Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 43

L-Għerf Veru Jkompli Jgħajjat

L-Għerf Veru Jkompli Jgħajjat

“L-għerf veru jkompli jgħajjat fit-triq. Fil-pjazez jibqaʼ jsemmaʼ leħnu.”—PROV. 1:20.

GĦANJA 88 Għarrafni triqatek

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1. Ħafna nies kif jaħsbuha dwar l-għerf li nsibu fil-Bibbja? (Proverbji 1:20, 21)

 F’ĦAFNA pajjiżi, spiss rajna l-aħwa joffru l-letteratura f’postijiet fejn jgħaddu ħafna nies. Huma jitbissmulhom u joffrulhom xi ħaġa x’jaqraw. Forsi int ġieli għamilt hekk ukoll. U dan forsi ġiegħlek taħseb dwar l-iskrittura taʼ Proverbji li titkellem dwar l-għerf li jgħajjat fit-triq biex in-nies ikunu jistgħu jisimgħu l-pariri tiegħu. (Aqra Proverbji 1:20, 21.) Il-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet tagħna fihom “għerf veru,” li hu l-għerf taʼ Ġeħova. Dan l-għerf hu dak li għandhom bżonn in-nies biex ikollhom il-ħajja taʼ dejjem. Aħna nieħdu pjaċir ħafna meta xi ħadd jaċċetta xi letteratura minn tagħna. Imma mhux kulħadd jieħu. Ħafna nies ma jridux jitgħallmu dak li tgħid il-Bibbja. Oħrajn jidħqu bina. Huma jaħsbu li l-Bibbja hija ktieb antik, u m’għadhiex tgħodd għalina. Oħrajn ma jaqblux mat-tagħlim tal-Bibbja dwar il-livelli morali. Huma jaħsbu li min jobdi dak li tgħid il-Bibbja mhux qalbu tajba u jiġġudika lil oħrajn. Imma Ġeħova bi mħabba jkompli jagħti l-għerf tiegħu lil kulħadd. B’liema modi?

2. Fejn nistgħu nsibu l-għerf veru, imma l-biċċa l-kbira tan-nies x’jagħmlu?

2 Mod wieħed kif Ġeħova jagħti l-għerf veru hu permezz tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Kważi kulħadd jistaʼ jkollu dan il-ktieb. U xi ngħidu dwar il-pubblikazzjonijiet tagħna li huma bbażati fuq il-Bibbja? Grazzi għal Ġeħova, dawn huma disponibbli f’iktar minn 1,000 lingwa. Dawk li jisimgħu, jiġifieri dawk li jaqraw u japplikaw dak li jitgħallmu, se jibbenefikaw. Però, il-biċċa l-kbira tan-nies jagħżlu li ma jisimgħux mill-għerf taʼ Ġeħova. Meta jiġu biex jieħdu xi deċiżjoni, jippreferu jagħmlu dak li jaħsbu huma jew jisimgħu minn nies oħrajn. Barra minn hekk, jaf ma jirrispettawniex talli nagħżlu li nobdu dak li tgħid il-Bibbja. Dan l-artiklu se jiddiskuti għala n-nies jagħmlu hekk. Imma l-ewwel ejja naraw kif jistaʼ jkollna l-għerf mingħand Ġeħova.

SIR AF LIL ĠEĦOVA U JKOLLOK L-GĦERF

3. Xi rridu nagħmlu biex ikollna l-għerf veru?

3 L-għerf jistaʼ jkun l-abbiltà li nużaw dak li nafu biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin. Però, l-għerf veru jfisser iktar minn dan. Il-Bibbja tgħid: “Il-biżaʼ taʼ Ġeħova hu l-bidu taʼ l-għerf, u l-għarfien dwar l-Iktar Wieħed Qaddis jagħtik l-abbiltà li tifhem.” (Prov. 9:10) Għalhekk meta niġu biex nieħdu deċiżjoni, irridu naraw kif jaħsibha Ġeħova. Nistgħu nagħmlu dan billi nistudjaw il-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet tagħna. Meta nagħmlu hekk, inkunu qed nuru l-għerf veru.—Prov. 2:5-7.

4. Għala Ġeħova biss jistaʼ jagħtina l-għerf veru?

4 Ġeħova huwa l-uniku wieħed li jistaʼ jagħtina l-għerf veru. (Rum. 16:27) Għala nistgħu ngħidu li l-għerf ġej mingħandu? L-ewwel, Ġeħova hu l-Ħallieq. Hu jaf kollox dwar dak li ħalaq. (Salm 104:24) It-tieni, dak kollu li għamel Ġeħova juri li hu għaref. (Rum. 11:33) It-tielet, dawk kollha li japplikaw il-pariri taʼ Ġeħova dejjem jibbenefikaw. (Prov. 2:10-12) Jekk irridu li jkollna l-għerf veru, irridu naċċettaw dawn it-tliet veritajiet bażiċi biex jiggwidawna meta niġu biex nagħmlu xi ħaġa jew nieħdu deċiżjoni.

5. X’jiġri meta n-nies ma jaċċettawx li l-għerf veru jiġi biss mingħand Ġeħova?

5 Ħafna nies li niltaqgħu magħhom fil-ministeru jammettu li l-affarijiet li jaraw fin-natura huma ddisinjati b’mod sabiħ. Imma huma jgħidu li m’hemmx Ħallieq. Oħrajn jgħidu li jemmnu f’Alla imma jaħsbu li dak li tgħid il-Bibbja hu antik u jagħmlu dak li jogħġob lilhom. Imma hi aħjar id-dinja minħabba li n-nies jistrieħu fuq dak li jaħsbu huma minflok fuq l-għerf t’Alla? Għandhom ferħ veru f’ħajjithom jew tama vera għall-futur? Dak li naraw madwarna jikkonvinċina minn din il-verità: “M’hemm ebda għerf, jew dixxerniment, jew parir meta dan imur kontra Ġeħova.” (Prov. 21:30) Dan iġegħelna nkomplu nitolbu lil Ġeħova biex jagħtina l-għerf veru! B’dispjaċir, ħafna nies ma jagħmlux hekk. Għala?

IN-NIES GĦALA MA JAĊĊETTAWX L-GĦERF VERU?

6. Skont Proverbji 1:22-25, min ma jridx jismaʼ mill-għerf taʼ Ġeħova?

6 Ħafna jagħlqu widnejhom meta l-għerf veru “jgħajjat fit-triq.” Skont il-Bibbja hemm tliet gruppi taʼ nies li ma jaċċettawx l-għerf: dawk “bla esperjenza,” li ‘jwaqqgħu għaċ-ċajt’ lil oħrajn, u “l-istupidi.” (Aqra Proverbji 1:22-25.) Ejja naraw għala dawn in-nies ma jaċċettawx l-għerf t’Alla u kif nistgħu nevitaw li nsiru bħalhom.

7. Xi wħud għala jagħżlu li jibqgħu “bla esperjenza”?

7 Dawk “bla esperjenza” huma dawk li jemmnu kull ma jisimgħu u jkun faċli biex oħrajn jidħqu bihom. (Prov. 14:15) Spiss niltaqgħu ma’ wħud bħal dawn fil-ministeru. Pereżempju, aħseb dwar il-miljuni taʼ nies li qed jidħqu bihom il-mexxejja reliġjużi u l-politikanti. Ħafna ma jkunux jistgħu jemmnu li dawn il-mexxejja gidbulhom. Imma dawk li jissemmew fi Proverbji 1:22 jagħżlu li jibqgħu bla esperjenza għax iħossuhom komdi hekk. (Ġer. 5:31) Huma jagħmlu dak li jogħġob lilhom u ma jridux jitgħallmu dak li tgħid il-Bibbja u jobdu l-liġijiet taʼ Ġeħova. Ħafna nies iħossuhom bħal mara reliġjuża fi Quebec, il-Kanada, li qalet lil ħu, “Jekk il-qassis daħaq bina, it-tort tiegħu mhux tagħna!” Bla dubju, aħna ma rridux inkunu bħal dawk li ma jridux isiru jafu!—Prov. 1:32; 27:12.

8. X’se jgħinna jkollna l-għerf?

8 Il-Bibbja tinkuraġġina biex ma nibqgħux bla esperjenza, imma ‘nikbru għalkollox fil-mentalità tagħna.’ (1 Kor. 14:20) Aħna se jkollna l-għerf meta napplikaw il-prinċipji tal-Bibbja fil-ħajja tagħna. Jekk nagħmlu hekk se naraw kif il-Bibbja tgħinna nevitaw il-problemi u nieħdu deċiżjonijiet tajbin. Hu tajjeb li naħsbu dwar id-deċiżjonijiet li ħadna. Jekk ilna nistudjaw il-Bibbja u nattendu l-laqgħat għal xi żmien, nistgħu nsaqsu lilna nfusna għala għadna ma ddedikajniex ħajjitna lil Ġeħova u ma tgħammidniex. Jekk aħna mgħammdin, qed nagħmlu progress fil-mod kif nippritkaw u ngħallmu l-aħbar tajba? Juru d-deċiżjonijiet li nieħdu li qed napplikaw dak li qed nitgħallmu mill-Bibbja? Nittrattaw lil oħrajn bħalma kieku jittrattahom Ġesù? Jekk naraw fejn nistgħu nirranġaw, ejja noqogħdu attenti għall-pariri taʼ Ġeħova li ‘lil min hu bla esperjenza jagħmlu għaref.’—Salm 19:7.

9. Dawk li ‘jwaqqgħu għaċ-ċajt’ lil oħrajn kif juru li ma jaċċettawx l-għerf?

9 It-tieni grupp taʼ nies li jinjoraw l-għerf t’Alla huma dawk li jwaqqgħu għaċ-ċajtʼ lil oħrajn. Meta nkunu qed nippritkaw ġieli niltaqgħu ma’ wħud minnhom. Huma jieħdu pjaċir iwaqqgħu għaċ-ċajt lil oħrajn. (Salm 123:4) Il-Bibbja tgħidilna li fl-aħħar jiem se jkun hemm ħafna minnhom. (2 Pt. 3:3, 4) Bħall-irġiel tat-tfal taʼ Lot, ħafna nies illum ma joqogħdux attenti għat-twissijiet li jagħtina Alla. (Ġen. 19:14) Ħafna jidħqu bin-nies li jobdu dak li tgħid il-Bibbja. Huma jagħmlu dan minħabba ‘x-xewqat tagħhom stess [għal] affarijiet bla devozzjoni lejn Alla.’ (Ġuda 7, 17, 18) Il-mod kif il-Bibbja tiddeskrivi lil dawn l-uħud jaqbel mal-attitudni tal-apostati u oħrajn li ma jaċċettawx lil Ġeħova!

10. Skont Salm 1:1, kif nistgħu nevitaw li nkunu bħal dawk li jwaqqgħu għaċ-ċajt?

10 Kif nistgħu nkunu ċerti li ma nsirux bħal dawk li jwaqqgħu għaċ-ċajt lil oħrajn? Mod wieħed hu billi ma nagħmluhiex ma’ nies li jgergru fuq kollox. (Aqra Salm 1:1.) Dan jinkludi li ma nisimgħux jew ma naqrawx affarijiet tal-apostati. Irridu noqogħdu attenti li ma nibdewx ingergru fuq kollox u niddubitaw minn Ġeħova u l-istruzzjonijiet li nirċievu mill-organizzazzjoni tiegħu. Allura, irridu nsaqsu lilna nfusna: ‘Jien għandi vizzju li ngerger meta nirċievi direzzjoni ġdida? Infittex id-difetti fl-aħwa li qed imexxu?’ Meta nieqfu nagħmlu dawn l-affarijiet malajr kemm jistaʼ jkun, Ġeħova se jkun ferħan bina.—Prov. 3:34, 35.

11. “L-istupidi” x’jaħsbu dwar il-livelli taʼ Ġeħova?

11 It-tielet grupp taʼ nies li ma jridux jagħtu kas l-għerf t’Alla huma “l-istupidi.” Huma stupidi għax ma jridux jgħixu mal-liġijiet t’Alla. Huma jagħmlu dak li jaħsbu li hu tajjeb għalihom. (Prov. 12:15) Nies bħal dawn ma jaċċettawx lil Ġeħova, l-iktar wieħed għaref. (Salm 53:1) Meta nippritkaw lil nies bħal dawn, spiss huma jiħduha kontrina talli nirrispettaw il-livelli tal-Bibbja. Imma huma ma jistgħux jgħidulna xi ħaġa aħjar minn dak li qed ngħidulhom aħna. Il-Bibbja tgħid: “Għall-iblah l-għerf veru hu għoli wisq; f’bieb il-belt ma jiftaħx ħalqu.” (Prov. 24:7) L-istupidi m’għandhomx pariri tajbin xi jtuna. U għalhekk, Ġeħova javżana biex ‘nitilqu minn quddiem bniedem stupidu’!—Prov. 14:7.

12. X’se jgħinna biex ma nagħmlux bħall-istupidi?

12 Aħna m’aħniex bħal dawk li jobogħdu l-pariri taʼ Ġeħova. Minflok, aħna nitgħallmu nħobbu kif Ġeħova jaħsibha, u dan jinkludi l-liġijiet kollha tiegħu. Aħna nistgħu nħobbuhom iktar billi nqabblu r-riżultati taʼ dawk l-uħud li jobdu maʼ taʼ dawk li ma jobdux. Ara l-problemi li n-nies iġibu b’idejhom stess minħabba li ma jobdux il-pariri taʼ Ġeħova. Imbagħad tistaʼ tara kemm il-ħajja tiegħek hi aħjar minħabba li tobdih.—Salm 32:8, 10.

13. Ġeħova jisforzana nobdu l-pariri tiegħu?

13 Ġeħova joffri l-għerf tiegħu lil kulħadd, imma ma jisforza lil ħadd biex jaċċettah. Però, hu jurina x’jiġrilhom dawk in-nies li ma jisimgħux mill-għerf tiegħu. (Prov. 1:29-32) Dawk li jagħżlu li ma jobdux lil Ġeħova se jbatu l-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet li jieħdu. Maż-żmien huma se jbatu u jkollhom ħafna wġigħ minħabba l-mod kif għexu, u fl-aħħar Ġeħova se jeqridhom. Imma lil dawk li jisimgħu u japplikaw il-pariri tiegħu, Ġeħova jwegħedhom: “Min jismaʼ minni jgħammar fis-sigurtà u ma jinkwetax mill-biżaʼ taʼ xi gwaj.”—Prov. 1:33.

L-GĦERF VERU NIBBENEFIKAW MINNU

Meta nikkummentaw fil-laqgħat insaħħu l-ħbiberija tagħna ma’ Ġeħova (Ara paragrafu 15)

14-15. X’nitgħallmu minn Proverbji 4:23?

14 Meta napplikaw l-għerf t’Alla fil-ħajja tagħna, aħna dejjem se nibbenefikaw. Bħalma rajna, hu faċli li nsibu l-pariri taʼ Ġeħova. Pereżempju fil-ktieb taʼ Proverbji, Ġeħova jagħtina pariri prattiċi li dejjem se jaħdmu. Ejja naraw erbgħa minnhom.

15 Ipproteġi lil qalbek. Il-Bibbja tgħid: “Iktar minn kull ħaġa oħra li għandek tħares, ħares lil qalbek, għax minn ġo fiha ġejjin is-sorsi tal-ħajja.” (Prov. 4:23) Aħseb naqra x’jinvolvi li nipproteġu lill-qalb litterali tagħna. Irridu nieklu ikel healthy, nagħmlu l-eżerċizzju, u nevitaw vizzji ħżiena. Aħna nagħmlu xi ħaġa simili biex nipproteġu lil qalb figurattiva tagħna. Kuljum naqraw il-Kelma t’Alla. Kull ġimgħa nippreparaw, nattendu, u nikkummentaw fil-laqgħat tagħna. B’mod regolari nippritkaw kemm nistgħu. U nitbiegħdu minn dak kollu li jistaʼ jħassar il-ħsibijiet tagħna, bħal divertiment immorali jew ħbieb ħżiena.

Meta jkollna ħarsa bilanċjata lejn il-flus inkunu ferħanin b’dak li għandna (Ara paragrafu 16)

16. Proverbji 23:4, 5 għala hu t’għajnuna?

16 Kun kuntent b’dak li għandek. Il-Bibbja tagħtina l-parir: “Titħabatx biex tikseb l-għana. . . . Tfajt għajnejk fuqu, meta m’hu xejn? Għax bla dubju jrabbi l-ġwienaħ bħal dawk t’ajkla u jtir lejn is-smewwiet.” (Prov. 23:4, 5) M’għandniex garanzija li l-flus u l-affarijiet li għandna se jibqgħu għal dejjem. Imma ħafna nies sinjuri u nies foqra jinkwetaw kif se jagħmlu iktar flus. Għalhekk, ħafna drabi jagħmlu affarijiet li jagħmlu l-ħsara lir-reputazzjoni tagħhom, ir-relazzjonijiet tagħhom, u anki saħħithom. (Prov. 28:20; 1 Tim. 6:9, 10) Mill-banda l-oħra, l-għerf se jgħinna biex ma ninkwetawx iżżejjed dwar il-flus. U dan se jgħinna biex ma nkunux egoisti imma nkunu ferħanin u kuntenti b’dak li għandna.—Ekk. 7:12.

Meta naħsbu qabel nitkellmu nevitaw li nweġġgħu lil oħrajn (Ara paragrafu 17)

17. Kif jistaʼ jkollna “lsien l-għorrief” li jsemmi Proverbji 12:18?

17 Aħseb qabel titkellem. Jekk ma noqogħdux attenti nistgħu nagħmlu ħafna ħsara b’dak li ngħidu. Il-Bibbja tgħid: “Hemm min jitkellem bla ma jaħsibha qisu b’daqqiet taʼ sejf, imma lsien l-għorrief hu fejqan.” (Prov. 12:18) Meta ma noqogħdux nitkellmu fuq l-iżbalji taʼ xulxin, aħna ngħinu biex inżommu l-paċi. (Prov. 20:19) Jekk b’dak li ngħidu rridu ngħinu lin-nies u mhux inweġġgħuhom, irridu naqraw u naħsbu dwar dak li tgħid il-Bibbja b’mod regulari. (Lq. 6:45) Meta nimmeditaw fuq dak li tgħid il-Bibbja, il-kliem tagħna jistaʼ jkun bħal “bir taʼ l-għerf” li jinkuraġġixxi lil oħrajn.—Prov. 18:4.

Meta nobdu d-direzzjoni mill-organizzazzjoni jgħinna biex nippritkaw u ngħallmu aħjar (Ara paragrafu 18)

18. Proverbji 24:6 kif jgħinna fil-ministeru?

18 Obdi d-direzzjoni tal-organizzazzjoni. Il-Bibbja tagħtina dan il-parir tajjeb: “Permezz tad-direzzjoni għaqlija twettaq il-gwerra tiegħek, u fil-kotra taʼ dawk li jagħtu l-pariri hemm is-salvazzjoni.” (Prov. 24:6) Dan il-vers kif jgħinna biex nippritkaw u ngħallmu aħjar? Minflok ma nippritkaw u ngħallmu kif irridu, aħna nipprovaw nobdu d-direzzjoni li nirċievu. Aħna nirċievu direzzjoni tajba fil-laqgħat tagħna. Hemmhekk nistgħu nitgħallmu mill-mod tajjeb li oħrajn jgħallmu minn fuq il-Bibbja. Barra minn hekk, Ġeħova jagħtina pubblikazzjonijiet u vidjows li jistgħu jgħinu lin-nies jifhmu l-Bibbja. Qed tuża din l-għodda bl-aħjar mod?

19. Kif tħossok dwar l-għerf li jagħtina Ġeħova? (Proverbji 3:13-18)

19 Aqra Proverbji 3:13-18. Kemm napprezzaw il-pariri li nsibu fil-Kelma t’Alla! Mingħajr il-Bibbja żgur li ma nkunux ferħanin. F’dan l-artiklu ddiskutejna xi pariri tajbin li nsibu fil-ktieb taʼ Proverbji. Bla dubju, il-Bibbja hi mimlija pariri tajbin mingħand Ġeħova. Mela ejja nkunu determinati li dejjem napplikaw il-pariri tiegħu fil-ħajja tagħna. Ħafna nies ma japprezzawx l-għerf taʼ Ġeħova imma aħna konvinti li dawk li “jibqgħu jżommu [l-għerf] sod jissejħu henjin.”

GĦANJA 36 Ngħassu lil qalbna

a L-għerf li jagħti Ġeħova huwa ħafna aħjar mill-affarijiet kollha li toffri d-dinja. F’dan l-artiklu se nikkunsidraw eżempju interessanti li nsibu fil-ktieb taʼ Proverbji—dak tal-għerf li jkompli jgħajjat fit-triq. Se niddiskutu kif jistaʼ jkollna l-għerf, għala xi wħud ma jridux jisimgħu mill-għerf taʼ Ġeħova, u għala huwa tajjeb għalina li nisimgħu mill-għerf tiegħu.