ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 36
GĦANJA 89 Ismaʼ u obdi u tkun imbierek
“Għixu fi Qbil mal-Kelma”
“Tkunux uħud li tisimgħu biss, imma għixu fi qbil mal-kelma.”—ĠAK. 1:22.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Dan l-artiklu se jgħinna biex mhux biss inkunu nixtiequ naqraw il-Bibbja kuljum, imma anki naħsbu dwar dak li qrajna u nużawh f’ħajjitna.
1-2. In-nies taʼ Ġeħova għala huma ferħanin? (Ġakbu 1:22-25)
ĠEĦOVA u Ġesù jriduna nkunu ferħanin. Il-kittieb taʼ Salm 119:2 qal: “Ferħanin huma dawk li jżommu mat-tfakkiriet tiegħu, li jfittxuh b’qalbhom kollha.” U Ġesù qal: “Ikun iktar ferħan min jismaʼ l-kelma t’Alla u jobdiha!”—Luqa 11:28.
2 In-nies taʼ Ġeħova huma ferħanin. Għala? Hemm ħafna raġunijiet, imma waħda importanti hi għax jaqraw il-Bibbja kuljum u jipprovaw japplikaw dak li jaqraw.—Aqra Ġakbu 1:22-25.
3. Kif nibbenefikaw meta napplikaw dak li naqraw mill-Kelma t’Alla?
3 Meta ‘ngħixu fi qbil mal-kelma’ se nibbenefikaw b’ħafna modi. Pereżempju, se nkunu ferħanin għax inkunu nafu li qed nogħġbu lil Ġeħova. (Ekk. 12:13) Meta napplikaw il-pariri tal-Bibbja se jkollna ħbiberiji aħjar maʼ tal-familja u l-aħwa tal-kongregazzjoni. X’aktarx hekk ġara f’ħajtek ukoll. Barra minn hekk, nevitaw ħafna mill-problemi li jkollhom in-nies li ma jobdux lil Ġeħova. Aħna naqblu maʼ dak li qal ir-Re David. Wara li kanta dwar il-liġi, ir-regoli, u l-ġudizzji taʼ Ġeħova, hu qal: “Jekk jobdihom se jiġi ppremjat bil-kbir.”—Slm. 19:7-11.
4. Għala mhux dejjem faċli biex napplikaw dak li naqraw mill-Bibbja?
4 Mhux dejjem ikun faċli biex naqraw il-Bibbja kuljum u napplikaw dak li naqraw. Imma biex nifhmu xi jrid minna Ġeħova, irridu nużaw xi ħin kuljum biex naqraw u nistudjaw il-Bibbja. Dan irridu nagħmluh avolja jkollna ħafna x’nagħmlu. F’dan l-artiklu se naraw x’nistgħu nagħmlu biex naqraw il-Bibbja kuljum. Se naraw ukoll x’se jgħinna biex naħsbu dwar dak li naqraw u kif napplikawh f’ħajjitna.
IPPJANA L-ĦIN META ĦA TAQRA L-BIBBJA
5. Għala jistaʼ jkun diffiċli biex insibu l-ħin ħalli naqraw il-Bibbja?
5 Il-biċċa l-kbira min-nies taʼ Ġeħova għandhom ħafna x’jagħmlu. Aħna għandna ħafna responsabbiltajiet importanti. Pereżempju, irridu naħdmu biex naqilgħu l-flus ħalli nieħdu ħsieb tagħna nfusna u tal-familja. (1 Tim. 5:8) Ħafna Kristjani jieħdu ħsieb lil xi wħud tal-familja li huma kbar fl-età jew morda. U kollha kemm aħna rridu nieħdu l-ħin biex nieħdu ħsieb saħħitna. Xi Kristjani jieħdu ħsieb affarijiet importanti fil-kongregazzjoni. Xi ħaġa oħra li lkoll kemm aħna rridu nagħmlu hi li nagħmlu l-aħjar tagħna biex nippritkaw. Allura bir-responsabbiltajiet kollha li għandna, kif nistgħu nsibu l-ħin biex naqraw, naħsbu sew, u napplikaw dak li nitgħallmu mill-Bibbja?
6. Kif tistaʼ tagħmel ċert li taqra l-Bibbja kuljum? (Ara l-istampa.)
6 Bħala Kristjani, waħda mill-“iktar affarijiet importanti” li għandna nagħmlu hi li naqraw il-Bibbja. (Flp. 1:10) Dwar xi ħadd ferħan, il-Bibbja tgħidilna li hu “jħobb ħafna l-liġi taʼ Ġeħova, u jaqraha u jimmedita fuqha lejl u nhar.” (Slm. 1:1, 2) Dan il-kliem jurina li aħna rridu nippjanaw il-ħin fil-ġurnata tagħna biex naqraw il-Bibbja. Meta hu l-aħjar ħin biex tagħmel dan? Ir-risposta tistaʼ tkun differenti għal kull wieħed u waħda minna. Imma kulħadd irid jara meta hu l-aħjar ħin għalih biex jaqra l-Bibbja kuljum. Ħu jismu Victor qal: “Jien insib li l-aħjar ħin biex naqra l-Bibbja hu filgħodu avolja ma nħobbx inqum kmieni. Dak huwa l-aħjar ħin għalija għax ma jkunx hemm ħafna affarijiet li jistgħu jtellfuni u nkun nistaʼ niffoka iktar.” Jistaʼ jkun li dan il-parir japplika għalik ukoll? Staqsi lilek innifsek, ‘Meta hu l-aħjar ħin għalija biex naqra l-Bibbja?’
AĦSEB SEW DWAR DAK LI TAQRA
7-8. Għala jistaʼ jkun li ma nibbenefikawx mill-qari tal-Bibbja? Agħti eżempju.
7 Li tippjana ħin biex taqra l-Bibbja huwa tajjeb ħafna, imma mhux biżżejjed. Ġieli kont qed taqra xi ħaġa u wara ftit tkun insejt xi tkun qrajt? Kollha kemm aħna ġratilna xi darba jew oħra. Dan jistaʼ jiġri wkoll meta nkunu qegħdin naqraw il-Bibbja. Nistgħu nagħmlu mira biex naqraw numru taʼ kapitli kuljum. Dan hu tajjeb ħafna għax li nagħmlu mira u nżommu magħha jistaʼ jgħinna. (1 Kor. 9:26) Imma li naqraw il-Bibbja biss mhuwiex biżżejjed. Biex tkun tistaʼ tgħinna rridu nagħmlu iktar.
8 Aħseb dwar dan l-eżempju: Ix-xita hi importanti ħafna għall-pjanti. Imma jekk tagħmel ħafna xita f’daqqa, il-ħamrija tistaʼ tinfaqaʼ bl-ilma u għalxejn tagħmel iżjed xita wara. Allura, l-aħjar ikun meta x-xita tagħmel bil-mod u l-pjanti jkunu jistgħu jieħdu l-ilma li għandhom bżonn u b’hekk jikbru. Bl-istess mod, aħna rridu naqraw il-Bibbja bil-mod ħalli jkollna biżżejjed ċans naħsbu dwar dak li nkunu qed naqraw, niftakruh, u napplikawh.—Ġak. 1:24.
9. Xi rridu nagħmlu jekk qed naqraw il-Bibbja malajr?
9 Ġieli ħassejtek li kont qed tgħaġġel wisq int u taqra l-Bibbja? Ikun tajjeb li taqra bil-mod u taħseb sew wara li taqra. Dan mhuwiex diffiċli wisq. Allura forsi tiddeċiedi li meta taqra l-Bibbja tħalli l-ħin biex taħseb dwar dak li tkun qrajt. Jew forsi tistaʼ taqra inqas versi u taħseb dwarhom biss. Victor li ssemma qabel jgħid: “Jien ma naqrax ħafna. Forsi kapitlu wieħed kuljum. U peress li naqra filgħodu kmieni, nibqaʼ naħseb dwaru matul il-ġurnata kollha.” Int tistaʼ tiddeċiedi kemm taqra, imma importanti li dak li taqra taħseb sew dwaru.—Slm. 119:97; ara l-kaxxa “ Mistoqsijiet Dwar Xiex Taħseb.”
10. Agħti eżempju taʼ kif tistaʼ tapplika dak li titgħallem. (1 Tessalonikin 5:17, 18)
10 Meta taqra xi versi aħseb kif tistaʼ tapplikahom. Meta tkun qed taqra, saqsi, ‘Dan kif jistaʼ jgħinni issa jew fil-futur?’ Pereżempju, immaġina li qrajt l-1 Tessalonikin 5:17, 18. (Aqra.) Wara li taqrahom, ieqaf u aħseb dwar kemm-il darba titlob u kemm titlob mill-qalb. Tistaʼ taħseb ukoll dwar affarijiet li tapprezza. B’hekk forsi tiddeċiedi li tirringrazzja lil Ġeħova għal tliet affarijiet speċifiċi. Anke jekk tagħmel ftit minuti biss taħseb dwar dak li qrajt ħa jgħinek biex tifhem iktar u tapplika dak li qrajt f’ħajtek. Jekk tagħmel dan kuljum, maż-żmien se ssir qaddej aħjar taʼ Ġeħova. Imma x’għandek tagħmel jekk tinduna li hemm ħafna affarijiet fuq xiex taħdem?
AGĦMEL MIRI LI TISTAʼ TILĦAQHOM
11. Għala jistaʼ jkun tħossok skuraġġit? Agħti eżempju.
11 Meta taqra l-Bibbja jaf tħossok skuraġġit għax ikun hemm ħafna affarijiet li trid tirranġa. Aħseb dwar dan l-eżempju. Illum tibda taqra l-Bibbja u tara l-parir biex ma nurux preferenzi. (Ġak. 2:1-8) Int tinduna li hemm bżonn tirranġa l-mod kif tittratta lil oħrajn, u tibda taħdem fuqha. Dan hu tajjeb ħafna! Għada taqra xi versi li juru kemm hu importanti li nagħżlu kliemna sew. (Ġak. 3:1-12) Int tinduna li ġieli tgħid xi affarijiet li ma jkunux pożittivi. Allura tiddeċiedi li meta titkellem se tkun iktar pożittiv u inkuraġġanti. L-għada taqra xi versi oħra li juru kemm trid toqgħod attent li ma ssirx ħabib tad-dinja. (Ġak. 4:4-12) Issa tinduna li trid toqgħod iktar attent dwar x’tagħmel meta tkun qed tirrilassa bħal pereżempju x’kotba taqra, x’mużika tismaʼ, u x’tara. Sar-rabaʼ ġurnata jaf tibda tħoss li hemm wisq affarijiet li trid tirranġa.
12. Għala m’għandekx tħossok skuraġġit jekk tara li hemm bżonn tagħmel il-bidliet? (Ara wkoll in-nota taʼ taħt.)
12 Jekk hemm bżonn tbiddel xi affarijiet, tħossokx skuraġġit. Dan hu sinjal li int umli u li tixtieq tagħmel l-affarijiet kif jixtieqek Ġeħova. Xi ħadd li hu umli jaqra l-Bibbja biex jara kif jistaʼ jsir persuna aħjar. a Ftakar li dejjem irridu nkomplu nilbsu “l-personalità l-ġdida.” (Kol. 3:10; ara wkoll in-nota taʼ studju bl-Ingliż fuq “is being made new.”) X’se jgħinek biex tibqaʼ tapplika dak li titgħallem?
13. Xi trid tagħmel biex tapplika dak li tgħallimt? (Ara l-istampa.)
13 Minflok ma tipprova tirranġa kollox f’daqqa, agħmel mira biex taħdem fuq ħaġa wara l-oħra. (Prov. 11:2) Ipprova dan. Agħmel lista taʼ fuq xiex trid taħdem, imbagħad agħżel waħda jew tnejn u ibda bihom. Minn fejn għandek tibda?
14. B’liema miri tistaʼ tibda?
14 Tistaʼ tiddeċiedi li tibda b’mira li hi eħfef għalik biex tilħaqha. Jew forsi tiddeċiedi li tibda taħdem fuq xi ħaġa li l-iktar li għandek bżonn tirranġa. Meta tiddeċiedi fuq xiex ħa taħdem, agħmel riċerka fil-pubblikazzjonijiet tagħna forsi billi tuża l-Watch Tower Publications Index jew il-Gwida għall-Pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Imbagħad, itlob lil Ġeħova biex jagħtik “kemm ix-xewqa u kemm il-qawwa” biex taħdem fuq il-mira li tkun għamilt. (Flp. 2:13) Meta tara li bdejt tagħmel progress fil-mira tiegħek, se tħossok inkuraġġit biex taħdem fuq il-miri l-oħra wkoll. U wisq probabbli se ssibha iktar faċli.
APPLIKA DAK LI TGĦID IL-BIBBJA
15. In-nies taʼ Ġeħova kif huma differenti mill-ħafna nies li jgħidu li qraw il-Bibbja? (1 Tessalonikin 2:13)
15 Xi nies qraw il-Bibbja ħafna drabi. Imma jemmnu dak li tgħid? Applikaw dak li tgħallmu minnha u biddlu ħajjithom? Ħafna minnhom le. Imma n-nies taʼ Ġeħova huma differenti. Bħall-Kristjani tal-bidu, aħna naċċettaw il-Bibbja “bħalma hi verament, il-kelma t’Alla.” Aħna nagħmlu kulma nistgħu biex napplikaw dak li nitgħallmu minnha.—Aqra l-1 Tessalonikin 2:13.
16. X’se jgħinna napplikaw dak li naqraw mill-Bibbja?
16 Mhux dejjem faċli li taqra l-Bibbja u tapplika dak li titgħallem. Jistaʼ jkun diffiċli biex insibu ħin tajjeb biex naqraw jew meta naqraw, ngħaġġlu u ma naħsbux dwar dak li nkunu qrajna. Jaf inħossuna skuraġġiti bl-affarijiet li rridu nirranġaw f’ħajjitna. Hu x’inhu dak li ssib diffiċli, mhuwiex impossibbli. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova int jistaʼ jirnexxilek. Jekk naċċettaw l-għajnuna tiegħu mhux se nkunu xi ħadd li jismaʼ u jinsa, imma xi ħadd li jobdi l-Kelma. Iktar ma naqraw il-Bibbja u napplikawha f’ħajjitna, iktar se nkunu ferħanin.—Ġak. 1:25.
GĦANJA 94 Grati għall-Kelma t’Alla
a Ara l-vidjow fuq jw.org Dak li Jgħidu Dawk Tamparek—Il-Qari tal-Bibbja.