Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 40

“Iwasslu lill-​Ħafna Lejn is-​Sewwa”

“Iwasslu lill-​Ħafna Lejn is-​Sewwa”

“Dawk li qed iwasslu lill-​ħafna lejn is-​sewwa [se jiddu] bħall-​kwiekeb għal żmien indefinit, iva, għal dejjem.” —DAN. 12:3.

GĦANJA 151 Isejjaħ hu

ĦARSA BIL-​QUDDIEM a

1. Liema affarijiet sbieħ se jiġru waqt l-​elf sena meta Kristu jkun qed imexxi?

 KEMM se jkun żmien sabiħ meta n-​nies li mietu jiġu rxoxtati hawn fuq l-​art matul l-​elf sena meta Kristu jkun qed imexxi! Dawk li tilfu l-​maħbubin tagħhom iħarsu ’l quddiem biex jerġgħu jarawhom, u anki Ġeħova. (Ġob 14:15) Immaġina x’ferħ se jkun hawn madwar id-​dinja! Kif rajna fl-​artiklu taʼ qabel, “in-​nies sewwa,” dawk li isimhom hu miktub fil-​ktieb tal-​ħajja, se jkollhom “irxoxt taʼ ħajja.” (Atti 24:15; Ġw. 5:29) Jistaʼ jkun li ħafna mill-​maħbubin tagħna se jiġu rxoxtati ftit wara Armageddon. b Anki n-​nies li “m’humiex sewwa,” bħal dawk li ma kellhomx l-​opportunità li jsiru jafu lil Ġeħova jew jaqduh qabel mietu, se jkollhom “irxoxt taʼ ġudizzju.”

2-3. (a) Skont Isaija 11:9, 10, in-​nies x’se jitgħallmu mill-​ikbar xogħol taʼ tagħlim? (b) X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

2 In-​nies kollha li se jiġu rxoxtati se jkollhom jiġu mgħallmin. (Is. 26:9; 61:11) Allura se jkun hemm bżonn isir l-​ikbar xogħol taʼ tagħlim li qatt sar. (Aqra Isaija 11:9, 10.) Għala? Għax in-​nies li mhumiex sewwa li se jiġu rxoxtati se jkollhom bżonn jitgħallmu dwar Ġesù Kristu, is-​Saltna t’Alla, is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, l-​importanza tal-​isem taʼ Ġeħova, u għala hu biss għandu d-​dritt li jmexxi. Anki n-​nies sewwa se jkollhom bżonn jitgħallmu dwar kif Ġeħova wriena l-​iskop tiegħu għall-​art. Xi wħud mill-​qaddejja taʼ Ġeħova laħqu mietu qabel ma tlestiet il-​Bibbja. Mela kemm in-​nies li mhumiex sewwa u anki dawk li huma sewwa se jkollhom ħafna x’jitgħallmu.

3 F’dan l-​artiklu se niddiskutu dawn il-​mistoqsijiet: Kif se jsir dan ix-​xogħol kbir taʼ tagħlim? Il-​mod kif in-​nies se jwieġbu għal dan ix-​xogħol, kif se jeffettwa jekk isimhom jinkitibx għal dejjem fil-​ktieb tal-​ħajja? It-​tweġibiet huma importanti għalina. Bħalma se naraw, xi profeziji fil-​kotba taʼ Danjel u tar-​Rivelazzjoni se jgħinuna nifhmu aħjar x’se jiġri meta l-​mejtin jiġu rxoxtati. L-​ewwel se naraw il-​profezija eċitanti f’​Danjel 12:1, 2.

‘DAWK REQDIN FIT-​TRAB SE JISTENBĦU’

4-5. Danjel 12:1 x’jurina dwar iż-​żminijiet tal-​aħħar?

4 Aqra Danjel 12:1. Il-​ktieb taʼ Danjel jurina kif xi affarijiet se jiġru wara xulxin fl-​aħħar żminijiet. Pereżempju, Danjel 12:1 jurina li Mikiel, li hu Ġesù Kristu, hu ‘wieqaf għan-​nom tal-​poplu t’Alla.’ Din il-​parti tal-​profezija bdiet issir fl-​1914 meta Ġesù sar ir-​Re tas-​Saltna t’Alla fis-​sema.

5 Imma Danjel sar jaf ukoll li Ġesù kellu “jqum” fi “żmien taʼ niket li bħalu qatt ma seħħ mindu kien hemm ġens sa dak iż-​żmien.” Iż-​“żmien taʼ niket” hu t-​“tribulazzjoni kbira” li jsemmi Mattew 24:21. Fl-​aħħar taż-​żmien taʼ niket, fi kliem ieħor f’Armageddon, Ġesù jqum. Dan ifisser li hu se jiddefendi n-​nies t’Alla. Il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni juri li dawn in-​nies huma l-​folla l-​kbira li “ħarġu mit-​tribulazzjoni l-​kbira.”—Riv. 7:9, 14.

6. X’se jiġri wara li l-​folla l-​kbira ssalva mit-​tribulazzjoni l-​kbira? Spjega. (Ara wkoll “Mistoqsijiet mill-​Qarrejja” f’din il-​ħarġa dwar l-​irxoxt għall-​ħajja fuq l-​art.)

6 Aqra Danjel 12:2. X’se jiġri wara li l-​folla l-​kbira tibqaʼ ħajja wara t-​tribulazzjoni l-​kbira? Qabel konna naħsbu li Danjel 12:2 jitkellem dwar l-​irxoxt għas-​sema jew iż-​żieda fix-​xogħol tal-​ippritkar meta kważi ġie mwaqqaf minn dawk taʼ kontrina fl-​1918. c Però, issa nifhmu li dan il-​kliem jirreferi għall-​irxoxt li se jsir fid-​dinja l-​ġdida. Għala ngħidu hekk? Il-​kelma “fit-​trab” tintuża wkoll f’​Ġob 17:16 u tfisser “il-​Qabar.” Dan juri li Danjel 12:2 jirreferi għall-​irxoxt li se jsir wara l-​aħħar jiem u wara l-​gwerra taʼ Armageddon.

7. (a) Xi jfisser li se jkun hemm min jiġi rxoxtat “għall-​ħajja taʼ dejjem”? (b) Dan kif se jkun irxoxt aħjar?

7 Allura Danjel 12:2 xi jfisser meta jgħid li xi wħud se jirxoxtaw “għall-​ħajja taʼ dejjem”? Dan ifisser li matul l-​1,000 sena, dawk li se jiġu rxoxtati u jkomplu jitgħallmu dwar Ġeħova u jobdu lilu u lil Ġesù, fl-​aħħar se jirċievu l-​ħajja taʼ dejjem. (Ġw. 17:3) Dan se jkun “irxoxt aħjar” minn dak li ġara fil-​passat. (Ebr. 11:35) Għala? Għax dawk in-​nies li ġew irxoxtati fil-​passat reġgħu mietu.

8. Xi jfisser li se jkun hemm min jiġi rxoxtat “għall-​għajb u għall-​istmerrija taʼ dejjem”?

8 Imma mhux dawk kollha li se jiġu rxoxtati se jkunu jridu jitgħallmu minn Ġeħova. Il-​profezija taʼ Danjel tgħid li xi wħud se jiġu rxoxtati “għall-​għajb u għall-​istmerrija taʼ dejjem.” Minħabba li huma juru li ma jridux jobdu lil Ġeħova, isimhom mhux se jkun miktub fil-​ktieb tal-​ħajja u mhux se jkollhom il-​ħajja taʼ dejjem. Minflok, huma se jkollhom “l-​istmerrija taʼ dejjem,” jew qerda. Mela Danjel 12:2 qed jitkellem dwar x’se jiġri lil dawk li se jiġu rxoxtati skont dak li jagħmlu f’ħajjithom wara l-​irxoxt. d (Riv. 20:12) Dan ifisser li se jkun hemm min jieħu l-​ħajja taʼ dejjem u min le.

“IWASSLU LILL-​ĦAFNA LEJN IS-​SEWWA”

9-10. X’se jiġri iktar wara t-​tribulazzjoni l-​kbira, u min se ‘jiddi bħad-​dija tal-​firxa tas-​sema’?

9 Aqra Danjel 12:3. X’se jiġri iktar wara ż-​“żmien taʼ niket”? Barra dak li jsemmi Danjel 12:2, vers 3 jsemmi xi ħaġ’oħra li se tiġri wara t-​tribulazzjoni l-​kbira.

10 Min se ‘jiddi bħad-​dija tal-​firxa tas-​sema’? Mattew 13:43 jgħinna nkunu nafu għax jgħid: “F’dak iż-​żmien in-​nies sewwa jiddu bħax-​xemx fis-​saltna taʼ Missierhom.” Hawnhekk, Ġesù qed jitkellem dwar “ulied is-​saltna,” jiġifieri ħutu l-​midlukin, li se jmexxu miegħu fis-​Saltna tas-​sema. (Mt. 13:38) Mela Danjel 12:3 qed jirreferi għall-​midlukin u għax-​xogħol li se jagħmlu matul l-​elf sena.

Il-​144,000 se jaħdmu mill-​qrib maʼ Ġesù Kristu biex imexxu x-​xogħol taʼ tagħlim li se jsir matul l-​1,000 sena (Ara paragrafu 11)

11-12. Il-​144,000 liema xogħol se jagħmlu matul l-​1,000 sena?

11 Il-​midlukin kif se “jwasslu lill-​ħafna lejn is-​sewwa”? Il-​midlukin se jaħdmu mill-​qrib maʼ Ġesù Kristu biex imexxu x-​xogħol taʼ tagħlim li se jsir fuq l-​art matul l-​1,000 sena. Il-​144,000 mhux biss se jaqdu bħala rejiet imma wkoll bħala qassisin. (Riv. 1:6; 5:10; 20:6) Għalhekk, huma se jgħinu fil-​“fejqan tal-​ġnus,” jiġifieri jgħinu lill-​bnedmin jerġgħu jsiru perfetti. (Riv. 22:1, 2; Eżek. 47:12) Kemm se jieħdu pjaċir il-​midlukin!

12 Min se jkunu “l-​ħafna” li se jaslu għas-​sewwa? Se jkunu dawk li jiġu rxoxtati, kif ukoll dawk li jibqgħu ħajjin wara Armageddon u t-​tfal li jitwieldu fid-​dinja l-​ġdida. Fl-​aħħar tal-​1,000 sena, dawk kollha li jkunu qed jgħixu fuq l-​art se jsiru perfetti. Allura isimhom meta se jkun miktub fil-​ktieb tal-​ħajja għal dejjem bil-​biro u mhux bil-​lapes?

L-​AĦĦAR TEST

13-14. Il-​bnedmin perfetti kollha fuq l-​art xi jridu jagħmlu biex ikollhom il-​ħajja taʼ dejjem?

13 Ma rridux ninsew li billi xi ħadd ikun perfett ma jfissirx li bilfors se jkollu l-​ħajja taʼ dejjem. Aħseb f’Adam u Eva. Huma kienu perfetti, imma biex ikollhom il-​ħajja taʼ dejjem kellhom juru li huma lesti jobdu lil Ġeħova. B’dispjaċir, huma m’obdewhx.—Rum. 5:12.

14 Meta jispiċċaw l-​1,000 sena, dawk kollha li jkunu qed jgħixu fuq l-​art se jkunu saru perfetti. Dawn in-​nies perfetti kollha se jibqgħu jobdu lil Ġeħova għal dejjem? Jew se jagħmlu bħal Adam u Eva, li minkejja li kienu perfetti m’obdewhx? Ejja nsibu t-​tweġiba għal dawn il-​mistoqsijiet.

15-16. (a) In-​nies kollha meta se jkollhom l-​opportunità juru li huma leali lejn Ġeħova? (b) X’se jiġri wara l-​aħħar test?

15 Satana se jkun maqful għal 1,000 sena. Matul dak iż-​żmien mhux se jkun jistaʼ jfixkel lin-​nies. Meta jispiċċaw l-​1,000 sena, Satana se jinħeles. Imbagħad se jipprova jfixkel lin-​nies perfetti. Matul dak iż-​żmien, in-​nies perfetti kollha fuq l-​art se jkollhom l-​opportunità li juru jekk hux se jirrispettaw l-​isem t’Alla u jobdu t-​tmexxija tiegħu. (Riv. 20:7-​10) Dak li jagħmlu matul dan it-​test se juri jekk isimhom għandux ikun miktub fil-​ktieb tal-​ħajja għal dejjem.

16 Il-​Bibbja tgħidilna li xi nies se jagħmlu bħal Adam u Eva, billi ma jaċċettawx it-​tmexxija taʼ Ġeħova. X’se jiġrilhom? Rivelazzjoni 20:15 jgħidilna: “Kulmin ma nstabx miktub fil-​ktieb tal-​ħajja ġie mixħut fl-​għadira tan-​nar.” Dawk kollha li ma jobdux lil Alla se jinqerdu għal dejjem. Imma l-​maġġorparti tan-​nies se jgħaddu minn l-​aħħar test. B’hekk, isimhom se jkun miktub għal dejjem fil-​ktieb tal-​ħajja.

FIŻ-​‘ŻMIEN TAL-​AĦĦAR’

17. L-​anġlu x’qal lil Danjel li se jiġri fi żmienna? (Danjel 12:4, 8-​10)

17 Kemm hu eċitanti li naħsbu fuq x’se jiġri fil-​futur! Imma anġlu ta lil Danjel informazzjoni importanti dwar żmienna, “żmien it-​tmiem.” (Aqra Danjel 12:4, 8-​10; 2 Tim. 3:1-​5) L-​anġlu qal lil Danjel: “L-​għarfien veru jkun abbundanti.” Il-​poplu t’Alla se jkun jistaʼ jifhem iktar il-​profeziji li hemm fil-​ktieb taʼ Danjel. L-​anġlu kompla jgħid li matul dan iż-​żmien “il-​ħżiena jaġixxu bil-​ħażen, u assolutament ebda wieħed mill-​ħżiena ma jifhem.”

18. X’se jiġrilhom dalwaqt in-​nies ħżiena?

18 Illum forsi jidher li n-​nies ħżiena mhux qed jiġu kkastigati għal dak li qed jagħmlu. (Mal. 3:14, 15) Imma Ġesù dalwaqt se jiġġudika lill-​mogħoż, li huma n-​nies ħżiena, u jifridhom minn man-​nagħaġ, li huma n-​nies tajbin. (Mt. 25:31-​33) Dawn in-​nies ħżiena mhux se jgħaddu ħajjin mit-​tribulazzjoni l-​kbira, u mhux se jiġu rxoxtati fid-​dinja l-​ġdida. Isimhom mhux se jkun fi “ktieb it-​tifkira” li jissemma f’​Malakija 3:16.

19. X’għandna nagħmlu issa, u għala? (Malakija 3:16-​18)

19 Issa hu l-​waqt li bil-​mod kif ngħixu ħajjitna nuru li m’aħniex nies ħżiena. (Aqra Malakija 3:16-​18.) Ġeħova qed jiġbor lil dawk li huma “proprjetà speċjali,” jiġifieri dawk li huma prezzjużi għalih. Aħna żgur nixtiequ nkunu magħhom.

Kemm se jkun żmien sabiħ meta naraw lil Danjel, lill-​maħbubin tagħna, u lil ħafna oħrajn ‘iqumu’ biex jgħixu fid-​dinja l-​ġdida! (Ara paragrafu 20)

20. X’inhi l-​aħħar wegħda li Ġeħova għamel lil Danjel, u inti għala tħares ’il quddiem biex taraha ssir?

20 Aħna vera qed ngħixu fi żmien eċitanti. Imma dalwaqt se jiġru iktar affarijiet tal-​għaġeb. Se naraw il-​ħażen kollu jinqered. Imbagħad se naraw dak li Ġeħova wiegħed lil Danjel: “Tqum għal sehmek fi tmiem il-​jiem.” (Dan. 12:13) Tħares ’il quddiem għal dak iż-​żmien meta Danjel u dawk li tħobb jerġgħu jqumu? Jekk iva, agħmel l-​almu tiegħek biex tibqaʼ leali lejn Ġeħova, u tistaʼ tkun ċert li ismek se jibqaʼ miktub fil-​ktieb tal-​ħajja.

GĦANJA 80 “Duqu u araw li Ġeħova hu tajjeb”

a F’dan l-​artiklu se naraw kif issa qed nifhmu l-​iskrittura taʼ Danjel 12:2, 3 dwar ix-​xogħol kbir taʼ tagħlim li se jsir. Se naraw meta dan se jiġri u min se jieħu sehem fih. Se naraw ukoll kif dan ix-​xogħol taʼ tagħlim se jipprepara lin-​nies għall-​aħħar test fl-​aħħar tat-​Tmexxija taʼ Elf Sena taʼ Kristu.

b Jistaʼ jkun li l-​irxoxt jibda l-​ewwel minn uħud li mietu leali matul l-​aħħar jiem, imbagħad jiġu rxoxtati dawk li mietu qabilhom. Jekk isir hekk, kull ġenerazzjoni se jkollhom iċ-​ċans li jilqgħu lil dawk li kienu jafu huma stess. Ikun xi jkun il-​każ, il-​Bibbja tgħid li l-​midlukin se jiġu rxoxtati għas-​sema ‘skond kif imisshom,’ u x’aktarx li l-​irxoxt fuq l-​art se jiġri bl-​istess mod.—1 Kor. 14:33; 15:23.

c B’din l-​ispjegazzjoni qed nirranġaw dak li hemm spjegat fil-ktieb Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel! kapitlu 17, u f’It-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-1 taʼ Lulju 1987, pp. 21-25.

d Imma l-​kliem “is-​sewwa” u “li m’humiex sewwa” li jissemma f’​Atti 24:15 u l-​kliem “dawk li għamlu t-​tajjeb” u “dawk li pprattikaw affarijiet vili” li jissemma fi Ġwanni 5:29 jirreferi għal dak li għamlu n-​nies qabel mietu.