ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 39
Qiegħed Ismek fil-“Ktieb tal-Ħajja”?
“Ktieb it-tifkira beda jinkiteb quddiemu dwar dawk li għandhom il-biżaʼ taʼ Ġeħova.”—MAL. 3:16.
GĦANJA 61 Irsistu, intom ix-Xhieda!
ĦARSA BIL-QUDDIEM a
1. Skont Malakija 3:16, Ġeħova xi ktieb qed jikteb u x’fih?
ĠEĦOVA ilu jikteb ktieb speċjali għal eluf taʼ snin. Dan il-ktieb fih lista taʼ ismijiet, u l-ewwel isem hu tal-ewwel raġel leali Abel. b (Lq. 11:50, 51) Minn dak iż-żmien ’l hawn, Ġeħova baqaʼ jikteb ismijiet oħrajn, u sal-lum il-ġurnata dan il-ktieb fih miljuni taʼ ismijiet. Fil-Bibbja dan il-ktieb jissejjaħ “ktieb it-tifkira,” “il-ktieb tal-ħajja,” u “r-romblu tal-ħajja.” F’dan l-artiklu se nirreferu għalih bħala “l-ktieb tal-ħajja.”—Aqra Malakija 3:16; Riv. 3:5; 17:8.
2. Liema ismijiet hemm miktubin fil-ktieb tal-ħajja, u aħna kif jistaʼ jkollna isimna fih?
2 Dan il-ktieb speċjali fih l-ismijiet kollha taʼ dawk li jaqdu lil Ġeħova b’rispett kbir u jħobbu lil ismu. Huma se jkollhom l-opportunità li jgħixu ħajja taʼ dejjem. Aħna wkoll jistaʼ jkollna isimna f’dan il-ktieb jekk ikollna ħbiberija tajba ma’ Ġeħova, u dan grazzi għas-sagrifiċċju t’Ibnu Ġesù Kristu. (Ġw. 3:16, 36) Kulħadd jixtieq ikollu ismu f’dan il-ktieb, sew jekk għandna t-tama li ngħixu fis-sema u sew jekk fuq l-art.
3-4. (a) Jekk bħalissa isimna qiegħed miktub fil-ktieb tal-ħajja, ifisser li se ngħixu għal dejjem? (b) X’se niddiskutu f’dan l-artiklu u f’taʼ warajh?
3 Ifisser dan li dawk kollha li għandhom isimhom miktub fil-ktieb tal-ħajja se jkollhom ħajja taʼ dejjem? It-tweġiba nsibuha f’dak li qal Ġeħova lil Mosè f’Eżodu 32:33. Hu qallu: “Kulmin dineb kontrija, inħassru mill-ktieb tiegħi.” Allura, l-ismijiet li hemm f’dan il-ktieb jistgħu jitħassru. Dan hu bħallikieku Ġeħova kiteb l-ismijiet bil-lapes. (Riv. 3:5) Aħna rridu noqogħdu attenti li isimna jibqaʼ miktub f’dan il-ktieb sakemm jiġi miktub bil-biro.
4 Dan iġegħelna nsaqsu xi mistoqsijiet. Pereżempju, il-Bibbja x’tgħid dwar dawk li isimhom qiegħed miktub fil-ktieb tal-ħajja, u dawk li isimhom mhux qiegħed imniżżel fih? In-nies li għandhom isimhom f’dan il-ktieb meta se jirċievu l-ħajja taʼ dejjem? U xi ngħidu dwar dawk li mietu imma ma kellhomx l-opportunità li jsiru jafu lil Ġeħova? Isimhom jistaʼ jkun f’dan il-ktieb? Dawn il-mistoqsijiet se jitwieġbu f’dan l-artiklu u f’taʼ warajh.
L-ISMIJIET TAʼ MIN HUMA MIKTUBIN FIL-KTIEB?
5-6. (a) Skont Filippin 4:3, l-ismijiet taʼ min huma miktubin fil-ktieb tal-ħajja? (b) Isimhom meta se jibqaʼ miktub għal dejjem f’dan il-ktieb?
5 L-ismijiet taʼ min huma mniżżlin fil-ktieb tal-ħajja? Biex inwieġbu din il-mistoqsija se naraw ħames gruppi taʼ nies differenti. Minn dawn il-gruppi hemm min għandu ismu mniżżel fil-ktieb tal-ħajja u min le.
6 L-ewwel grupp hu dawk li ġew magħżulin biex imexxu ma’ Ġesù fis-sema. Bħalissa isimhom hu miktub fil-ktieb tal-ħajja? Iva. Skont dak li qal l-appostlu Pawlu lill-‘ħaddiema sħabu’ f’Filippi, l-ismijiet tal-midlukin li ġew magħżulin biex imexxu ma’ Ġesù huma miktubin fil-ktieb tal-ħajja. (Aqra Filippin 4:3.) Biex isimhom jibqaʼ f’dan il-ktieb huma jridu jibqgħu leali. Wara li jiġu mmarkati bis-siġill, isimhom se jibqaʼ għal dejjem f’dan il-ktieb. Dan jiġri qabel imutu jew qabel tibda t-tribulazzjoni l-kbira.—Riv. 7:3.
7. Skont Rivelazzjoni 7:16, 17, il-folla kbira taʼ nagħaġ oħrajn meta se jkollhom isimhom miktub għal dejjem fil-ktieb tal-ħajja?
7 It-tieni grupp hu l-folla kbira taʼ nagħaġ oħrajn. Isimhom hu miktub fil-ktieb tal-ħajja? Iva. Se jkun għadu miktub f’dan il-ktieb wara li jsalvaw minn Armageddon? Iva. (Riv. 7:14) Ġesù qal li dawn in-nagħaġ se jgħaddu għall-“ħajja taʼ dejjem.” (Mt. 25:46) Imma dawk li jgħaddu ħajjin wara Armageddon mhux se jirċievu l-ħajja taʼ dejjem mill-ewwel. Isimhom se jibqaʼ miktub f’dan il-ktieb bħallikieku bil-lapes. Matul ir-Renju taʼ Elf Sena, Ġesù se “jirgħahom, u jiggwidahom lejn għejun taʼ l-ilmijiet tal-ħajja.” Dawk li se jobdu l-gwida taʼ Kristu u li se jibqgħu leali lejn Ġeħova sal-aħħar, se jkollhom isimhom miktub għal dejjem fil-ktieb tal-ħajja.—Aqra Rivelazzjoni 7:16, 17.
8. L-ismijiet taʼ min mhux miktubin fil-ktieb tal-ħajja, u x’se jiġrilhom?
8 It-tielet grupp hu dawk li jissejħu mogħoż, li se jiġu meqrudin f’Armageddon. Isimhom mhux miktub fil-ktieb tal-ħajja. Ġesù qal li dawn “imorru fil-qtugħ taʼ dejjem.” (Mt. 25:46) Pawlu kiteb: “Dawn l-istess nies jieħdu l-kastig ġudizzjarju taʼ qerda għal dejjem.” (2 Tess. 1:9; 2 Pt. 2:9) Dan japplika wkoll għal dawk kollha li dinbu kontra l-ispirtu qaddis apposta. Huma mhux se jgħixu għal dejjem imma se jiġu meqrudin. Bla dubju, dawn mhux se jiġu rxoxtati. (Mt. 12:32; Mk. 3:28, 29; Ebr. 6:4-6) Issa ejja naraw żewġ gruppi taʼ nies oħra li se jiġu rxoxtati fuq l-art.
DAWK LI SE JIĠU RXOXTATI
9. Skont Atti 24:15, liema żewġ gruppi se jiġu rxoxtati fuq l-art, u x’inhi d-differenza bejniethom?
9 Il-Bibbja titkellem dwar żewġ gruppi taʼ nies li se jiġu rxoxtati bit-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art, dawk “sewwa” u “dawk li m’humiex sewwa.” (Aqra Atti 24:15.) In-“nies sewwa” huma dawk li qdew lil Ġeħova meta kienu ħajjin. Mill-banda l-oħra, “dawk li m’humiex sewwa” ma kinux jaqdu lil Ġeħova qabel mietu. Fil-fatt, dawn ma kinux jgħixu ħajja li togħġob lil Ġeħova. Peress li ż-żewġ gruppi se jiġu rxoxtati, isimhom se jkun miktub fil-ktieb tal-ħajja? Biex inwieġbu din il-mistoqsija, ejja nikkunsidraw iż-żewġ gruppi wieħed wieħed.
10. In-“nies sewwa” għala se jiġu rxoxtati, u x’responsabbiltà se jkollhom xi wħud minnhom? (Ara wkoll “Mistoqsijiet mill-Qarrejja” f’din il-ħarġa dwar l-irxoxt fuq l-art.)
10 Ir-rabaʼ grupp hu n-“nies sewwa.” Qabel mietu, isimhom kien miktub fil-ktieb tal-ħajja. Meta mietu, isimhom tħassar minn dan il-ktieb? Le, għax għal Ġeħova huma għadhom “ħajjin.” Ġeħova “mhux Alla tal-mejtin, imma tal-ħajjin, għax kollha ħajjin għalih.” (Lq. 20:38) Dan ifisser li meta n-nies sewwa se jiġu rxoxtati fuq l-art isimhom se jkun fil-ktieb tal-ħajja, imma bil-lapes. (Lq. 14:14) Xi wħud minn dawk li se jiġu rxoxtati se jirċievu r-responsabbiltà li jaqdu bħala “prinċpijiet fl-art kollha.”—Salm 45:16.
11. In-nies “li m’humiex sewwa” x’se jkollhom bżonn jitgħallmu biex isimhom ikun miktub fil-ktieb tal-ħajja?
11 Issa ejja naraw l-aħħar grupp, tan-nies “li m’humiex sewwa.” Forsi minħabba li ma kinux jafu l-liġijiet taʼ Ġeħova, qabel mietu m’għexux ħajja tajba. Allura isimhom mhux miktub fil-ktieb tal-ħajja. Imma Alla se jirxoxtahom biex jagħtihom l-opportunità li jkollhom isimhom miktub f’dan il-ktieb. Dawn l-uħud “li m’humiex sewwa” se jkollhom bżonn ħafna għajnuna. Qabel mietu xi wħud minnhom għamlu affarijiet ħżiena ħafna. Għalhekk, se jkollhom jitgħallmu jgħixu skont il-livelli taʼ Ġeħova. Biex dawn l-uħud jitgħallmu, is-Saltna t’Alla se tmexxi l-ikbar xogħol taʼ tagħlim li qatt sar fuq l-art.
12. (a) Min se jgħallem lin-nies li mhumiex sewwa? (b) X’se jiġrilhom dawk li ma jkunux iridu japplikaw dak li jkunu qed jitgħallmu?
12 Min se jgħallem lil dawk li mhumiex sewwa? Il-folla l-kbira u n-nies sewwa li se jiġu rxoxtati. Biex in-nies li mhumiex sewwa jkollhom isimhom miktub fil-ktieb tal-ħajja jridu jibnu ħbiberija ma’ Ġeħova u jiddedikaw ħajjithom lilu. Ġesù Kristu u l-midlukin se joqogħdu attenti biex jaraw kif se jaġixxu dawk li mhumiex sewwa għal dak li jkunu qed jitgħallmu. (Riv. 20:4) Kull min ma jaċċettax l-għajnuna mhux se jitħalla jgħix, anki jekk ikollu 100 sena. (Is. 65:20) Ġeħova u Ġesù jistgħu jaraw x’hemm fil-qalb u mhu se jħallu lil ħadd jagħmel il-ħsara fid-dinja l-ġdida.—Is. 11:9; 60:18; 65:25; Ġw. 2:25.
IRXOXT TAʼ ĦAJJA U TAʼ ĠUDIZZJU
13-14. (a) Fil-passat kif konna nifhmu dak li qal Ġesù fi Ġwanni 5:29? (b) X’għandna ninnotaw fil-kliem li qal Ġesù?
13 Ġesù tkellem ukoll dwar dawk li se jiġu rxoxtati fuq l-art. Pereżempju, hu qal: “Ġejja s-siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira jisimgħu leħnu u joħorġu, dawk li għamlu t-tajjeb għal irxoxt taʼ ħajja, dawk li pprattikaw affarijiet vili għal irxoxt taʼ ġudizzju.” (Ġw. 5:28, 29) Ġesù x’ried ifisser?
14 Fil-passat konna nifhmu li dak li qal Ġesù kien jirreferi għall-affarijiet li kienu se jagħmlu n-nies wara li jiġu rxoxtati. Fi kliem ieħor, xi wħud jiġu rxoxtati u jagħmlu affarijiet tajbin u oħrajn jiġu rxoxtati u jagħmlu affarijiet ħżiena. Però, innota li Ġesù ma qalx li dawk li se jiġu rxoxtati se jagħmlu affarijiet tajbin jew se jagħmlu affarijiet ħżiena. Hu tkellem fil-passat u qal “dawk li għamlu t-tajjeb” u “dawk li pprattikaw affarijiet vili.” Dan juri li l-affarijiet li għamlu għamluhom qabel mietu. Dan jagħmel sens, għax fid-dinja l-ġdida, Ġeħova mhu se jħalli lil ħadd jagħmel affarijiet ħżiena. Għalhekk, in-nies mhux sewwa għamlu dawn l-affarijiet qabel mietu. Allura xi jfisser dak li qal Ġesù dwar “irxoxt taʼ ħajja” u “rxoxt taʼ ġudizzju”?
15. Min se jkollu “rxoxt taʼ ħajja,” u għala?
15 In-nies sewwa, li għamlu affarijiet tajbin qabel mietu, se jkollhom “irxoxt taʼ ħajja” għax isimhom se jkun qiegħed diġà miktub fil-ktieb tal-ħajja. Dan ifisser li l-irxoxt taʼ “dawk li għamlu t-tajjeb” li jissemma fi Ġwanni 5:29 hu l-istess irxoxt “tan-nies sewwa” li jissemma f’Atti 24:15. Din l-ispjegazzjoni taqbel ma’ dak li hemm miktub f’Rumani 6:7, li jgħid: “Min miet inħeles mid-dnub.” Meta mietu, Ġeħova ħafrilhom id-dnubiet tagħhom, u mhux se jinsa l-affarijiet tajbin li għamlu meta kienu ħajjin. (Ebr. 6:10) Bla dubju, biex isimhom jibqaʼ fil-ktieb tal-ħajja, dawn in-nies sewwa li se jiġu rxoxtati jridu jibqgħu leali.
16. Xi jfisser “irxoxt taʼ ġudizzju”?
16 Xi ngħidu għal dawk li għamlu affarijiet ħżiena qabel mietu? Għalkemm id-dnubiet tagħhom tħassru meta mietu, huma ma kinux jaqdu lil Ġeħova meta kienu ħajjin. Huma m’għandhomx isimhom miktub fil-ktieb tal-ħajja. Għalhekk, l-irxoxt taʼ “dawk li pprattikaw affarijiet vili” hu l-istess irxoxt tan-nies “li m’humiex sewwa” li jissemma f’Atti 24:15. Huma se jkollhom “irxoxt taʼ ġudizzju.” c Dan ifisser li Ġesù se joqgħod attent u jara kif se jaġixxu. (Lq. 22:30) Wara xi żmien, Ġesù se jkun jaf jekk ħaqqhomx li isimhom ikun miktub fil-ktieb tal-ħajja. Ġeħova se jikteb isimhom fil-ktieb biss jekk huma jgħixu ħajja tajba u jiddedikaw ħajjithom lilu.
17-18. Dawk kollha li se jiġu rxoxtati fuq l-art x’se jkollhom jagħmlu, u “l-għemejjel” li jsemmi Rivelazzjoni 20:12, 13 xi jfissru?
17 Dawk kollha li se jiġu rxoxtati, kemm in-nies sewwa u kemm dawk li mhumiex sewwa, se jkollhom jobdu l-liġijiet li se jkun hemm fl-iskrolli l-ġodda, li se jinfetħu matul l-1,000 sena. L-appostlu Ġwanni jiddeskrivi x’ra fil-viżjoni tiegħu: “Rajt il-mejtin, il-kbar u ż-żgħar, weqfin quddiem it-tron, u nfetħu r-rombli. U nfetaħ romblu ieħor, ir-romblu tal-ħajja. U l-mejtin ġew ġudikati fuq dak li kien miktub fir-rombli skond l-għemejjel tagħhom.”—Riv. 20:12, 13.
18 Dawk li se jiġu rxoxtati, skont liema “għemejjel” se jiġu ġudikati? Se jkunu l-affarijiet li għamlu qabel mietu? Le! Ftakar li d-dnubiet tagħhom kienu tħassrulhom meta mietu. Għalhekk, “l-għemejjel tagħhom” ma jistgħux ikunu dak li għamlu meta kienu ħajjin. Minflok, dan jirreferi għall-mod kif se jaġixxu għat-tagħlim fid-dinja l-ġdida. Anki rġiel leali bħal Noè, Samwel, David, u Danjel se jkollhom jitgħallmu dwar Ġesù Kristu u juru l-fidi fis-sagrifiċċju tiegħu. Jekk dawn l-irġiel se jkollhom ħafna x’jitgħallmu, aħseb u ara dawk in-nies li mhumiex sewwa kemm se jkollhom jitgħallmu iktar!
19. X’se jiġrilhom dawk li ma jaċċettawx din l-opportunità mill-isbaħ?
19 X’se jiġrilhom dawk li ma jaċċettawx din l-opportunità mill-isbaħ? Rivelazzjoni 20:15 jgħid: “Kulmin ma nstabx miktub fil-ktieb tal-ħajja ġie mixħut fl-għadira tan-nar.” Dan ifisser li se jinqerdu għalkollox. Mela kemm hu importanti li nkunu ċerti li isimna jkun miktub fil-ktieb tal-ħajja u jibqaʼ hemm!
20. Liema xogħol eċċitanti se jsir matul l-Elf Sena? (Ara l-istampa tal-qoxra.)
20 Kemm se jkun eċċitanti ż-żmien matul l-Elf Sena! F’dan iż-żmien se jsir l-ikbar xogħol taʼ tagħlim li n-nies t’Alla qatt għamlu fuq l-art. Imma se jkun ukoll żmien taʼ test għan-nies sewwa u dawk li mhumiex sewwa, biex juru kif iġibu ruħhom. (Is. 26:9; Atti 17:31) Kif se jsir dan ix-xogħol kbir taʼ tagħlim? L-artiklu li jmiss se jgħinna nifhmu u napprezzaw kif se jsir dan ix-xogħol eċċitanti.
GĦANJA 147 Ħajja taʼ dejjem hi mwiegħda
a Dan l-artiklu jispjega l-mod ġdid kif nifhmu l-kliem taʼ Ġesù fi Ġwanni 5:28, 29 dwar l-“irxoxt taʼ ħajja” u l-“irxoxt taʼ ġudizzju.” Se nitgħallmu xi jfissru u min se jiġi rxoxtat.
b Dan il-ktieb beda jinkiteb minn meta t-tfal taʼ Adam u Eva setgħu jibbenefikaw mis-sagrifiċċju tal-mewt taʼ Ġesù. (Mt. 25:34; Riv. 17:8) Għalhekk milli jidher, l-isem tar-raġel leali Abel huwa l-ewwel wieħed li nkiteb fil-ktieb tal-ħajja.
c Qabel konna nifhmu li l-kelma “ġudizzju” li tintuża hawnhekk tfisser ġudizzju għall-qerda. Fil-fatt, il-kelma “ġudizzju” tistaʼ tfisser hekk. Imma f’dan il-kuntest milli jidher Ġesù kien qed juża l-kelma “ġudizzju” b’mod ġenerali. Hu kien qed ifisser li toqgħod attent għal xi ħadd u tara x’se jagħmel, jew kif jgħid dizzjunarju tal-Bibbja Grieg, “teżamina l-kondotta taʼ xi ħadd.”