Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

BIJOGRAFIJA

Ħajja mill-Isbaħ fis-Servizz taʼ Ġeħova

Ħajja mill-Isbaħ fis-Servizz taʼ Ġeħova

FL-1951, wasalt f’villaġġ żgħir jismu Rouyn fi Quebec, il-Kanada. Kienu tawni l-indirizz taʼ missjunarju minn Gilegħad jismu Marcel Filteau a, u mort inħabbatlu. Hu kellu 23 sena u kien twil, u jien kelli 16-il sena u kont ħafna iqsar minnu. Urejtu l-ittra tal-assignment ġdid tiegħi u xħin qraha biex jiċċajta qalli, “Ommok taf li qiegħed hawn?”

IL-FAMILJA TIEGĦI

Jien twilidt fl-1934. Ommi u missieri kienu mill-Iżvizzera u kienu marru joqogħdu Timmins, raħal fʼOntario, il-Kanada. Fl-1939, ommi bdiet taqra It-Torri tal-Għassa u tmur il-laqgħat tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Hi kienet tieħu lili u s-sitt ħuti magħha. Ma damitx ma saret waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova.

Missieri ma ħax pjaċir, imma ommi kienet tħobbha l-verità u riedet tibqaʼ leali lejn Ġeħova. Hi baqgħet leali anke meta x-xogħol tax-Xhieda taʼ Ġeħova ma setax isir fil-Kanada. Hi dejjem irrispettat lil missieri avolja hu kien aħrax magħha. L-eżempju tajjeb tagħha għen lili u lil ħuti niddeċiedu li nibdew naqdu lil Ġeħova aħna wkoll. Aħna konna ferħanin ħafna meta maż-żmien missieri nbidel u beda jittrattana aħjar.

NIBDA NAQDI FIS-SERVIZZ FULL-TIME

F’Awwissu tal-1950 mort New York għall-assemblea Theocracy’s Increase. Hemmhekk iltqajt maʼ ħafna aħwa minn madwar id-dinja kollha u smajt intervisti sbieħ minn aħwa li kienu ggradwaw minn Gilegħad. Wara dik l-assemblea kont iktar determinat li nibda fis-servizz full-time. Xħin wasalt id-dar applikajt biex insir pijunier regolari. Imma l-aħwa fl-uffiċċju tal-fergħa tal-Kanada qaluli li aħjar nitgħammed l-ewwel. Allura fl-1 t’Ottubru tal-1950 tgħammidt u xahar wara sirt pijunier regolari. L-ewwel assignment tiegħi kien f’Kapuskasing, villaġġ li kien ’il bogħod minn fejn kienu joqogħdu l-familja tiegħi.

Naqdi fi Quebec

Fl-1951, l-uffiċċju tal-fergħa stieden lill-aħwa li kienu jitkellmu bil-Franċiż biex imorru jgħinu fi Quebec għax kien hemm ħafna bżonn. Peress li kont naf nitkellem bil-Franċiż u bl-Ingliż, iddeċidejt li mmur, u ġejt assenjat immur f’Rouyn. Ma kont naf lil ħadd hemmhekk, kulma kelli kien l-indirizz tal-ħu li semmejt qabel imma kollox mar sew. Jien u Marcel sirna ħbieb kbar. Ħadt pjaċir naqdi fi Quebec għal erbaʼ snin, u maż-żmien bdejt naqdi bħala pijunier speċjali.

GILEGĦAD U XI AFFARIJIET LI KELLI NISTENNA GĦALIHOM

Meta kont Quebec ġejt mistieden biex immur is-26 klassi taʼ Gilegħad f’South Lansing, New York. Jien iggradwajt fit-12 taʼ Frar 1956 u ġejt assenjat biex immur naqdi l-Ghana. b Imma qabel kelli nerġaʼ mmur il-Kanada għal ftit ġimgħat sakemm ilestuli d-dokumenti, imma domt iktar milli ħsibt.

Jien spiċċajt nistenna f’Toronto għal sebaʼ xhur. F’dak iż-żmien kont qed noqgħod għand il-familja Cripps u jien u t-tifla tagħhom Sheila ħadna grazzja maʼ xulxin. Imma meta kont se nistaqsiha biex tiżżewwiġni, irċivejt id-dokumenti li kelli bżonn biex insiefer. Jien u Sheila tlabna dwarha u ddeċidejna li xorta mmur l-assignment li kelli. Imma ddeċidejna li nibqgħu nibagħtu l-ittri lil xulxin u nistennew biex naraw jekk inkunux nistgħu niżżewġu fil-futur. Ma kinitx deċiżjoni faċli, imma iktar tard indunajna li kienet l-aħjar deċiżjoni.

Domt xahar nivvjaġġa bit-trejn, il-vapur, u l-ajruplan biex nasal Accra, il-Ghana. Hemmhekk bdejt naqdi bħala indokratur tad-distrett. Kelli nivvjaġġa fil-Ghana kollha, fil-Kosta tal-Avorju, u t-Togo. Il-biċċa l-kbira kont nivvjaġġa waħdi b’karozza li tawni l-uffiċċju tal-fergħa. Vera kont nieħu pjaċir!

Fil-weekend kien ikolli taħditiet fl-assembleat tas-circuit. Ma kellniex swali tal-assemblea, allura l-aħwa kienu jagħmlu saqaf tal-qasab u l-friegħi tal-palm biex jipproteġuna mix-xemx. Peress li ma kellniex fridges, l-aħwa kienu jżommu l-annimali ħajjin imbagħad joqtluhom biex l-aħwa jkollhom x’jieklu.

Kellna xi esperjenzi tad-daħq. Darba waqt li kien qed jagħti taħdita Herb Jennings, c ħarbitilhom baqra u marret quddiem il-platform. Il-ħu waqaf jitkellem u l-baqra kienet tidher qisha mitlufa. Imma erbaʼ aħwa rnexxielhom jaqbduha u jerġgħu jiħduha f’postha, u l-aħwa bdew iċapċpu.

Matul il-ġimgħa kont immur fl-irħula fil-viċin u nurihom il-film The New World Society in Action. Biex nurihulhom kont inwaħħal liżar abjad bejn żewġ siġar jew żewġ lasti. In-nies kienu jieħdu pjaċir ħafna jarawh, u għal ħafna minnhom dan kien l-ewwel film li qatt raw! Meta kienu jaraw in-nies qed jitgħammdu tgħidx kemm kienu jċapċpu. Il-film għenhom jifhmu li x-Xhieda taʼ Ġeħova kienu magħqudin mad-dinja kollha.

Aħna żżewwiġna fil-Ghana fl-1959

Wara xi sentejn fl-Afrika, kont qed inħares ’il quddiem biex fl-1958 immur il-konvenzjoni internazzjonali fi New York. Vera ħadt pjaċir meta rġajt rajt lil Sheila. Hi ġiet minn Quebec fejn kienet qed taqdi bħala pijuniera speċjali. Aħna konna qed nikkomunikaw bl-ittri, imma meta rġajna ltqajna tlabtha biex tiżżewwiġni u hi aċċettat. Jien bgħatt ittra lil Ħuna Knorr d u staqsejtu jekk Sheila setgħetx tmur l-iskola taʼ Gilegħad imbagħad tiġi taqdi miegħi fl-Afrika. Hu aċċetta u fl-aħħar Sheila waslet il-Ghana. Aħna żżewwiġna fit-3 t’Ottubru 1959 f’Accra. Aħna ħassejna li Ġeħova berikna ħafna peress li l-iktar ħaġa importanti f’ħajjitna kienet li naqdu lilu.

NAQDU FLIMKIEN FIL-KAMERUN

Naħdem fil-fergħa tal-Kamerun

Fl-1961 staqsewna biex immorru naqdu fil-Kamerun. Peress li riduna ngħinu ħalli jinfetaħ uffiċċju tal-fergħa ġdid, jien kelli ħafna x’nagħmel. Parti mill-assignment kien li nieħu ħsieb ix-xogħol fil-Kamerun, imma jien kelli ħafna x’nitgħallem. Imbagħad fl-1965 jien u Sheila sirna nafu li kien ħa jkollna tarbija. Ħassejnieha diffiċli biex nimmaġinaw lilna nfusna bħala ġenituri. Imma eżatt malli bdejna nħarsu ’l quddiem għal din ir-responsabbiltà u nagħmlu l-pjanijiet biex immorru lura l-Kanada ġrat xi ħaġa kerha ħafna.

B’dispjaċir Sheila kellha miscarriage. It-tabib qalilna li t-tarbija kienet ħa tkun tifel. Dan ilu fuq 50 sena, imma aħna qatt mhu ħa ninsew dak li ġara. Avolja konna mdejqin ħafna aħna bqajna fl-assignment tagħna fl-Afrika, li konna nħobbu ħafna.

Jien u Sheila fil-Kamerun fl-1965

L-aħwa fil-Kamerun kienu jiġu ppersegwitati għax kienu jibqgħu newtrali fil-politika. Speċjalment meta kienet tasal l-elezzjoni, il-persekuzzjoni kienet tmur għall-agħar. Imbagħad fit-13 taʼ Mejju 1970, ġrat xi ħaġa li konna nibżgħu ħafna li se tiġri. Dakinhar ħarġet liġi li x-xogħol tax-Xhieda taʼ Ġeħova kellu jieqaf. Il-gvern ħa f’idejh l-uffiċċju tal-fergħa, li kien għadu ġdid għax kulma konna ilna fih kien ħames xhur biss. F’inqas minn ġimgħa l-missjunarji kollha, inkluż jien u Sheila, tkeċċejna mill-pajjiż. Kien diffiċli li nitilqu lill-aħwa għax konna nħobbuhom u bdejna ninkwetaw x’jistaʼ jiġrilhom.

Wara, għamilna sitt xhur fl-uffiċċju tal-fergħa fi Franza. Komplejt nagħmel li nistaʼ biex ngħin lill-aħwa fil-Kamerun. F’Diċembru taʼ dik is-sena morna naqdu fil-fergħa tan-Niġerja li bdiet tieħu ħsieb ix-xogħol li jsir fil-Kamerun. L-aħwa fin-Niġerja ħadu pjaċir bina, u aħna bqajna naqdu hemm għal xi snin.

DEĊIŻJONI DIFFIĊLI

Fl-1973 kellna nieħdu deċiżjoni diffiċli. Sheila kellha xi problemi serji taʼ saħħa. Meta konna New York għall-konvenzjoni bdiet tibki u qaltli: “Ma niflaħx inkompli! Dejjem inħossni għajjiena u marida.” Hi kienet ilha taqdi l-Afrika miegħi għal iktar minn 14-il sena. Kont ferħan b’dak li kienet għamlet, imma kellna bżonn nagħmlu xi bidliet. Wara li tkellimna dwarha u tlabna ħafna lil Ġeħova, iddeċidejna li jkun aħjar li nerġgħu mmorru lura l-Kanada, għax hemmhekk stajna nieħdu ħsieb saħħitha aħjar. Li nitilqu mill-assignment tagħna u nieqfu naqdu fis-servizz full-time kienet l-iktar deċiżjoni diffiċli li kellna nieħdu.

Meta wasalna l-Kanada jien bdejt naħdem maʼ ħabib tiegħi li kien ibigħ il-karozzi. Aħna krejna appartament, xtrajna għamara secondhand, u bdejna l-ħajja ġdida tagħna mingħajr dejn. Aħna ridna nżommu l-ħajja tagħna sempliċi għax xtaqna li fil-futur nerġgħu naqdu fis-servizz full-time. Dan ma damx ma ġara.

Kull nhar taʼ Sibt kont qed ngħin fix-xogħol tal-bini tas-Sala tal-Assemblea l-ġdida f’Norval, Ontario. Maż-żmien qaluli biex nibda naqdi bħala l-overseer tas-Sala tal-Assemblea. Is-saħħa taʼ Sheila kienet sejra għall-aħjar, allura ħassejna li nistgħu naċċettaw dan l-assignment il-ġdid. F’Ġunju tal-1974 morna noqogħdu fis-Sala tal-Assemblea. Vera konna ferħanin li rġajna bdejna naqdu fis-servizz full-time!

Is-saħħa taʼ Sheila kompliet tmur għall-aħjar. Sentejn wara aċċettajna l-assignment biex nibdew nagħmlu x-xogħol tas-circuit. Is-circuit kien f’Manitoba, il-Kanada, post li jkollu x-xitwa vera kiesħa. Imma l-aħwa t’hemmhekk vera laqgħuna u wrewna mħabba. Aħna tgħallimna li mhux importanti fejn naqdu, l-iktar importanti hu li tibqaʼ taqdi lil Ġeħova.

NITGĦALLEM XI ĦAĠA IMPORTANTI

Wara x-xogħol tas-circuit fl-1978 bdejna naqdu fil-fergħa tal-Kanada. Hemmhekk tgħallimt xi ħaġa vera importanti. Qaluli biex nagħti taħdita taʼ siegħa u nofs bil-Franċiż f’laqgħa speċjali f’Montreal. Imma t-taħdita ma tantx kienet interessanti għall-aħwa, u allura ħu mid-Dipartiment tas-Servizz tani parir dwarha. Illum nifhem li jien m’iniex wieħed mill-aħjar aħwa biex nagħti t-taħditiet, imma dakinhar ma stajtx nifhimha. Allura jien m’aċċettajtx il-parir. Il-konversazzjoni tagħna ma tantx marret sew u ħassejt li kien qed jikkritika biss u ma rax it-tajjeb li għamilt. Jien għamilt żball li m’aċċettajtx il-parir għax m’għoġobnix min tahuli u dak li qalli.

Jien tgħallimt lezzjoni importanti ħafna wara li tajt taħdita bil-Franċiż

Xi ġranet wara, ħu mill-Kumitat tal-Fergħa kellimni dwar dak li kien ġara. Jien għedtlu li ma kontx ħadt il-parir sewwa u li jiddispjaċini. Wara mort niskuża ruħi mal-ħu li kien tani l-parir u hu ħafirli. Din l-esperjenza għallmitni kemm hu importanti li dejjem inkun umli. Qatt mhu se ninsa dan. (Prov. 16:18) Jien tlabt lil Ġeħova ħafna drabi dwar dan u determinat li qatt ma nerġaʼ naġixxi bl-istess mod meta jtuni parir.

Issa ilni naqdi fil-fergħa tal-Kanada għal iktar minn 40 sena, u ilni naqdi bħala wieħed mill-Kumitat tal-Fergħa mill-1985. Fi Frar tal-2021 il-mara tiegħi Sheila mietet. Apparti d-dwejjaq li nħoss peress li nimmissjaha, jien għandi problemi taʼ saħħa wkoll. Imma li niffoka fuq li naqdi lil Ġeħova jgħinni biex inkun ferħan u nara l-ġranet “għaddejjin malajr.” (Ekk. 5:20) Avolja kelli ħafna problemi fil-ħajja tiegħi, kelli ħafna iżjed affarijiet li ġabuli l-ferħ. Li poġġejt lil Ġeħova fl-ewwel post f’ħajti u li qdejtu fis-servizz full-time għal 70 sena kien vera worth it. Jien nitlob li ż-żgħażagħ ikomplu jpoġġu lil Ġeħova l-ewwel post għax ċert li jekk jagħmlu hekk, ħa jkollhom ħajja sabiħa li tiġi biss milli naqdu lil Ġeħova.

a Ara l-bijografija taʼ Marcel Filteau, “Jehovah Hu r-Refuġju u l-Qawwa Tiegħi,” f’​It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Frar 2000.

b Din in-naħa tal-Afrika kienet kolonja Ingliża sal-1957, u kien jisimha Gold Coast.

c Ara l-bijografija taʼ Herbert Jennings, “Intom Ma Tafux X’Għad Isir Għada,” f’​It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Diċembru 2000.

d Nathan H. Knorr kien qed jieħu t-tmexxija tax-xogħol tagħna matul dak iż-żmien.