqgħu fiha.”—Prov. 2:21.

GĦANDNA NIBQGĦU LEALI

18. Ħafna Kristjani veri x’kienu lesti li jagħmlu, u għala? (Danjel 3:28)

18 Matul is-snin, ħafna Kristjani veri kienu lesti li jirriskjaw il-libertà tagħhom u li jmutu għax iħobbu lil Ġeħova u jriduh ikun il-Mexxej tagħhom. Dawn il-Kristjani veri huma determinati li jibqgħu leali lejn Ġeħova. Huma imitaw lit-tliet Ebrej li ġew meħlusin mill-forn tan-nar talli baqgħu leali lejn il-Wieħed Suprem.—Aqra Danjel 3:28.

19. Ġeħova fuq xiex se jiġġudika lin-nies tiegħu, u x’għandna nagħmlu issa?

19 Is-salmista David kiteb kemm hu importanti li nibqgħu leali lejn Alla. Hu kiteb: “Ġeħova se jiġġudika lill-popli. Iġġudikani, Ġeħova, u ftakar li jien tajjeb u bla ħtija.” (Salm 7:8) David kiteb ukoll: “Jalla niġi protett, għax jien leali u nagħmel dak li hu tajjeb.” (Salm 25:21) L-aqwa ħajja li nistgħu ngħixu hi li nibqgħu leali lejn Ġeħova u jiġri x’jiġri ma nċedux! Imbagħad se nħossuna l-istess bħas-salmista li kiteb: “Ferħanin huma dawk leali, u li jobdu l-liġi taʼ Ġeħova.”—Salm 119:1.

GĦANJA 122 Ibqgħu sodi, titħarrkux!

a Il-Bibbja tgħid lill-Kristjani li għandhom jobdu lill-awtoritajiet superjuri, li huma l-gvernijiet. Imma xi gvernijiet jiħduha kontra Ġeħova u l-qaddejja tiegħu. Allura, kif nistgħu nobdu lill-gvernijiet u xorta nibqgħu leali lejn Ġeħova?

b ESPRESSJONI SPJEGATA: Li tkun bla ħtija jfisser li tibqaʼ leali lejn Ġeħova u s-Saltna tiegħu anki meta jkun diffiċli ħafna.