ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 40
GĦANJA 30 Missieri, Alla tiegħi, u Ħabib
Ġeħova “Jfejjaq lil Dawk taʼ Qalbhom Maqsuma”
“Hu jfejjaq lil dawk taʼ qalbhom maqsuma; jinfaxxa l-ġrieħi tagħhom.”—SLM. 147:3.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Ġeħova jimpurtah ħafna minn dawk li jkunu mweġġgħin u mdejqin. Dan l-artiklu se jurina kif hu jgħinhom u kif aħna nistgħu ninkuraġġixxu lil oħrajn.
1. Ġeħova kif iħossu dwar il-qaddejja tiegħu?
META jħares lejn in-nies tiegħu, Ġeħova x’jara? Hu jinnota meta nkunu ferħanin u meta nkunu mdejqin. (Slm. 37:18) Meta jara li qegħdin nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex naqduh, anke meta jkollna l-problemi, hu jkun ferħan ħafna bina! Hu vera jixtieq jgħinna u jinkuraġġina.
2. Ġeħova kif jgħin lil dawk taʼ qalbhom maqsuma, u aħna xi rridu nagħmlu?
2 Salm 147:3 jgħid li Ġeħova “jinfaxxa l-ġrieħi” taʼ dawk li qalbhom maqsuma. Dan il-vers jurina li Ġeħova jieħu ħsieb lil dawk li huma mweġġgħin u mdejqin. Imma x’hemm bżonn nagħmlu biex nirċievu l-għajnuna tiegħu? Aħseb dwar dan l-eżempju. Jekk xi ħadd iweġġaʼ, tabib tajjeb jistaʼ jgħinu jfiq. Imma biex ikun jistaʼ jgħinu, il-pazjent irid jobdi lit-tabib. F’dan l-artiklu se naraw Ġeħova x’jgħid lil dawk imweġġgħin emozzjonalment u se naraw kif nistgħu napplikaw il-pariri tiegħu.
ĠEĦOVA JFAKKARNA LI AĦNA IMPORTANTI ĦAFNA GĦALIH
3. Xi nies għala jħossuhom li ma jiswew għal xejn?
3 Aħna ngħixu f’dinja li ma fihiex imħabba, u allura ħafna nies jiġu trattati ħażin u jħossu li ma jiswew għal xejn. Oħt li jisimha Helen a tgħid: “Ommi u missieri qatt ma wrewna li jħobbuna. Missieri kien vjolenti u kuljum kien jgħidli li ma jien tajba għal xejn.” Ġieli ġejt trattat ħażin, billi għajruk jew ġegħluk tħossok li ma tiswa għal xejn? Jekk iva, jaf issibha diffiċli temmen li xi ħadd vera jħobbok.
4. Skont Salm 34:18, Ġeħova xi jwegħedna?
4 Jekk ġejt trattat ħażin, kun ċert li Ġeħova jħobbok ħafna u int importanti għalih. Hu “qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma.” (Aqra Salm 34:18.) Allura jekk ġieli tħossok imdejjaq u ma tiswa għal xejn, ftakar li Ġeħova ra xi ħaġa tajba fik u ġibdek lejh. (Ġw. 6:44) Hu dejjem lest li jgħinek għax iħobbok ħafna.
5. X’nistgħu nitgħallmu dwar kif Ġesù tratta lin-nies li kienu jħossuhom ma jiswew għal xejn?
5 Meta naħsbu fuq l-eżempju taʼ Ġesù, nistgħu nitgħallmu ħafna fuq kif iħossu Ġeħova. Meta kien fid-dinja, Ġesù kien qalbu tajba man-nies li kienu jħossuhom li ma jiswew għal xejn minħabba oħrajn. (Mat. 9:9-12) Pereżempju, meta mara li kellha marda kerha ħafna messet il-ħwejjeġ taʼ Ġesù biex tfiq, hu faħħarha għall-fidi tagħha. (Mrk. 5:25-34) Ġesù imita lil Missieru perfettament. (Ġw. 14:9) Allura tistaʼ tkun ċert li int importanti ħafna għal Ġeħova u li hu jara l-kwalitajiet tajbin tiegħek, bħall-fidi li għandek u kemm tħobbu.
6. Xi trid tagħmel jekk tħoss li ma tiswa għal xejn?
6 Jekk tħoss li ma tiswa għal xejn, xi trid tagħmel? Aqra u aħseb dwar versi mill-Bibbja li jgħinuk tkun ċert li Ġeħova jħobbok. b (Slm. 94:19) Qatt tqabbel lilek nnifsek m’oħrajn u tiffokax fuq x’ma tistax tagħmel. Ġeħova ma jistenniex minnek iktar milli int kapaċi tagħmel. (Slm. 103:13, 14) Jekk ġejt trattat ħażin jew abbużat, taħsibx li kien it-tort tiegħek. Ftakar li Ġeħova se jiġġudika lil dawk li trattaw ħażin lil ħaddieħor, imma se jgħin lil min bata. (1 Pt. 3:12) Sandra, oħt li ġiet trattata ħażin meta kienet żgħira, titlob taʼ spiss lil Ġeħova biex jgħinha tara dak li Ġeħova jara fiha.
7. Kif nistgħu nużaw dak li għaddejna minnu biex ngħinu lil oħrajn?
7 Ġeħova jistaʼ jużak biex tgħin lin-nies. Hu tak il-privileġġ li taħdem miegħu permezz tas-service. (1 Kor. 3:9) Minħabba dak li għaddejt minnu, wisq probabbli tifhem iktar lil dawk li qed ibatu u b’hekk tistaʼ tgħinhom ħafna. Helen, li ssemmiet qabel, irċiviet l-għajnuna li kellha bżonn u issa tistaʼ tgħin lil oħrajn. Hi tgħid: “Jien kont inħossni ma niswa għal xejn, imma Ġeħova għenni nħoss li hu jħobbni u b’hekk nistaʼ ngħin lil oħrajn.” Issa Helen ferħana ħafna taqdi bħala pijuniera regolari.
ĠEĦOVA JRIDNA NEMMNU LI HU ĦAFRILNA
8. Ġeħova x’jgħidilna f’Isaija 1:18?
8 Xi wħud mill-qaddejja taʼ Ġeħova għadhom iħossuhom imdejqin minħabba xi żbalji li għamlu qabel jew wara l-magħmudija. Jekk tħossok hekk, tinsiex li Ġeħova provda l-fidwa għax iħobbok ħafna u biex jaħfirlek. Hu jridek taċċetta dan ir-rigal għax hu jwegħedna li meta “nirranġaw l-affarijiet taʼ bejnietna,” c ħa jaħfrilna kompletament. (Aqra Isaija 1:18.) Kemm hi xi ħaġa sabiħa li Missierna Ġeħova jinsa kompletament l-iżbalji tagħna u fl-istess ħin jiftakar kull ħaġa tajba li għamilna!—Slm. 103:9, 12; Lhud 6:10.
9. Għala m’għandniex nibqgħu naħsbu dwar l-iżbalji li għamilna fil-passat?
9 Jekk għadek tħossok imdejjaq minħabba l-iżbalji tal-passat, agħmel kulma tistaʼ biex taħseb fit-tajjeb li qed tagħmel bħalissa u x’tistaʼ tagħmel fil-futur. Aħseb dwar l-eżempju tal-appostlu Pawlu. Hu ddispjaċieh li fil-passat kien ippersegwita lill-Kristjani, imma kien jaf li Ġeħova kien ħafirlu. (1 Tim. 1:12-15) Imma baqaʼ jaħseb fuq l-iżbalji tiegħu? Bħalma ma qagħadx jaħseb dwar x’għamel biex sar Fariżew rispettat, hu ma qagħadx jaħseb dwar l-iżbalji tiegħu. (Flp. 3:4-8, 13-15) Minflok, hu ffoka fuq li jaqdi lil Alla u ħares ’il quddiem għall-futur. Bħalu, int ma tistax tbiddel dak li ġara fil-passat, imma tistaʼ tagħmel lil Ġeħova ferħan issa u taħseb sew dwar il-wegħdi li għamel miegħek għall-futur.
10. X’nistgħu nagħmlu jekk għamilna xi ħaġa li weġġajna lil oħrajn biha?
10 Jistaʼ jkun li tħossok imdejjaq minħabba xi ħaġa li għamilt u li weġġajt lil oħrajn biha. X’jistaʼ jgħinek? Agħmel kulma tistaʼ biex tirranġa l-affarijiet u għid lill-persuna li jiddispjaċik ħafna. (2 Kor. 7:11) Itlob lil Ġeħova biex jgħin lill-persuna li weġġajt. Hu jistaʼ jgħin kemm lilek u anke lilha biex tkomplu taqduh u tħossukom fil-paċi.
11. X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju tal-profeta Ġona? (Ara l-istampa.)
11 Tgħallem mill-iżbalji tiegħek u ħalli lil Ġeħova jużak kif irid hu. Aħseb dwar il-profeta Ġona. Minflok mar Ninwe fejn kien qallu Ġeħova, ħarab f’post ’il bogħod. Imma Ġeħova kkoreġieh, u Ġona tgħallem mill-iżbalji tiegħu. (Ġona 1:1-4, 15-17; 2:7-10) Ġeħova ma waqafx juża lil Ġona bħala profeta u reġaʼ tah iċ-ċans biex imur Ninwe. Għalkemm iddispjaċieh għall-iżball li kien għamel, Ġona aċċetta l-inkarigu u obda lil Ġeħova.—Ġona 3:1-3.
ĠEĦOVA JTINA L-ISPIRTU QADDIS TIEGĦU BIEX JINKURAĠĠINA
12. Ġeħova kif jagħtina l-paċi meta ngħaddu minn sitwazzjoni diffiċli ħafna? (Filippin 4:6, 7)
12 Permezz tal-ispirtu qaddis, Ġeħova jinkuraġġina meta nkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli ħafna. Aħseb dwar l-esperjenza taʼ Ron u Carol, li t-tifel tagħhom għamel suwiċidju taʼ 39 sena. Huma jgħidu: “Għaddejna minn sitwazzjonijiet diffiċli qabel, imma din kienet l-agħar waħda. Kien hemm ħafna ljieli fejn ma stajniex norqdu u tlabna ħafna lil Ġeħova. Vera ħassejna l-paċi li Ġeħova jwiegħed f’Filippin 4:6, 7.” (Aqra.) Int tħossok imdejjaq u muġugħ minħabba sitwazzjoni diffiċli li għaddej minnha? Jekk tħossok hekk, ftakar li m’hemmx limitu kemm tistaʼ tiftaħ qalbek maʼ Ġeħova u kemm iddum tkellmu. (Slm. 86:3; 88:1) Ibqaʼ itlob lil Ġeħova għall-ispirtu qaddis u hu dejjem se jgħinek.—Luqa 11:9-13.
13. L-ispirtu qaddis kif jistaʼ jgħinna nibqgħu naqdu lil Ġeħova? (Efesin 3:16)
13 Għaddejt minn sitwazzjoni stressanti ħafna li ħallietek bla saħħa? L-ispirtu qaddis jistaʼ jagħtik is-saħħa li għandek bżonn biex tibqaʼ taqdi lil Ġeħova. (Aqra Efesin 3:16.) Aħseb fuq l-esperjenza taʼ oħt jisimha Flora. Waqt li hi u r-raġel tagħha kienu qed jaqdu bħala missjunarji, hu ma baqax leali lejha u ddivorzjaw. Hi tgħid: “Ma stajt naħseb fuq xejn iżjed bl-uġigħ li ħassejt minħabba dak li għamel. Lil Ġeħova tlabtu għall-ispirtu qaddis tiegħu biex inkompli nissaporti. Għalkemm għall-bidu deher impossibbli li nkampa, Ġeħova tani s-saħħa biex inkompli nissaporti.” Flora tħoss li Ġeħova vera għenha biex tafda fih. Issa hi ċerta li Ġeħova se jibqaʼ jgħinha f’kull problema li tiffaċċja. Hi tgħid li Salm 119:32 jiddeskrivi eżatt kif Ġeħova għenha. Hemmhekk jgħid: “Jien se nimxi mal-kmandamenti tiegħek bil-ħeġġa, għax int tgħinni nifhimhom.”
14. Kif nistgħu nħallu l-ispirtu qaddis jgħinna?
14 Wara li titlob lil Ġeħova għall-ispirtu qaddis, x’għandek tagħmel? Agħmel affarijiet li se jgħinuk tirċievi iżjed l-ispirtu qaddis, bħal li tmur il-laqgħat u tgħid lil oħrajn dwar Ġeħova. Importanti wkoll li taqra l-Bibbja kuljum u timmedita fuq dak li qed jgħidlek Ġeħova. (Flp. 4:8, 9) Int u taqra, aħseb sew fuq nies mill-Bibbja li Ġeħova għenhom jissaportu f’sitwazzjonijiet diffiċli. Sandra, li semmejna qabel, għaddiet minn ħafna problemi differenti. Hi tgħid: “L-eżempju taʼ Ġużeppi vera inkuraġġieni. Għalkemm hu għadda minn ħafna problemi u inġustizzji, hu ma ħallihomx jaffettwaw il-ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova.”—Ġen. 39:21-23.
ĠEĦOVA JUŻA LILL-AĦWA BIEX JINKURAĠĠINA
15. Min jistaʼ jinkuraġġina, u kif? (Ara l-istampa.)
15 Meta nkunu qed inbatu minħabba xi problema, l-aħwa jistgħu jgħinuna u jsaħħuna. (Kol. 4:11) L-għajnuna tal-aħwa hi mod wieħed kif Ġeħova juri li jħobbna. Huma jinkuraġġuna billi jqattgħu l-ħin magħna u jisimgħuna waqt li ngħidulhom kif inħossuna. Huma jinkuraġġuna wkoll billi juruna xi versi mill-Bibbja jew jitolbu magħna. d (Rum. 15:4) Meta jagħmlu hekk, huma jgħinuna naraw l-affarijiet kif jarahom Ġeħova, u b’hekk jgħinuna nissaportu u nħossuna iktar kalmi. L-aħwa jistgħu jgħinuna wkoll b’modi differenti, bħal li jsajrulna xi ħaġa.
16. X’jaf ikollna bżonn nagħmlu biex l-aħwa jgħinuna?
16 Biex l-aħwa jgħinuna, irridu ngħidulhom li għandna bżonn l-għajnuna. L-aħwa jħobbuna u jridu jgħinuna. (Prov. 17:17) Imma mhux dejjem ikunu jafu x’għandna bżonn. (Prov. 14:10) Jekk tħossok imdejjaq, tkellem maʼ ħbieb maturi u għidilhom kif tħossok u x’għandek bżonn. Jew forsi tistaʼ titkellem maʼ żewġ anzjani li tħossok komdu magħhom. Xi aħwa nisa ħassewhom komdi jitkellmu maʼ oħt matura.
17. Għala xi kultant jistaʼ jkun diffiċli li nirċievu l-għajnuna, u xi rridu nagħmlu?
17 Tinqatax għalik waħdek imma qattaʼ l-ħin mal-aħwa. Vera li xi kultant minħabba li tkun imdejjaq ma jkollokx aptit tkun m’oħrajn. L-aħwa forsi mhux dejjem jifhmuk u xi kultant jgħidu xi ħaġa li tweġġgħek. (Ġak. 3:2) Imma tinqatax minn mal-aħwa għax Ġeħova jaf jużahom biex jgħinek. Anzjan jismu Gavin, li jbati bid-depression, qal: “Mhux dejjem ikolli aptit nitkellem mal-ħbieb u nkun magħhom. Imma għalkemm irrid nagħmel sforz, meta nkun mal-aħwa nħossni aħjar.” Oħt jisimha Amy tgħid li minħabba dak li għaddiet minnu fil-passat, issibha diffiċli biex tafda lil oħrajn. Imma hi qalet li qed titgħallem tafda u tħobb lill-aħwa bħalma jagħmel Ġeħova. U hi taf li meta tagħmel hekk, Ġeħova se jkun ferħan u anki hi.
ĠEĦOVA JINKURAĠĠIK BIL-WEGĦDI TIEGĦU
18. Ġeħova x’se jagħmel fil-futur, u x’nistgħu nagħmlu minn issa?
18 Ġeħova dalwaqt se jneħħi l-affarijiet kollha li jagħmlulna l-problemi u d-dwejjaq. (Riv. 21:3, 4) Dak iż-żmien, dawn l-affarijiet koroh mhux se jibqgħu jweġġgħuna għax lanqas biss se niftakruhom. (Isa. 65:17) Imma bħalma rajna f’dan l-artiklu, Ġeħova anke issa jieħu ħsiebna meta nkunu qegħdin inbatu. Allura uża dak li jipprovdi Ġeħova biex jgħinek u kun ċert li hu jimpurtah minnek.—1 Pt. 5:7.
GĦANJA 7 Ġeħova, is-saħħa tagħna
a L-ismijiet ġew mibdulin.
b Ara l-kaxxa “ Int Importanti għal Ġeħova.”
c Biex “nirranġaw l-affarijiet” maʼ Ġeħova, irridu nuru li ndimna billi nitolbuh ħalli jaħfrilna u ma nibqgħux nagħmlu l-ħażin. Jekk nagħmlu dnub serju, irridu nsaqsu għall-għajnuna mingħand l-anzjani.—Ġak. 5:14, 15.
d Ara l-iskritturi li hemm taħt is-suġġetti “Ansjetà” u “Inkuraġġiment” fil-ktieb Skritturi li Jgħinuna Ngħixu Bħala Kristjani.