Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 37

Afda lill-​Aħwa

Afda lill-​Aħwa

“L-​imħabba . . . kollox temmen, kollox tittama.” —1 KOR. 13:4, 7.

GĦANJA 124 Dejjem leali

ĦARSA BIL-​QUDDIEM a

1. Għala mhix taʼ sorpriża għalina li n-​nies ma jafdawx lil xulxin?

 ILLUM in-​nies fid-​dinja ma jafux lil min jaqbdu jafdaw. Huma ddiżappuntati minn dak li jagħmlu n-​negozjanti, il-​politikanti, u l-​mexxejja reliġjużi. Ħafna jħossu li ma jistgħux jafdaw lill-​ħbieb, lill-​ġirien, u anki membri tal-​familja. Aħna m’aħniex sorpriżi b’dan. Il-​Bibbja qalet: ‘Fl-​aħħar jiem in-​nies ikunu żleali, kalunnjaturi, u tradituri.’ Dan ifisser li n-​nies ikunu bħal Satana, l-​alla taʼ din id-​dinja, li ħadd ma jistaʼ jafdah.—2 Tim. 3:1-​4; 2 Kor. 4:4.

2. (a) Lil min aħna ċerti li nistgħu nafdaw? (b) Xi wħud x’jistgħu jiddubitaw?

2 Bħala Kristjani, aħna nafu li nistgħu nafdaw kompletament lil Ġeħova. (Ġer. 17:7, 8) Aħna ċerti li hu jħobbna u qatt ma jitlaq lill-​ħbieb tiegħu. (Salm 9:10) Aħna nistgħu nafdaw ukoll lil Kristu Ġesù għax hu ta ħajtu għalina. (1 Pt. 3:18) U minn dak li għaddejna minnu tgħallimna li l-​Bibbja hi taʼ min joqgħod fuqha. (2 Tim. 3:16, 17) Aħna ċerti li nistgħu nafdaw lil Ġeħova, Ġesù, u l-​Bibbja. Imma xi wħud jiddubitaw jekk jistgħux jafdaw dejjem lill-​aħwa tal-​kongregazzjoni. Għala nistgħu nafdawhom?

GĦANDNA BŻONN LIL ĦUTNA

Madwar id-​dinja għandna aħwa li jħobbu lil Ġeħova bħalna u li nistgħu nafdawhom (Ara paragrafu 3)

3. Xi privileġġ kbir għandna? (Marku 10:29, 30)

3 Ġeħova għażilna biex inkunu parti mill-​familja tiegħu. Dan il-​privileġġ kbir iġibilna ħafna barkiet! (Aqra Marku 10:29, 30.) L-​aħwa madwar id-​dinja jħobbu lil Ġeħova bħalna, u huma jagħmlu l-​aħjar tagħhom biex japplikaw il-​prinċipji tal-​Bibbja f’ħajjithom. Il-​lingwa, il-​kultura, u kif nilbsu jaf ikunu differenti minn tagħhom. Imma meta niltaqgħu magħhom inħossuna qisna ilna nafuhom, minkejja li tkun l-​ewwel darba. Aħna nieħdu pjaċir inkunu magħhom speċjalment biex naqdu lil Ġeħova u nfaħħruh.—Salm 133:1.

4. Għala għandna bżonn lil ħutna?

4 Għandna bżonn nibqgħu magħqudin maʼ ħutna iktar minn qatt qabel. Kultant huma jistgħu jgħinuna fil-​problemi tagħna. (Rum. 15:1; Gal. 6:2) Huma jinkuraġġuna biex nibqgħu naqdu lil Ġeħova u jgħinuna nibqgħu b’saħħitna spiritwalment. (1 Tess. 5:11; Ebr. 10:23-​25) Immaġina kieku m’għandniex il-​protezzjoni mill-​kongregazzjoni biex tgħinna nżommu sod kontra l-​għedewwa tagħna, jiġifieri Satana x-​Xitan u d-​dinja ħażina tiegħu! Satana u n-​nies li jikkontrolla dalwaqt se jattakkaw il-​poplu taʼ Ġeħova. Immaġina kemm se napprezzaw l-​għajnuna tal-​aħwa matul dak iż-​żmien!

5. Għala jistaʼ jkun diffiċli għal xi wħud biex jafdaw lill-​aħwa?

5 Xi wħud jaf isibuha diffiċli biex jafdaw lill-​aħwa. Dan jistaʼ jkun minħabba li xi ħadd forsi qal xi ħaġa kunfidenzjali lil xi ħadd ieħor jew ma żammx kelmtu. Jew forsi xi ħadd fil-​kongregazzjoni qal jew għamel xi ħaġa li weġġgħethom. Meta jiġri hekk, jistaʼ jkun li nsibuha diffiċli biex nafdaw lil oħrajn. Allura x’jistaʼ jgħinna biex nerġgħu nibdew nafdaw lil ħutna?

L-​IMĦABBA GĦAL ĦUTNA TGĦINNA NAFDAWHOM IŻJED

6. L-​imħabba kif tgħinna nafdaw iżjed? (1 Korintin 13:4-​8)

6 L-​imħabba tgħinna nafdaw iktar. L-​1 Korintin kapitlu 13 isemmi ħafna modi kif l-​imħabba tistaʼ tgħinna nafdaw iktar jew kif nerġgħu nibdew nafdaw lil oħrajn. (Aqra l-1 Korintin 13:4-​8.) Pereżempju, vers 4 jgħid: “L-​imħabba tistabar fit-​tul u qalbha tajba.” Ġeħova hu paċenzjuż magħna anki meta nweġġgħuh. Għalhekk, aħna wkoll għandna nkunu paċenzjużi maʼ ħutna jekk huma jgħidu jew jagħmlu affarijiet li jweġġgħuna. Vers 5 jkompli: “[L-​imħabba] ma tiġix provokata. Ma żżommx kont tal-​ħsara.” Dan ifisser li ma niftakrux in-​nuqqasijiet taʼ ħutna. Ekkleżjasti 7:9 jgħid li m’għandniex ngħaġġlu biex nieħdu għalina. Mela kemm hu aħjar li napplikaw Efesin 4:26 li jgħid: “Tħallux ix-​xemx tinżel waqt li tkunu għadkom inkorlati.”

7. Il-​prinċipji li nsibu f’​Mattew 7:1-​5 kif jgħinuna nafdaw iktar?

7 Aħna nistgħu nibdew nafdaw iktar lil ħutna billi narawhom kif jarahom Ġeħova. Ġeħova jħobbhom u ma jibqax jiftakar l-​iżbalji li jagħmlu. U aħna għandna nagħmlu l-​istess. (Salm 130:3) Minflok ma noqogħdu niffokaw fuq in-​nuqqasijiet tagħhom, għandna nipprovaw nagħmlu l-​aħjar tagħna biex niffokaw fuq il-​kwalitajiet tajbin tagħhom u naħsbu dwar l-​affarijiet tajbin li jistgħu jagħmlu. (Aqra Mattew 7:1-​5.) Aħna nafu li jixtiequ jagħmlu t-​tajjeb u qatt ma jridu jweġġgħuna, għax l-​imħabba “kollox temmen.” (1 Kor. 13:7) Dan ma jfissirx li Ġeħova jistenna li nafdaw lil oħrajn b’għajnejna magħluqa, imma jistenna li nafdawhom għax urew li huma taʼ min jafdahom. b

8. Kif tistaʼ tafda lill-​aħwa?

8 Jieħu ż-​żmien biex tibda tafda lil xi ħadd. X’tistaʼ tagħmel biex tafda lill-​aħwa? Ipprova sir afhom sew billi titkellem magħhom fil-​laqgħat jew tipprietka magħhom. Kun paċenzjuż magħhom u tihom ċans juru li huma taʼ min jafdahom. Meta tibda ssir taf lil xi ħadd, forsi mhux ħa tgħidlu l-​affarijiet persunali kollha tiegħek mill-​ewwel. Imma meta ssir tafu aħjar forsi tħossok iktar komdu tiftaħ qalbek miegħu. (Lq. 16:10) Imma x’tistaʼ tagħmel jekk xi ħadd jagħmel xi ħaġa li biha ma tibqax tafdah? Tih ċans u taħsibx li ma tistax tafdah iktar. Tħallix lil xi ħadd iġiegħlek tieqaf tafda lill-​aħwa kollha. Issa se naraw xi eżempji taʼ qaddejja leali taʼ Ġeħova li baqgħu jafdaw lil oħrajn avolja xi nies iddiżappuntawhom.

TGĦALLEM MINN DAWK LI BAQGĦU JAFDAW LIL OĦRAJN

Minkejja dak li għamel Għeli, Ħanna baqgħet tafda lil Ġeħova u l-​irġiel li kien qed juża (Ara paragrafu 9)

9. (a) Ħanna kif baqgħet tafda lil Ġeħova minkejja n-​nuqqasijiet taʼ dawk responsabbli? (b) Dak li għaddiet minnu Ħanna x’jgħallimna? (Ara l-​istampa.)

9 Ġieli ħassejtek iddiżappuntat minħabba dak li għamel xi ħu responsabbli? Jekk iva, l-​eżempju taʼ Ħanna jistaʼ jgħinek. F’dak iż-​żmien, il-​qassis il-​kbir Għeli kien imexxi l-​qima taʼ Ġeħova f’Iżrael. Imma t-​tfal tiegħu ma kinux t’eżempju tajjeb. Dawn kienu qassisin imma bdew jagħmlu affarijiet immorali u tal-​mistħija. Għeli bilkemm ikkoreġihom. Imma għal xi żmien Ġeħova xorta ħalla lil Għeli jaqdi bħala l-​qassis il-​kbir u Ħanna xorta baqgħet tmur it-​tabernaklu. Meta Għeli ra lil Ħanna tibki waqt li kienet qed titlob ħasibha fis-​sakra. Hu ġġudikaha mingħajr ma kien jaf il-​fatti meta hi kienet imdejqa ħafna. (1 Sam. 1:12-​16) Minkejja dan, Ħanna wiegħdet lil Ġeħova li jekk ikollha tifel hi kienet se tagħtih lilu biex jaqdih fit-​tempju fejn Għeli kien se jieħu ħsiebu. (1 Sam. 1:11) It-​tfal taʼ Għeli kellhom bżonn min jikkoreġihom? Iva, u maż-​żmien Ġeħova kkastigahom. (1 Sam. 4:17) Sadanittant, Alla bierek lil Ħanna u kellha tifel, lil Samwel.—1 Sam. 1:17-​20.

10. Ir-​Re David kif baqaʼ jafda lil oħrajn minkejja li xi nies iddiżappuntawh?

10 Ġieli fdajt ħabib tal-​qalb u mbagħad wara ddispjaċiek? Jekk iva, aħseb xi ġralu r-​Re David. Hu kellu ħabib jismu Aħitofel. Meta Absalom ipprova jsir re flok missieru David, Aħitofel issapportja lil Absalom. Min jaf kemm iddispjaċieh David meta t-​tifel u l-​ħabib tal-​qalb tiegħu daru kontrih! Imma David ma ħalliex dan iwaqqfu milli jafda lil oħrajn. Hu baqaʼ jafda lil ħabib ieħor, Ħusaj, li ma darx kontrih. David kellu raġun jibqaʼ jafdah. Ħusaj kien lest li jmut biex jgħin lil David, u dan wera li kien ħabib tajjeb.—2 Sam. 17:1-​16.

11. Wieħed mill-​qaddejja taʼ Nabal kif wera li kien jafda lil oħrajn?

11 Aħseb ukoll fl-​eżempju taʼ wieħed mill-​qaddejja taʼ Nabal. David u l-​irġiel taʼ miegħu kienu pproteġew lill-​qaddejja taʼ Nabal. Xi żmien wara, David saqsa lil Nabal, li kien sinjur, biex jagħti xi ikel lill-​irġiel li kienu miegħu. Imma Nabal ma riedx jgħinhom. David tant irrabja li ddeċieda li joqtol lill-​irġiel kollha fid-​dar taʼ Nabal. Wieħed mill-​qaddejja qal lill-​mara taʼ Nabal, Abigajl, x’kien se jiġri. Peress li kien joqgħod fid-​dar taʼ Nabal, hu kien jaf li Abigajl tistaʼ ssalvah. Hu kien ċert li hi setgħet tirranġa s-​sitwazzjoni għax in-​nies kienu jafu li hi mara intelliġenti, u għalhekk ma ħarabx. Minn dak li ġara wara naraw li kellu raġun jafda lil Abigajl. Hi kienet kuraġġuża u waqqfet lil David, għax kellha l-​fiduċja li David se jagħmel dak li hu tajjeb.—1 Sam. 25:2-​35.

12. Ġesù kif wera li jafda d-​dixxipli tiegħu avolja kien jaf li kienu jiżbaljaw?

12 Ġesù kien jafdahom lid-​dixxipli tiegħu avolja kienu jiżbaljaw. (Ġw. 15:15, 16) Meta Ġakbu u Ġwanni saqsewh għal post speċjali fis-​Saltna, hu ma ddubitax għala kienu qed jaqdu lil Ġeħova u ma neħħihomx minn appostli. (Mk. 10:35-​40) Iktar tard, meta Ġesù ġie arrestat, id-​dixxipli kollha tiegħu ħallewh waħdu. (Mt. 26:56) Imma Ġesù xorta baqaʼ jafdahom. Minkejja li kien jaf bin-​nuqqasijiet tagħhom, hu xorta “baqaʼ jħobbhom sa l-​aħħar.” (Ġw. 13:1) Wara li Ġesù ġie rxoxtat, hu ta lill-​11-​il appostlu leali tiegħu responsabbiltà importanti, li jieħdu t-​tmexxija fix-​xogħol tal-​ippritkar u jieħdu ħsieb in-​nagħaġ prezzjużi tiegħu. (Mt. 28:19, 20; Ġw. 21:15-​17) Hu kellu raġun jafda lil dawn l-​irġiel imperfetti. Dawn l-​appostli baqgħu leali sa ma mietu. Żgur li Ħanna, David, il-​qaddej taʼ Nabal, Abigajl, u Ġesù huma eżempju tajjeb għalina biex nafdaw lil nies imperfetti.

KIF NISTGĦU NERĠGĦU NAFDAW LILL-​AĦWA

13. Għala jistaʼ jkun diffiċli li nafdaw lil oħrajn?

13 Ġieli ftaħt qalbek ma’ xi ħadd u mbagħad sirt taf li tkellem ma’ xi ħadd ieħor dwar dak li għedtlu? Din tistaʼ tkun sitwazzjoni tad-​dwejjaq. Darba, oħt qalet xi ħaġa persunali lil anzjan għax ħasbet li setgħet tafdah. L-​għada, il-​mara tal-​anzjan ċemplitilha biex tinkuraġġiha, u b’hekk l-​oħt indunat li l-​anzjan tkellem mal-​mara tiegħu. Bla dubju, l-​oħt sabitha diffiċli biex tibqaʼ tafda lill-​anzjan. Imma hi għamlet l-​aħjar ħaġa billi fittxet l-​għajnuna. Hi tkellmet m’anzjan ieħor u dan għenha biex terġaʼ tibda tafda lill-​anzjani.

14. X’għen lil ħu jerġaʼ jafda lill-​anzjani?

14 Għal ħafna żmien, ħu ħassu ddiżappuntat minħabba żewġ anzjani, u sabha diffiċli biex jafdahom. Imma hu beda jaħseb dwar xi ħaġa importanti li qal ħu li kien jirrispetta ħafna. Dan il-​ħu qal: “L-​għadu tagħna hu x-​Xitan mhux l-​aħwa.” Hu ħaseb sew dwar dan u x’għandu jagħmel. Wara li talab lil Ġeħova għall-​għajnuna, reġaʼ għamel ħbieb maż-​żewġ anzjani.

15. Għala jistaʼ jieħu ż-​żmien biex terġaʼ tafda lil xi ħadd? Agħti eżempju.

15 Ġieli kellek xi privileġġ u tliftu? Jekk ġralek hekk, żgur li ddispjaċiek ħafna. Grete u ommha baqgħu leali meta l-​gvern Nazista kien imexxi l-​Ġermanja u x-​xogħol tagħna ma setax isir. Grete kellha l-​privileġġ sabiħ li tittajpja kopji tat-​Torri tal-​Għassa għall-​aħwa. Imma missierha kien kontra l-​verità. Meta l-​aħwa saru jafu ma ħallewhiex tkompli, għax bdew jibżgħu li missierha se jagħti informazzjoni dwar il-​kongregazzjoni lil dawk taʼ kontrihom. Grete ma kellhiex din il-​problema biss. Matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, l-​aħwa ma kinux jafdaw lilha u lil ommha bir-​rivisti, u meta kienu jiltaqgħu magħhom fit-​triq ma kinux ikellmuhom. Min jaf kemm ħassitha mweġġgħa! Hi damet ħafna biex ħafritilhom u terġaʼ tibda tafdahom. Imma maż-​żmien fehmet li Ġeħova kien ħafrilhom, allura anki hi kellha tagħmel hekk. c

“L-​għadu tagħna hu x-​Xitan mhux l-​aħwa”

16. Għala rridu naħdmu iebes biex nafdaw lill-​aħwa?

16 Jekk kellek xi esperjenza bħal din, aħdem biex terġaʼ tibda tafda lill-​aħwa. Dan se jieħu ż-​żmien imma żgur li l-​isforzi tiegħek se jkunu worth it. Biex inġibu eżempju, jekk tiekol xi ħaġa u tagħmillek id-​deni, wara se toqgħod iktar attent x’tiekol. Imma dan mhux se jwaqqfek milli tiekol. B’mod simili, m’għandniex inħallu esperjenza ħażina ttellfilna l-​fiduċja fl-​aħwa kollha li nafu li huma imperfetti. Meta nerġgħu nibdew nafdaw lill-​aħwa, se nkunu iktar ferħanin u se nkunu nistgħu ngħinu iżjed biex l-​aħwa fil-​kongregazzjoni jafdaw lil xulxin.

17. Għala hu importanti li nafdaw lil xulxin, u x’se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

17 Fid-​dinja taʼ Satana, in-​nies ma jafdawx lil xulxin. Imma aħna nistgħu nafdaw lill-​aħwa għax inħobbu lil xulxin. Dan jgħinna biex inkunu ferħanin u magħqudin issa. U se jipproteġina meta niffaċċjaw il-​problemi fil-​futur. X’għandek tagħmel jekk xi ħadd iddiżappuntak u m’għadekx tafdah? Ipprova ifhem kif Ġeħova jaħsibha dwar is-​sitwazzjoni, applika l-​prinċipji tal-​Bibbja, ħobb iktar lill-​aħwa, u tgħallem mill-​eżempji tal-​Bibbja. Aħna nistgħu nerġgħu nibdew nafdaw lil oħrajn u ma nibqgħux inħossuna diżappuntati. Imbagħad se jkollok ħafna ħbieb tal-​qalb. (Prov. 18:24) Imma mhux biżżejjed li aħna nafdaw lil oħrajn. Huma jridu jkunu jafu li jistgħu jafdaw lilna wkoll. Fl-​artiklu li jmiss se niddiskutu kif nistgħu nuru li aħna taʼ min jafdana.

GĦANJA 99 Mirjadi t’aħwa

a Aħna għandna nafdaw lill-​aħwa. Imma minħabba li xi kultant jonqsuna mhux dejjem faċli. F’dan l-​artiklu se naraw xi prinċipji tal-​Bibbja li nistgħu napplikaw u xi eżempji tal-​qaddejja tal-​passat li nistgħu nimmeditaw fuqhom. Dan se jgħinna nafdaw iktar lil ħutna jew nerġgħu nafdawhom jekk huma ddiżappuntawna.

b Il-​Bibbja twissina li xi wħud fil-​kongregazzjoni jistaʼ jkun li mhumiex taʼ min jafdahom. (Ġuda 4) F’każijiet rari, aħwa foloz jistgħu jfixklu lil oħrajn billi “jitkellmu affarijiet mgħawġin.” (Atti 20:30) Aħna nagħżlu li ma nafdawx jew ma nisimgħux lil dawn l-​uħud.

c Biex taqra l-​esperjenza taʼ Grete, ara n-​1974 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, pp. 129-​131.