Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 41

Int Jistaʼ Jkollok Ferħ Veru

Int Jistaʼ Jkollok Ferħ Veru

“Ferħanin ikunu dawk kollha li jirrispettaw ħafna lil Ġeħova, li jgħixu kif jixtieq hu.”—SALM 128:1.

GĦANJA 110 “Il-ferħ taʼ Ġeħova”

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1. X’inhu bżonn spiritwali, u dan kif jgħinna nkunu ferħanin?

 LI TKUN vera ferħan ma jfissirx li tkun ferħan għal ftit ħin biss. Hi xi ħaġa li tistaʼ tibqaʼ għal ħajtek kollha. Kif? Fil-Prietka taʼ Fuq il-Muntanja Ġesù spjega: “Ferħanin huma dawk li jafu li għandhom bżonn lil Alla.” (Mt. 5:3) Ġesù kien jaf li n-nies għandhom bżonn spiritwali. Dan ifisser li jkollhom xewqa li jsiru jafu u jaqdu lill-Ħallieq, Alla Ġeħova. Minħabba li Ġeħova hu “l-Alla l-hieni,” dawk li jaqduh jistgħu jkunu ferħanin ukoll.—1 Tim. 1:11.

“Ferħanin huma dawk li qed jiġu ppersegwitati minħabba li qed jagħmlu t-tajjeb.”—Mt. 5:10 (Ara paragrafi 2-3) d

2-3. (a) Ġesù min qal li jistaʼ jkun ferħan ukoll? (b) X’se naraw f’dan l-artiklu, u għala għandna bżonnhom?

2 Li nkunu ferħanin ifisser li ma jkollniex problemi? Le. Fil-prietka, Ġesù qal xi ħaġa interessanti. Dawk li huma “mdejqin,” forsi għax iħossuhom ħażin minħabba d-dnubiet li għamlu jew għax għandhom problemi serji, jistgħu jkunu ferħanin. Ġesù qal li anki “dawk li qed jiġu ppersegwitati minħabba li qed jagħmlu t-tajjeb” jew dawk li jiġu trattati ħażin minħabba li huma dixxipli tiegħu, jistgħu jkunu ferħanin. (Mt. 5:4, 10, 11) Imma kif tistaʼ tkun vera ferħan f’dawn is-sitwazzjonijiet?

3 Ġesù għallimna li l-ferħ jiġi meta nieħdu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali tagħna u nersqu qrib Alla u mhux meta ma jkollniex problemi f’ħajjitna. (Ġak. 4:8) Kif nistgħu nagħmlu dan? F’dan l-artiklu se naraw tliet affarijiet li se jgħinuna nkunu vera ferħanin.

AQRA U STUDJA L-BIBBJA

4. X’inhi l-ewwel ħaġa li rridu nagħmlu biex inkunu vera ferħanin? (Salm 1:1-3)

4 L-EWWEL: Biex inkunu vera ferħanin għandna naqraw u nistudjaw il-Kelma t’Alla. Ġesù qabbel il-Kelma t’Alla mal-ikel. Kemm in-nies u kemm l-annimali għandhom bżonn l-ikel biex jgħixu. Imma n-nies biss jistgħu jaqraw il-Kelma t’Alla, u dan hu bżonjuż għalihom. Għalhekk Ġesù qal: “Il-bniedem ma jgħixx bil-ħobż biss imma b’kull kelma li jgħid Ġeħova.” (Mt. 4:4) Allura, m’għandniex inħallu ġurnata tgħaddi mingħajr ma naqraw il-kliem prezzjuż li nsibu fil-Bibbja. Is-salmista qal: ‘Ferħan ikun min iħobb ħafna l-liġi taʼ Ġeħova, u jaqraha lejl u nhar.’—Aqra Salm 1:1-3.

5-6. (a) X’nistgħu nitgħallmu mill-Bibbja? (b) Meta naqraw il-Bibbja kif jgħinna?

5 Minħabba li Ġeħova jħobbna, hu wriena fil-Bibbja x’għandna nagħmlu biex ngħixu ħajja ferħana. Mill-Bibbja tgħallimna x’inhu l-iskop tal-ħajja. Tgħallimna wkoll kif nersqu eqreb lejn Ġeħova u x’għandna nagħmlu biex jaħfrilna. U sirna nafu dwar it-tama mill-isbaħ li wegħedna għall-futur. (Ġer. 29:11) Dawn il-veritajiet li tgħallimna mill-Bibbja jagħmluna vera ferħanin!

6 Il-Bibbja hi mimlija pariri tajbin għall-ħajja taʼ kuljum. Meta nimxu maʼ dawn il-pariri se nkunu ferħanin. Meta tħossok skuraġġit minħabba l-problemi, uża iktar ħin biex taqra u timmedita fuq il-Kelma t’Alla. Ġesù qal: “Henjin dawk li jisimgħu l-kelma t’Alla u jħarsuha!”—Lq. 11:28.

7. X’tistaʼ tagħmel biex tibbenefika iktar meta taqra l-Bibbja?

7 Ħu l-ħin biex tieħu pjaċir taqra l-Bibbja. Ejja nġibu eżempju. Xi ħadd isajjar l-ikla favorita tiegħek. Imma inti mgħaġġel jew qed taħseb f’xi ħaġa oħra, u tant tiekol malajr li lanqas ittiegħem l-ikel. Wara tirrealizza kemm kilt malajr u tkun tixtieq li kilt iktar bil-mod biex tgawdi l-ikel. Dan jistaʼ jiġri meta naqraw il-Bibbja. Xi kultant tant naqraw malajr li ma nifhmux u ma niħdux pjaċir nitgħallmu mill-messaġġ tagħha. Ħu l-ħin biex tieħu pjaċir taqra l-Kelma t’Alla; immaġina x-xeni, immaġina l-ħsejjes, u aħseb dwar dak li qed taqra. Meta tagħmel dan se tkun iktar ferħan.

8. “L-ilsir leali u għaqli” kif qed jagħmel xogħlu? (Ara wkoll in-nota taʼ taħt.)

8 Ġesù ta r-responsabbiltà lill-“ilsir leali u għaqli” biex jipprovdi l-ikel spiritwali fiż-żmien xieraq, u bħalissa qed nirċievu ħafna ikel spiritwali. b (Mt. 24:45) L-ikel spiritwali li jipprovdilna l-ilsir leali u għaqli huwa bbażat fuq il-Bibbja. (1 Tess. 2:13) B’hekk, aħna nistgħu nsiru nafu kif jaħsibha Ġeħova. Hu għalhekk li naqraw ir-rivisti taʼ It-Torri tal-Għassa u Stenbaħ! u l-artikli li nsibu fuq jw.org. Aħna nippreparaw għal-laqgħat taʼ matul il-ġimgħa u tal-weekends u naraw il-JW Broadcasting® kull xahar. Jekk nagħmlu ċert li naqraw u nistudjaw il-Bibbja, imbagħad se nkunu nistgħu nagħmlu t-tieni ħaġa li għandna bżonn biex inkunu vera ferħanin.

OBDI L-LIVELLI TAʼ ĠEĦOVA

9. X’inhi t-tieni ħaġa li rridu nagħmlu biex ikollna l-ferħ veru?

9 IT-TIENI: Biex inkunu vera ferħanin irridu nobdu l-livelli taʼ Ġeħova. Is-salmista qal: “Ferħanin ikunu dawk kollha li jirrispettaw ħafna lil Ġeħova, li jgħixu kif jixtieq hu.” (Salm 128:1) Li nibżgħu minn Ġeħova jfisser li tant nirrispettawh li ma nagħmlu xejn li ma jiħux pjaċir bih. (Prov. 16:6) Għalhekk, aħna nibqgħu nagħmlu l-aħjar tagħna biex nobdu l-livelli taʼ Ġeħova taʼ x’inhu tajjeb u ħażin li tana fil-Bibbja. (2 Kor. 7:1) Aħna se nkunu ferħanin jekk nagħmlu l-affarijiet li jħobb hu u ma nagħmlux l-affarijiet li jobgħod.—Salm 37:27; 97:10; Rum. 12:9.

10. Skont Rumani 12:2, x’responsabbiltà għandna?

10 Aqra Rumani 12:2. Persuna forsi tkun taf li Ġeħova għandu d-dritt jgħid x’inhu tajjeb u ħażin, imma hi għandha wkoll taċċetta li tobdi l-livelli tiegħu. Pereżempju, persuna forsi tkun taf li l-gvern għandu d-dritt jagħmel limitu taʼ speed fit-toroq. Imma hi forsi ma tkunx trid tobdi din il-liġi, allura ssuq iktar milli suppost. B’mod simili, b’dak li nagħmlu f’ħajjitna nuru li aħna nemmnu li l-livelli taʼ Ġeħova huma għall-ġid tagħna. (Prov. 12:28) David hekk ħassu, u għalhekk dwar Ġeħova qal: “Int turini liema hi t-triq tal-ħajja. Li nkun miegħek iferraħni ħafna; li nkun fuq il-lemin tiegħek iġibli ferħ kbir għal dejjem.”—Salm 16:11.

11-12. (a) Meta nkunu inkwetati u skuraġġiti, minn xiex irridu noqogħdu attenti? (b) Filippin 4:8 kif jistaʼ jgħinna meta niġu biex nagħżlu d-divertiment?

11 Meta jkollna xi problema jew inħossuna skuraġġiti, forsi nħossu li għandna nagħmlu xi ħaġa biex tgħinna ma nibqgħux ninkwetaw. Din tistaʼ tkun t’għajnuna, imma rridu noqogħdu attenti li ma nagħmlux xi ħaġa li jobgħod Ġeħova.—Efes. 5:10-12, 15-17.

12 Fl-ittra tiegħu lill-Filippin, l-appostlu Pawlu inkuraġġixxa lill-Kristjani biex ikomplu jaħsbu fuq dak li hu “ġust, . . . safi, . . . iqanqal l-imħabba, . . . u kull ħaġa li jistħoqqilha tifħir.” (Aqra Filippin 4:8.) Għalkemm l-appostlu Pawlu ma kienx qed jikteb b’mod speċifiku dwar id-divertiment, dak li kiteb għandu jeffettwa x’divertiment nagħżlu. Pereżempju, aqra l-vers u minflok il-kelma “kulma” poġġi l-kelma “mużika,” “films,” “kotba,” jew “video games.” Dan se jgħinek biex tkun taf liema jogħġbu lil Ġeħova u liema ma jogħġbuhx. Aħna rridu ngħixu ħajjitna skont il-livelli għoljin taʼ Ġeħova. (Salm 119:1-3) Imbagħad b’kuxjenza nadifa se nkunu nistgħu nagħmlu t-tielet ħaġa biex inkunu vera ferħanin.—Atti 23:1.

POĠĠI L-AFFARIJIET SPIRITWALI L-EWWEL

13. X’inhi t-tielet ħaġa li tgħinna biex inkunu vera ferħanin? (Ġwanni 4:23, 24)

13 IT-TIELET: Kun ċert li l-affarijiet spiritwali jkunu l-ewwel f’ħajtek. Ġeħova huwa l-Ħallieq tagħna, għalhekk aħna rridu naqdu lilu. (Riv. 4:11; 14:6, 7) Mela l-iktar ħaġa importanti hi li naqdu lil Ġeħova kif iridna hu, “bl-ispirtu u l-verità.” (Aqra Ġwanni 4:23, 24.) Aħna rridu li l-ispirtu qaddis jiggwidana biex naqdu lil Ġeħova fi qbil mal-kwalitajiet li nsibu fil-Kelma tiegħu. L-affarijiet spiritwali għandhom ikunu l-ewwel f’ħajjitna anki jekk ngħixu f’pajjiż fejn ix-xogħol tagħna ma jistax isir. Bħalissa, iktar minn mitt ħu u oħt qegħdin fil-ħabs għax huma Xhieda taʼ Ġeħova. c Minkejja dan, bil-ferħ huma jagħmlu dak li jistgħu biex jitolbu, jistudjaw, u jitkellmu m’oħrajn dwar Alla u s-Saltna tiegħu. Meta n-nies jiħduha kontrina jew jippersegwitawna, aħna nistgħu nkunu ferħanin għax nafu li Ġeħova qiegħed magħna u se jippremjana.—Ġak. 1:12; 1 Pt. 4:14.

EŻEMPJU TAJJEB GĦALINA

14. Xi ġralu ħu żagħżugħ fit-Taġikistan, u għala?

14 Xi wħud minn ħutna ffaċċjaw ċirkustanzi diffiċli ħafna, imma baqgħu ferħanin għax għamlu t-tliet affarijiet li għadna kif semmejna. Ara x’ġara lil Jovidon Bobojonov, żagħżugħ taʼ 19-il sena mit-Taġikistan, minħabba li ma riedx jidħol fl-armata. Fl-4 t’Ottubru 2019 ħaduh mid-dar tiegħu, żammewh il-ħabs għal xi xhur, u trattawh bħala kriminal. Din l-inġustizzja dehret fuq l-aħbarijiet f’diversi pajjiżi. Kien irrapportat li hu ġie msawwat biex jaħlef ħalli jidħol fl-armata u jilbes l-uniformi. Wara dan, il-qorti qalet li hu kien ħati u ntbagħat f’ħabs fejn kellu jaħdem iebes. Hu baqaʼ hemm sakemm il-president tal-pajjiż iddeċieda li jeħilsu mill-ħabs. Matul dak iż-żmien, Jovidon baqaʼ leali lejn Ġeħova u ferħan. Kif irnexxielu? Għax baqaʼ ffokat fuq l-affarijiet spiritwali.

Jovidon qara l-Bibbja, obda l-livelli t’Alla, u poġġa l-affarijiet spiritwali l-ewwel f’ħajtu (Ara paragrafi 15-17)

15. Jovidon kif baqaʼ jitgħallem dwar Ġeħova meta kien fil-ħabs?

15 Meta kien fil-ħabs, Jovidon baqaʼ jitgħallem dwar Ġeħova, minkejja li ma kellux il-Bibbja jew pubblikazzjonijiet minn tagħna. Kif irnexxielu? L-aħwa li kienu joqogħdu viċin kienu jiħdulu l-ikel u jiktbulu l-iskrittura tal-jum fuq il-basket. Għalhekk, hu setaʼ jaqra l-Bibbja u jimmedita fuqha kuljum. Wara li nħeles mill-ħabs, hu ta dan il-parir lil dawk li kienu għadhom ma ffaċċjawx provi diffiċli: “Huwa importanti li tuża l-libertà tiegħek sew biex tkompli titgħallem dwar Ġeħova billi taqra l-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet tagħna.”

16. Jovidon fuq xiex iffoka?

16 Dan il-ħu obda l-livelli taʼ Ġeħova. Hu ma qagħadx jaħseb dwar xewqat ħżiena u m’għamilx affarijiet li jobgħod Ġeħova. Minflok, hu ffoka fuq Ġeħova u dak li jogħġob lilu. Jovidon kien jieħu pjaċir joqgħod jaħseb dwar l-affarijiet sbieħ li ħalaq Ġeħova. Kull filgħodu, hu kien iqum jismaʼ l-għasafar jgħannu. Kull filgħaxija kien joqgħod jara l-qamar u l-istilel. Hu qal: “Dawn ir-rigali mingħand Ġeħova għenuni nħossni ferħan u inkuraġġit.” Meta napprezzaw l-affarijiet kollha li jagħtina Ġeħova, inkluż l-ikel spiritwali, aħna se nkunu ferħanin. U dan il-ferħ se jgħinna nibqgħu nissaportu.

17. Persuna li forsi tkun għaddejja minn sitwazzjoni simili għal taʼ Jovidon, kif tistaʼ tapplika l-​1 Pietru 1:6, 7?

17 Jovidon poġġa l-affarijiet spiritwali l-ewwel f’ħajtu. Hu kien jaf kemm hu importanti li jibqaʼ leali lejn Alla. Ġesù qal: “Qim lil Ġeħova Alla tiegħek, u lilu biss agħti servizz sagru.” (Lq. 4:8) Kmandanti militari u suldati riedu lil Jovidon jieqaf milli jkun Xhud taʼ Ġeħova. Imma hu baqaʼ jitlob il-ħin kollu lil Ġeħova biex jgħinu ma jaqtax qalbu u jibqaʼ leali lejh. Minkejja l-inġustizzja li għadda minnha, Jovidon baqaʼ leali. Għalhekk, issa hu ferħan għax il-fidi tiegħu hi b’saħħitha iktar minn meta ħaduh mid-dar tiegħu, ġie msawwat, u mitfugħ il-ħabs.—Aqra l-1 Pietru 1:6, 7.

18. Kif nistgħu nibqgħu ferħanin?

18 Ġeħova jaf li għandna bżonn inkunu ferħanin. Jekk tagħmel dawn it-tliet affarijiet li semmejna, int tistaʼ tibqaʼ ferħan minkejja l-isfidi li tiffaċċja. Imbagħad int ukoll tkun tistaʼ tgħid: “In-nies li l-Alla tagħhom hu Ġeħova se jkunu ferħanin!”—Salm 144:15.

GĦANJA 89 Ismaʼ u obdi u tkun imbierek

a Ħafna nies isibuha diffiċli biex ikunu vera ferħanin għax jipprovaw isiru sinjuri, famużi, jew ikollhom il-poter biex ikunu ferħanin. Però, meta Ġesù kien fuq l-art qal lin-nies x’għandhom jagħmlu biex ikunu ferħanin. F’dan l-artiklu se naraw tliet affarijiet li jgħinuna biex insibu l-ferħ veru.

b Ara l-artiklu “Qiegħed tirċievi ‘l-ikel fiż-żmien xieraq’?” f’It-Torri tal-Għassa tal-15 t’Awwissu 2014.

c Għal iktar informazzjoni fittex “Imprisoned for Their Faith” fuq jw.org.

d X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħu ġie arrestat u qed jittieħed il-qorti waqt li xi aħwa qegħdin hemm biex jinkuraġġuh.