BIJOGRAFIJA
Ħadt Pjaċir Nitgħallem u Ngħallem Dwar Ġeħova
META kont qed nikber f’Easton, Pennsylvania, l-Istati Uniti, kelli mira li mmur l-università għax kont determinat li nsir persuna importanti. Kont nieħu pjaċir nitgħallem u kont tajjeb fil-maths u s-science. Fl-1956 organizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tatni 25 dollaru għax ġibt l-aħjar marki mill-istudenti suwed kollha. Iktar tard, il-mira tiegħi nbidlet. Għala?
KIF TGĦALLIMT DWAR ĠEĦOVA
Ftit wara l-1940, il-ġenituri tiegħi bdew jistudjaw il-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova. Huma waqfu jistudjaw, imma ommi baqgħet tirċievi t-Torri tal-Għassa u Stenbaħ! Fl-1950 kien hemm konvenzjoni internazzjonali fi New York, u jien u l-familja morna.
Ftit wara, Ħuna Lawrence Jeffries beda jiġi d-dar biex jgħinni nitgħallem il-verità. Għall-ewwel ma kontx naqbel miegħu li x-Xhieda taʼ Ġeħova ma jiħdux sehem fil-politika u ma jidħlux fl-armata. Jien għedtlu li jekk ħadd fl-Amerika ma jmur jiġġieled fil-gwerra, taʼ kontrina jistgħu jidħlu fil-pajjiż u jibdew jikkontrollawna. Ħuna Jeffries bil-paċenzja kollha qalli: “Kieku n-nies kollha li jgħixu l-Amerika jaqdu lil Ġeħova u l-għadu jiġi jattakkahom, Alla x’se jagħmel?” B’dak li qalli dwar dan u affarijiet oħra għenni nifhem li kelli żball. Allura xtaqt nitgħallem iktar dwar il-verità.
Kont nagħmel sigħat naqra r-rivisti antiki taʼ It-Torri tal-Għassa u Stenbaħ! li ommi kienet tefgħet fil-kantina. Maż-żmien indunajt li qed nitgħallem il-verità, allura aċċettajt li nistudja l-Bibbja maʼ Ħuna Jeffries. Wara bdejt immur il-laqgħat b’mod regulari. Bdejt nieħu pjaċir ħafna b’dak li kont qed nitgħallem, u sirt pubblikatur. Meta fhimt li ‘l-jum il-kbir taʼ Ġeħova kien fil-qrib,’ il-miri tiegħi nbidlu. (Sof. 1:14) Ma bqajtx nixtieq immur l-università, imma minflok ridt ngħin lil oħrajn jitgħallmu l-Bibbja.
Fit-13 taʼ Ġunju 1956 spiċċajt mill-iskola sekondarja, u tlett ijiem wara tgħammidt f’assemblea tas-circuit. Dak iż-żmien ma kontx naf li Ġeħova se jberikni daqshekk talli
għażilt li nuża ħajti biex nitgħallem u ngħallem lil oħrajn dwaru.NITGĦALLEM U NGĦALLEM DWAR ĠEĦOVA BĦALA PIJUNIER
Sitt xhur wara li tgħammidt sirt pijunier regulari. Fil-Ministeru tas-Saltna taʼ Diċembru 1956 kien hemm l-artiklu “Tistaʼ Taqdi Fejn Hemm Iktar Bżonn?” Jiena stajt u xtaqt immur ngħin fejn kien hemm ftit aħwa jippritkaw l-aħbar tajba.—Mt. 24:14.
Jien mort noqgħod Edgefield, South Carolina. Fil-kongregazzjoni konna ħames pubblikaturi biss. Il-laqgħat konna nagħmluhom fid-dar taʼ ħu. Kull xahar kont nagħmel 100 siegħa fuq is-service. Kelli ħafna x’nagħmel għax kont nipprova nkun t’eżempju tajjeb għall-aħwa u kont nagħti t-taħditiet fil-laqgħat. Iżjed ma bdejt naħdem fil-kongregazzjoni, iktar bdejt nitgħallem dwar Ġeħova.
Mara li kont nistudja l-Bibbja magħha kellha ħanut tat-twiebet f’Johnston, raħal ftit ’il bogħod. Jien bdejt naħdem magħha part-time, u hi ħallietna nużaw post żgħir bħala Sala tas-Saltna.
Ħuna Jolly Jeffries, it-tifel tal-ħu li kont studjajt miegħu, ġie minn Brooklyn, New York, u bdejna naħdmu flimkien bħala pijunieri. Aħna konna noqogħdu f’karavan żgħir li sellfilna ħu.
Hemmhekk il-pagi kienu baxxi. F’ġurnata konna naqilgħu żewġ dollari jew tlieta. Darba, użajt l-aħħar ftit flus li kelli biex nixtri xi ikel. Xħin ħriġt mill-ħanut, ġie raġel fuqi u staqsieni: “Għandek bżonn xogħol? Intik dollaru fis-siegħa.” Għamilt tlett ijiem innaddaf f’post fejn kienu qed jibnu. Kont ċert li Ġeħova kien qed jgħinni biex nibqaʼ Edgefield. Avolja ma kontx naqlaʼ ħafna flus, fl-1958 xorta stajt immur il-konvenzjoni internazzjonali fi New York.
Fit-tieni ġurnata tal-konvenzjoni ġrat xi ħaġa sabiħa. Iltqajt maʼ Ruby Wadlington, li kienet pijuniera regulari f’Gallatin, Tennessee. Aħna t-tnejn xtaqna nkunu missjunarji, allura morna l-laqgħa taʼ Gilegħad f’dik il-konvenzjoni. Iktar tard, bdejna nibagħtu l-ittri lil xulxin. Imbagħad stidnuni biex nagħti taħdita pubblika f’Gallatin. Hemmhekk staqsejtha biex tiżżewwiġni. Jien bdejt immur fil-kongregazzjoni taʼ Ruby u żżewwiġna fl-1959.
NITGĦALLEM U NGĦALLEM DWAR ĠEĦOVA FIL-KONGREGAZZJONI
Meta kelli 23 sena sirt il-qaddej tal-kongregazzjoni (illum hu l-koordinatur tal-ġemgħa tal-anzjani) f’Gallatin. Aħna konna l-ewwel kongregazzjoni li Charles Thompson żar meta sar indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet. Hu kellu ħafna esperjenza, imma xorta kien isaqsi għall-opinjoni tiegħi dwar x’kellhom bżonn l-aħwa u kif indokraturi li
jżuru l-kongregazzjonijiet oħra ħadu ħsieb il-kongregazzjoni. Hu għallimni kemm hu importanti li ssaqsi mistoqsijiet u tkun taf il-fatti kollha qabel tieħu deċiżjoni.F’Mejju tal-1964 ġejt mistieden għall-Iskola tal-Ministeru tas-Saltna f’South Lansing, New York. L-iskola damet xahar. L-aħwa li kienu qed jgħallmuna għenuni nkun irrid nitgħallem iżjed dwar Ġeħova u nersaq qrib tiegħu.
NITGĦALLEM U NGĦALLEM DWAR ĠEĦOVA FIX-XOGĦOL TAS-CIRCUIT U D-DISTRETT
Jien u Ruby ġejna mistidnin biex nibdew nagħmlu x-xogħol tas-circuit f’Jannar tal-1965. Ġejna assenjati f’circuit kbir ħafna, minn Knoxville, Tennessee, sa kważi Richmond, Virginia. Kien jinkludi wkoll il-kongregazzjonijiet f’North Carolina, Kentucky, u West Virginia. Jiena kont inżur biss il-kongregazzjonijiet tal-aħwa suwed għax il-liġi fin-naħa t’isfel tal-Istati Uniti ma kinitx tħalli lin-nies suwed jattendu l-laqgħat man-nies bojod. L-aħwa kienu foqra u aħna tgħallimna naqsmu dak li kellna maʼ dawk li kienu fil-bżonn. Ħu li kien ilu jaqdi bħala indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet għallimni lezzjoni importanti ħafna: “Qatt iżżur kongregazzjoni u tqis lilek innifsek bħala l-imgħallem tal-aħwa. Tistaʼ tgħinhom biss jekk huma jqisuk bħala ħuhom.”
Waqt li konna qed inżuru kongregazzjoni żgħira, Ruby bdiet studju tal-Bibbja maʼ mara żagħżugħa li kellha tifla taʼ sena. Meta ma kien hemm ħadd fil-kongregazzjoni li setaʼ jagħmel l-istudju magħha, Ruby kompliet tagħmel l-istudju bl-ittri. Meta rġajna żorna dik il-kongregazzjoni, din il-mara attendiet kull laqgħa. Meta żewġ aħwa pijunieri speċjali marru fil-kongregazzjoni, hi kompliet tistudja magħhom, u ftit wara tgħammdet. Fl-1995, kważi 30 sena wara, fil-Betel taʼ Patterson, oħt żagħżugħa bdiet titkellem maʼ Ruby. Din kienet it-tifla taʼ dik il-mara li kienet tistudja maʼ Ruby. Hi u r-raġel tagħha kienu studenti tal-100 klassi tal-Iskola taʼ Gilegħad.
It-tieni circuit li kellna nagħmlu kien fiċ-ċentru taʼ Florida. Kellna bżonn karozza u għalhekk xtrajna waħda bi prezz tajjeb ħafna. Imma fl-ewwel ġimgħa marritilha xi ħaġa mill-magna. Ma kellniex flus biex nirranġawha. Jien ċempilt lil ħu li forsi setaʼ jgħinna. Il-ħu qal lil wieħed li kien jaħdem miegħu biex jirranġalna l-karozza, u hu ma ħadilniex flus tal-ispejjeż. Il-ħu qalilna, “Ma rridx niħdilkom flus.” Barra minn hekk, tana xi ħaġa tal-flus bħala rigal! Dan kien eżempju sabiħ taʼ kif Ġeħova jieħu ħsieb il-qaddejja tiegħu. Dan fakkarna biex inkunu ġenerużi maʼ oħrajn.
Kull meta konna nżuru kongregazzjoni, konna noqogħdu fid-djar tal-aħwa. B’hekk, għamilna ħafna ħbieb. Darba waħda ħallejt ir-rapport li kont qed nikteb dwar il-kongregazzjoni fit-typewriter. Meta mort lura filgħaxija, sirt naf li t-tifel taʼ tliet snin li kellhom il-familja li konna qed noqogħdu magħhom beda jagħfas il-buttuni u “għenni” biex nispiċċa dan ir-rapport. Biex niċċajta bqajt insemmihielu għal ħafna snin.
Fl-1971 ġejt assenjat biex naqdi bħala indokratur tad-distrett fi New York City. Din ma konniex qed nistennewha! Kelli 34 sena meta morna noqogħdu hemm. Jien kont l-ewwel indokratur tad-distrett iswed hemmhekk, u l-aħwa vera laqgħuni.
Bħala indokratur tad-distrett, kull weekend kont nieħu pjaċir ngħallem dwar Ġeħova f’xi assemblea tas-circuit. Ħafna mill-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet kellhom iżjed esperjenza minni. Wieħed minnhom kien ta t-taħdita tal-magħmudija tiegħi. Ħu ieħor, Theodore Jaracz, iktar tard sar membru tal-Ġemgħa li Tiggverna. U kien hemm ħafna aħwa t’esperjenza jaqdu fil-Betel taʼ Brooklyn. Vera apprezzajt li l-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet u l-Beteliti għenuni nħossni komdu. Stajt nara li dawn ir-ragħajja kienu jħobbu lill-aħwa, jistrieħu fuq il-Kelma t’Alla, u jgħinu l-organizzazzjoni.
L-umiltà tagħhom għamlithieli faċli biex naqdi bħala indokratur tad-distrett.NERĠAʼ NAGĦMEL IX-XOGĦOL TAS-CIRCUIT
Fl-1974, il-Ġemgħa li Tiggverna bagħtet indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet biex jagħmlu x-xogħol tad-distrett. Jien erġajt sirt indokratur li jżur l-kongregazzjonijiet f’South Carolina. Sa dak iż-żmien, l-aħwa bojod u suwed setgħu jiltaqgħu flimkien fil-kongregazzjonijiet, u huma kienu ferħanin ħafna.
Fl-aħħar tal-1976 bagħtuni f’circuit f’Georgia, bejn Atlanta u Columbus. Għadni niftakar nagħti t-taħdita tal-funeral taʼ ħamest itfal suwed li mietu minħabba li xi ħadd ħarqilhom id-dar. L-omm weġġgħet ukoll u kellha tmur l-isptar. Ħafna aħwa bojod u suwed ma waqfux imorru l-isptar biex jarawhom u jinkuraġġuhom. Stajt nara li l-aħwa vera jħobbu lil xulxin. Meta l-qaddejja taʼ Ġeħova jħossu għal xulxin, ikunu jistgħu jissaportu kull prova.
NITGĦALLEM U NGĦALLEM DWAR ĠEĦOVA F’BETEL
Fl-1977 ġejna mistidnin għal ftit xhur fil-Betel taʼ Brooklyn biex ngħinu fi proġett. Meta l-proġett kien kważi lest, żewġ membri mill-Ġemgħa li Tiggverna saqsewni jekk jien u Ruby xtaqniex nibqgħu Betel. Aħna aċċettajna.
Għal 24 sena ħdimt fid-Dipartiment tas-Servizz. Hemmhekk l-aħwa spiss jgħinu billi jwieġbu mistoqsijiet diffiċli. Matul is-snin, il-Ġemgħa li Tiggverna baqgħet tagħtina għajnuna li taqbel mal-prinċipji tal-Bibbja. Din tgħin lid-Dipartiment tas-Servizz biex iwieġbu l-mistoqsijiet, u tgħin ukoll fit-trejning għall-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet, anzjani, u pijunieri. Dan it-trejning għen lil ħafna aħwa biex isiru Kristjani iktar maturi. B’hekk, l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova hi iktar b’saħħitha.
Mill-1995 sal-2018, jien żort ħafna uffiċċji tal-fergħa għax kont rappreżentant tal-kwartieri ġenerali, li qabel kienu jgħidulu indokratur li jżur il-fergħat. Kont niltaqaʼ mal-Kumitati tal-Fergħa, il-Beteliti, u l-missjunarji biex ninkuraġġihom u ngħinhom jekk ikollhom xi problemi. L-esperjenzi li kienu jaqsmu magħna l-aħwa dejjem inkuraġġewna. Pereżempju fis-sena 2000 morna r-Rwanda. Vera messilna qalbna meta smajna minn xiex għaddew l-aħwa u l-Beteliti fl-1994 minħabba li nqatlu ħafna nies fil-pajjiż. Ħafna kienu tilfu lil xi ħadd li kienu jħobbu. Avolja batew ħafna, huma wrew fidi, kellhom it-tama, u kienu ferħanin.
Issa qbiżna t-80. Għal dawn l-aħħar 20 sena qdejt fil-Kumitat tal-Fergħa tal-Istati Uniti. Jien qatt ma mort l-università, imma kelli l-aħjar edukazzjoni minn Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu. Dan għenni biex ngħallem lil oħrajn veritajiet mill-Bibbja li se jgħinuhom għal dejjem. (2 Kor. 3:5; 2 Tim. 2:2) Jien rajt kif il-Bibbja għenet lin-nies ikollhom ħajja aħjar u jkollhom ħbiberija maʼ Ġeħova. (Ġak. 4:8) Kull meta nistgħu, jien u Ruby ninkuraġġixxu lil oħrajn biex japprezzaw il-privileġġ li jitgħallmu dwar Ġeħova u jgħallmu lil oħrajn dwaru. Dan hu l-isbaħ privileġġ li jistaʼ jkollu xi ħadd li jaqdi lil Ġeħova!