Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 38

Uri li Int taʼ Min Jafdak

Uri li Int taʼ Min Jafdak

“Min għandu spirtu taʼ fedeltà qed jgħatti l-​kwistjoni.”PROV. 11:13.

GĦANJA 101 Naħdmu flimkien f’unità

ĦARSA BIL-​QUDDIEM a

1. Kif nistgħu nkunu nafu li xi ħadd hu taʼ min jafdah?

 PERSUNA taʼ min jafdaha taħdem iebes biex iżżomm kelmitha u tgħid il-​verità. (Salm 15:4) In-​nies ikunu jafu li hi taʼ min joqgħod fuqha. Aħna nixtiequ li l-​aħwa jħossuhom b’dan il-​mod dwarna. X’nistgħu nagħmlu biex huma jafdawna?

2. Kif nistgħu nuru li aħna taʼ min jafdana?

2 Aħna ma nistgħux inġiegħlu lil oħrajn jafdawna. Irridu nuru li aħna taʼ min jafdana b’dak li nagħmlu. Il-​fiduċja hi bħall-​flus. Trid taħdem iebes għaliha, imma faċli titlifha. Ġeħova wriena b’mod ċar li hu taʼ min jafdah. Aħna dejjem nistgħu nafdawh għax “kulma jagħmel jagħmlu bil-​fedeltà.” (Salm 33:4) U hu jistenna li aħna nimitaw lilu. (Efes. 5:1) Ejja naraw xi eżempji taʼ qaddejja taʼ Ġeħova li imitawh u wrew li huma taʼ min jafdahom. Se naraw ukoll ħames kwalitajiet li se jgħinuna nkunu taʼ min jafdana.

TGĦALLEM MINN QADDEJJA TAʼ ĠEĦOVA LI KIENU TAʼ MIN JAFDAHOM

3-4. Il-​profeta Danjel kif wera li kien taʼ min jafdah, u dan xi jġegħelna nagħmlu?

3 Il-​profeta Danjel hu eżempju tajjeb ħafna għalina. Għalkemm ittieħed bħala lsir f’Babilonja, hu wera li kien taʼ min jafdah. In-​nies bdew jafdawh iktar meta bl-​għajnuna taʼ Ġeħova rnexxielu jispjega l-​ħolm li kellu r-​Re Nebukadnessar. Darba waħda, Danjel kellu jgħid lir-​re li Ġeħova ma kienx ferħan bih, xi ħaġa li r-​re ma kienx se jieħu pjaċir biha. Danjel kellu bżonn il-​kuraġġ biex jagħmel dan, għax ir-​re kienet taqbiżlu malajr! (Dan. 2:12; 4:20-​22, 25) Ħafna snin wara, Danjel reġaʼ wera li kien taʼ min jafdah billi spjega messaġġ li deher fuq ħajt tal-​palazz f’Babilonja. (Dan. 5:5, 25-​29) Iktar tard, Darju l-​Medi u l-​uffiċjali tiegħu nnotaw li Danjel għandu “spirtu straordinarju.” Huma raw li Danjel “kien taʼ min jafdah u ma nstabet fih assolutament ebda traskuraġni jew korruzzjoni.” (Dan. 6:3, 4) Mela anki mexxejja pagani ndunaw li dan il-​qaddej taʼ Ġeħova kien taʼ min jafdah!

4 Waqt li naħsbu dwar l-​eżempju taʼ Danjel, nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘X’jaħsbu dwari dawk li mhumiex Xhieda taʼ Ġeħova? Jafuni bħala wieħed li nieħu ħsieb ir-​responsabbiltajiet tiegħi u taʼ min jafdani?’ Għala hu importanti li nistaqsu dawn il-​mistoqsijiet? Għax meta nuru li aħna taʼ min jafdana, inkunu qed infaħħru lil Ġeħova.

Neħemija għażel irġiel taʼ min jafdahom biex jieħdu ħsieb affarijiet importanti (Ara paragrafu 5)

5. In-​nies għala kienu jafdaw lil Ħananija?

5 Fis-​sena 455 qabel Kristu (QK), il-​Gvernatur Neħemija reġaʼ bena s-​swar taʼ Ġerusalemm. Hu fittex irġiel responsabbli biex jieħdu ħsieb il-​belt. Wieħed minn dawk li għażel kien il-​prinċep tal-​Kastell, Ħananija. Il-​Bibbja tiddeskrivi lil Ħananija bħala “bniedem li tistaʼ tafdah u kien jibżaʼ mill-​Alla l-​veru iktar minn ħafna oħrajn.” (Neħ. 7:2) Minħabba li Ħananija kien iħobb lil Ġeħova u ried jogħġbu, hu ħadem iebes f’kull inkarigu li kellu. Dawn il-​kwalitajiet se jgħinu lilna wkoll biex nieħdu bis-​serjetà x-​xogħol taʼ Ġeħova.

6. Tikiku kif wera li kien ħabib taʼ min jafdah?

6 Ara l-​eżempju taʼ Tikiku, ħu li l-​appostlu Pawlu kien jafda. Meta Pawlu kien arrestat f’daru, hu straħ fuq Tikiku, u qal li kien “ministru leali.” (Efes. 6:21, 22) Pawlu mhux biss fdah biex jieħu l-​ittri lill-​aħwa f’Efesu u f’Kolossi imma anki biex jinkuraġġihom. Tikiku jfakkarna fl-​aħwa leali u responsabbli li jipprovdulna l-​ikel spiritwali llum.—Kol. 4:7-​9.

7. X’nitgħallmu mill-​anzjani u l-​qaddejja ministerjali tal-​kongregazzjoni?

7 Illum aħna napprezzaw ħafna li l-​anzjani u l-​qaddejja ministerjali huma taʼ min jafdahom. Bħal Danjel, Ħananija, u Tikiku, huma jieħdu r-​responsabbiltajiet tagħhom bis-​serjetà. Pereżempju, meta mmorru l-​laqgħa taʼ fost il-​ġimgħa, aħna nkunu nafu li l-​partijiet kollha taʼ matul il-​laqgħa ġew imqassmin lill-​aħwa. L-​anzjani japprezzaw ħafna meta l-​aħwa li jkollhom parti fil-​laqgħa jippreparaw għaliha u jagħmluha! Anki meta nistiednu lill-​istudenti tal-​Bibbja biex jiġu jisimgħu t-​taħdita pubblika, aħna nkunu ċerti li se jkun hemm kelliemi. U aħna ċerti li dejjem se jkollna l-​letteratura li nużaw fil-​ministeru. Aħna nirringrazzjaw lil Ġeħova li tana lil dawn l-​aħwa leali li jieħdu ħsiebna! Issa aħna kif nistgħu nuru li taʼ min jafdana?

KUN TAʼ MIN JAFDAK BILLI MA TIKXIFX AFFARIJIET KUNFIDENZJALI

8. Kif nistgħu nuru li aħna nirrispettaw l-​affarijiet personali t’oħrajn? (Proverbji 11:13)

8 Aħna nħobbuhom lill-​aħwa u jimpurtana minnhom. Imma aħna rridu nirrispettaw l-​affarijiet personali tagħhom. Xi Kristjani tal-​bidu kienu qed “iseksku u jindaħlu fi ħwejjeġ ħaddieħor, billi jitkellmu dwar affarijiet li m’għandhomx jitkellmu dwarhom.” (1 Tim. 5:13) Aħna żgur li ma rridux inkunu bħalhom. Imma ejja ngħidu li xi ħadd jgħidilna xi ħaġa personali u jgħidilna biex ma ngħidu lil ħadd. Pereżempju, oħt tgħidilna li qed tbati minn problema taʼ saħħa jew qed tiffaċċja xi problema oħra, u tgħidilna biex ma ngħidu lil ħadd iktar. Aħna rridu nuru rispett u nagħmlu dak li qaltilna. b (Aqra Proverbji 11:13.) Issa ejja naraw xi sitwazzjonijiet oħra fejn hu importanti li nżommu l-​affarijiet kunfidenzjali.

9. Il-​membri tal-​familja kif jistgħu juru li huma taʼ min jafdahom?

9 Fil-​familja. Kull membru tal-​familja għandu r-​responsabbiltà li ma jitkellimx dwar ċertu affarijiet privati tal-​familja. Pereżempju, oħt jaf ikollha xi vizzju li għar-​raġel tagħha jkun tad-​daħq. Se jitkellem hu m’oħrajn dwaru u b’hekk iġegħelha tistħi? Żgur li le! Hu jħobbha u mhux se jagħmel xi ħaġa li biha se jweġġagħha. (Efes. 5:33) Iż-​żgħażagħ jixtiequ li jkunu trattati b’rispett, u hu importanti li l-​ġenituri jiftakru dan. Huma mhux se jġiegħlu lit-​tfal tagħhom jistħu billi jitkellmu dwar l-​iżbalji tagħhom m’oħrajn. (Kol. 3:21) It-​tfal għandhom ikunu jafu li ċertu affarijiet ma jistgħux jgħiduhom lil dawk li mhumiex tal-​familja. (Dt. 5:16) Meta kull membru fil-​familja jagħmel l-​almu tiegħu biex l-​affarijiet tal-​familja ma jitkellimhomx m’oħrajn, il-​familja se tkun iktar magħquda.

10. Kif tistaʼ tkun ħabib taʼ vera? (Proverbji 17:17)

10 Mal-​ħbieb. Xi kultant inkunu nixtiequ ngħidu lill-​ħabib tal-​qalb tagħna kif inkunu qed inħossuna. Imma dan mhux dejjem faċli. Ġieli jkun diffiċli biex tiftaħ qalbek maʼ xi ħadd, u jkun taʼ dwejjaq jekk issir taf li l-​ħabib tiegħek tkellem m’oħrajn dwar dak li għedtlu. Però, aħna kuntenti li għandna aħwa li nistgħu ngħidulhom dak li nkunu qed inħossu u nafu li mhu se jgħidu lil ħadd! Dawn huma ħbieb taʼ vera.—Aqra Proverbji 17:17.

L-​anzjani ma jitkellmux mal-​familja tagħhom dwar affarijiet kunfidenzjali tal-​aħwa (Ara paragrafu 11) c

11. (a) L-​anzjani u n-​nisa tagħhom kif juru li huma taʼ min jafdahom? (b) X’lezzjoni nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju tal-​anzjan? (Ara l-​istampa.)

11 Fil-​kongregazzjoni. Anzjani li jżommu l-​affarijiet kunfidenzjali huma “bħal post taʼ kenn” għall-​aħwa. (Is. 32:2) Aħna nistgħu nitkellmu mal-​anzjani dwar kollox għax ċerti li huma se jżommu għalihom dak li ngħidulhom. Aħna ma nagħmlulhomx pressjoni biex jgħidulna affarijiet li ma jistgħux jgħidu. Barra minn hekk, aħna napprezzaw lin-​nisa tal-​anzjani għax huma ma jitkixxfux l-​affarijiet kunfidenzjali mingħand l-​irġiel tagħhom. Hija xi ħaġa tajba ħafna li n-​nisa tal-​anzjani ma jkunux jafu informazzjoni personali dwar ħuthom. Mara taʼ anzjan qalet: “Jien napprezza li r-​raġel tiegħi ma jgħidli xejn dwar dawk li jkollhom bżonn l-​għajnuna mingħand l-​anzjani. Lanqas l-​ismijiet tagħhom ma jgħidli. Jien nieħu pjaċir li ma niġix mgħobbija bi problemi li ma nistaʼ nagħmel xejn dwarhom. B’hekk inħossni komda nitkellem mal-​aħwa kollha fil-​kongregazzjoni. U jien ċerta li meta nitkellem mar-​raġel dwar il-​problemi tiegħi, hu mhu se jitkellem maʼ ħadd dwarhom.” Kulħadd jixtieq ikun taʼ min jafdah. Liema kwalitajiet jistgħu jgħinuna nilħqu din il-​mira? Ejja naraw ħamsa minnhom.

AĦDEM BIEX IKOLLOK KWALITAJIET LI JGĦINUK TKUN TAʼ MIN JAFDAK

12. L-​imħabba għala hi l-​iktar kwalità importanti?

12 L-​imħabba hi l-​iktar kwalità importanti. Ġesù qal li l-​ikbar żewġ kmandamenti huma li nħobbu lil Ġeħova u li nħobbu l-​proxxmu tagħna. (Mt. 22:37-​39) Aħna nħobbuh lil Ġeħova u għalhekk irridu nimitaw l-​eżempju perfett tiegħu. Pereżempju, l-​imħabba għal ħutna timmotivana biex ma nikxfux l-​affarijiet personali li jgħidulna. Aħna qatt mhu se ngħidu xi ħaġa li tistaʼ ġġegħelhom jistħu jew tweġġagħhom.—Ġw. 15:12.

13. L-​umiltà kif tgħinna nkunu taʼ min jafdana?

13 L-​umiltà se tgħinna biex inkunu taʼ min jafdana. Kristjan umli mhux se jipprova jimpressjona lil oħrajn billi jkun l-​ewwel wieħed li jikxef xi ħaġa. (Flp. 2:3) Hu mhux se jipprova jġiegħel lil oħrajn jaħsbu li jaf xi ħaġa importanti li ma jistax jitkellem dwarha. L-​umiltà se tgħinna wkoll biex ma noqogħdux ngħidu l-​opinjoni tagħna maʼ kulħadd dwar affarijiet li mhumiex ibbażati fuq il-​Bibbja jew li ma ssibhomx fil-​pubblikazzjonijiet tagħna.

14. L-​għaqal kif jgħinna nkunu taʼ min jafdana?

14 L-​għaqal se jgħin lil Kristjan biex ikun jaf ‘meta għandu joqgħod kwiet u meta għandu jitkellem.’ (Ekk. 3:7) Xi kulturi għandhom espressjoni li tgħid “li titkellem hu bħal fidda, imma li toqgħod kwiet hu bħal deheb.” Fi kliem ieħor, xi kultant ikun aħjar li toqgħod kwiet milli titkellem. Għalhekk Proverbji 11:12 jgħid: “Bniedem taʼ dixxerniment kbir [jiġifieri bil-​għaqal] jibqaʼ sieket.” Aħseb dwar dan l-​eżempju. Anzjan tal-​esperjenza spiss jiġi mitlub biex jgħin lil kongregazzjonijiet oħrajn fil-​problemi li jkollhom. Ara x’qal dwaru anzjan ieħor: “Hu joqgħod attent ħafna li ma jikxifx affarijiet dwar kongregazzjonijiet oħrajn.” Minħabba li dan l-​anzjan juża l-​għaqal, l-​anzjani tal-​kongregazzjoni tiegħu jirrispettawh. Huma ċerti li mhux se jgħid affarijiet kunfidenzjali lil oħrajn.

15. Agħti eżempju li juri għala oħrajn jafdawk meta tkun onest.

15 L-​onestà hi kwalità oħra li għandna bżonn jekk irridu li oħrajn jafdawna. Aħna nafdaw persuna onesta għax nafu li dejjem tgħid il-​verità. (Efes. 4:25; Ebr. 13:18) Pereżempju, ejja ngħidu li tixtieq issir għalliem tal-​Bibbja aħjar. Allura int tistaqsi lil xi ħadd biex jismaʼ t-​taħdita tiegħek u jagħtik pariri biex titjieb. Lil min se tgħid biex jisimgħek? Se tgħid lil xi ħadd li jgħidlek dak li tixtieq tismaʼ jew xi ħadd li b’qalb tajba jgħidlek il-​verità? It-​tweġiba hi ovvja. Il-​Bibbja tgħid: “Aħjar twiddiba bil-​miftuħ minn imħabba mistura. Il-​feriti li jagħmillek min iħobbok ġejjin mill-​fedeltà.” (Prov. 27:5, 6) Għalkemm għall-​ewwel jaf ma jogħġbokx, maż-​żmien parir taʼ ħabib onest se jkun taʼ benefiċċju għalik.

16. Proverbji 10:19 kif jurina li huwa importanti nikkontrollaw lilna nfusna?

16 Huwa importanti ħafna li nkunu kapaċi nikkontrollaw lilna nfusna jekk irridu li oħrajn jafdawna. Dan se jgħinna biex ma nitkellmux meta niġu ttantati biex ngħidu xi ħaġa kunfidenzjali. (Aqra Proverbji 10:19.) Jistaʼ jkun diffiċli biex nikkontrollaw lilna nfusna meta nkunu qed nużaw is-​social media. Jekk ma noqogħdux attenti, mingħajr ma rridu nistgħu nxerrdu affarijiet kunfidenzjali maʼ ħafna nies. U meta nitfgħuha fuq is-​social media, ma nistgħux nikkontrollaw kif oħrajn jużaw din l-​informazzjoni jew il-​ħsara li tagħmel. Li nkunu kapaċi nikkontrollaw lilna nfusna, se jgħinna wkoll nibqgħu kwieti meta taʼ kontrina jipprovaw iġegħluna nikxfu affarijiet dwar ħutna li jistgħu jġibuhom fl-​inkwiet. Dan jistaʼ jiġri meta niġu interrogati mill-​pulizija f’pajjiż fejn ix-​xogħol tagħna ma jistax isir jew għandna r-​restrizzjonijiet. Nistgħu napplikaw il-​prinċipju biex ‘ngħassu fommna,’ jiġifieri noqogħdu attenti x’ngħidu f’dawn is-​sitwazzjonijiet u oħrajn. (Salm 39:1) Aħna rridu nkunu taʼ min jafdana mal-​familja, mal-​ħbieb, mal-​aħwa, u maʼ nies oħrajn. U biex oħrajn jafdawna, irridu nkunu kapaċi nikkontrollaw lilna nfusna.

17. Kif nistgħu ngħinu biex nafdaw lil xulxin fil-​kongregazzjoni?

17 Kemm napprezzaw li Ġeħova għażilna biex inkunu parti mill-​familja tiegħu li hi magħmula minn aħwa li huma taʼ min jafdahom! Aħna għandna r-​responsabbiltà biex nuruhom li jistgħu jafdawna. Waqt li naħdmu biex nuru l-​imħabba, l-​umiltà, l-​għaqal, l-​onestà, u nikkontrollaw lilna nfusna, se ngħinu biex fil-​kongregazzjoni nafdaw lil xulxin. Irridu nkomplu naħdmu iebes biex nimitaw lil Ġeħova u nkomplu nuru li aħna taʼ min jafdana.

GĦANJA 123 Sottomissjoni b’lealtà għall-​ordni teokratiku

a Jekk irridu li oħrajn jafdawna, irridu nuru li aħna taʼ min jafdana. F’dan l-​artiklu se naraw għala hu importanti li nafdaw lil xulxin u liema kwalitajiet jistgħu jgħinuna biex oħrajn jafdawna.

b Jekk insiru nafu li xi ħadd fil-​kongregazzjoni għamel dnub serju, għandna ninkuraġġuh biex jitkellem mal-​anzjani. Jekk ma jagħmilx hekk, għandna ngħidu lill-​anzjani għax irridu nkunu leali lejn Ġeħova u lejn l-​aħwa fil-​kongregazzjoni.

c X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Anzjan ma jitkellimx mal-​familja dwar affarijiet kunfidenzjali taʼ aħwa oħrajn.