Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 37

GĦANJA 118 “Agħtina iktar fidi”

Ittra li Tistaʼ Tgħinna Nibqgħu Leali sal-Aħħar

Ittra li Tistaʼ Tgħinna Nibqgħu Leali sal-Aħħar

“Inżommu sod sal-aħħar il-fiduċja li kellna meta bdejna nemmnu.”LHUD 3:14.

DAK LI SE NITGĦALLMU

L-ittra lil-Lhud fiha pariri li jistgħu jgħinuna nibqgħu leali sal-aħħar taʼ din is-sistema.

1-2. (a) Meta l-appostlu Pawlu kiteb l-ittra lil-Lhud, kif kienet il-ħajja tagħhom? (b) Din l-ittra għala setgħet tgħinhom ħafna?

 IL-KRISTJANI Lhud li kienu jgħixu Ġerusalemm u l-Lhudija kellhom ħajja diffiċli wara li miet Ġesù. Wara li ġiet ifformata l-kongregazzjoni, qamet persekuzzjoni kbira kontra l-Kristjani veri. (Atti 8:1) Imbagħad, xi 20 sena wara, huma kellhom problemi taʼ flus, wisq probabbli minħabba l-ġuħ li kien hemm fil-pajjiż xi żmien qabel. (Atti 11:​27-30) Imma għal xi żmien wara s-sena 61 wara Kristu (WK), il-Kristjani kellhom ftit persekuzzjoni meta mqabbel maż-żmien li kien ġej. F’dak iż-żmien, Ġeħova uża lil Pawlu biex jibagħtilhom ittra, u dak li kien fiha kien eżatt dak li kellhom bżonn biex huma jkunu lesti għall-futur.

2 L-ittra li bagħat l-appostlu Pawlu kienet eżatt fil-ħin għax il-paċi li kellhom il-Kristjani ma kinitx ħa ddum ħafna. F’dik l-ittra, Pawlu tahom pariri tajbin ħafna biex il-Kristjani jkunu jistgħu jissaportu. Il-qerda taʼ Ġerusalemm, li Ġesù kien tkellem dwarha, kienet kważi waslet. (Luqa 21:20) Però la Pawlu u lanqas il-Kristjani ma kienu jafu eżatt meta kienet ġejja dik il-qerda. Allura, il-Kristjani kellhom jużaw il-ħin tagħhom sew biex jippreparaw lilhom infushom billi jsaħħu l-fidi u jitgħallmu jissaportu iktar.—Lhud 10:25; 12:​1, 2.

3. Il-Kristjani llum għala għandhom jagħtu kas l-ittra lil-Lhud?

3 Dalwaqt aħna ħa jkollna żmien taʼ tbatija kbira li ħa jkun agħar minn dak li kellhom il-Lhud. (Mat. 24:21; Riv. 16:​14, 16) Allura, f’dan l-artiklu se naraw xi pariri li Ġeħova ta lil-Lhud għax dawn jistgħu jgħinuna ħafna.

“EJJA NIMMATURAW”

4. Xi sfidi kellhom il-Lhud li saru Kristjani? (Ara l-istampa.)

4 Il-Lhud li saru Kristjani kellhom jagħmlu bidliet kbar li ma kinux faċli. Pereżempju, fil-passat il-Lhud kienu poplu magħżul minn Ġeħova. Ġerusalemm kienet post importanti ħafna għax ir-re li kien jirrappreżenta lil Ġeħova kien imexxi minn hemm. U kien hemm it-tempju biex iqimu lil Ġeħova. Il-Lhud kienu jimxu mal-Liġi taʼ Mosè u mar-regoli li kienu jgħallmu l-mexxejja reliġjużi. Dawn ir-regoli kienu jikkontrollaw x’kienu jieklu, iċ-ċirkonċiżjoni, u kif kellhom jaġixxu man-nies minn popli oħra. Imma wara li miet Ġesù, Ġeħova ma baqax jaċċetta sagrifiċċji offruti fit-tempju. Dan setaʼ kien taʼ sfida għal-Lhud li saru Kristjani biex ibiddlu l-mod kif kienu jqimu lil Ġeħova. (Lhud 10:​1, 4, 10) Anki Kristjani li kellhom fidi b’saħħitha, bħall-appostlu Pietru, sabuhom diffiċli dawn il-bidliet. (Atti 10:​9-14; Gal. 2:​11-14) U minħabba dan it-twemmin ġdid, dawn il-Kristjani kellhom persekuzzjoni mill-mexxejja tar-reliġjon Lhudija.

Il-Kristjani kellhom jibqgħu jemmnu l-verità mill-Kelma t’Alla u ma jemmnux il-gideb tal-mexxejja Lhud (Ara paragrafi 4-5)


5. Il-Kristjani minn min kellhom joqogħdu attenti, u għala?

5 Il-Kristjani fil-Lhudija kellhom persekuzzjoni minn żewġ gruppi taʼ nies. L-ewwel, mill-mexxejja tar-reliġjon Lhudija għax kienu qed jittrattawhom bħala apostati. It-tieni, xi Lhud li kienu jgħidu li huma Kristjani kienu qed jgħidu lill-aħwa li għandhom jibqgħu jimxu mal-Liġi taʼ Mosè. Wisq probabbli għax huma riedu jevitaw il-persekuzzjoni. (Gal. 6:12) Allura, x’kien se jgħin lill-Kristjani veri biex jibqgħu leali lejn Ġeħova?

6. Pawlu x’inkuraġġiehom jagħmlu lill-Kristjani? (Lhud 5:14; 6:1)

6 L-ittra li kiteb Pawlu lill-Kristjani Lhud inkuraġġiethom biex jistudjaw il-Kelma t’Alla u jimmeditaw dwarha. (Aqra Lhud 5:14; 6:1.) Pawlu kkwota mill-Iskrittura Ebrajka u spjegalhom għala l-mod kif il-Kristjani kienu qed jaqdu lil Ġeħova kien aħjar mill-mod kif kienu qed jaqduh il-Lhud. a Hu inkuraġġiehom biex jitgħallmu u jifhmu iktar il-Kelma t’Alla ħalli jagħrfu tagħlim falz u ma jaċċettawhx.

7. Liema sfidi jkollna llum?

7 Illum, eżatt bħall-Kristjani Lhud fi żmien l-appostlu Pawlu, aħna niltaqgħu ma’ ħafna nies u ideat li jmorru kontra dak li jgħid Ġeħova taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Ġieli jkun hemm nies li jgħidu li x-Xhieda taʼ Ġeħova ma jaċċetawx lil kulħadd u huma kattivi għax jobdu dak li tgħid il-Bibbja dwar is-sess. Il-mod kif jaħsbu n-nies qed isir dejjem iktar kontra dak li jgħid Ġeħova. (Prov. 17:15) Allura, huwa importanti li aħna nagħrfu ideat ħżiena bħal dawn u ma nħallu xejn jiskuraġġina milli naqdu lil Ġeħova.—Lhud 13:9.

8. X’se jgħinna biex nimmaturaw spiritwalment?

8 Pawlu qal lill-Kristjani Lhud biex ikomplu jimmaturaw. U aħna rridu nagħmlu l-istess. Aħna nistgħu nimmaturaw billi nistudjaw sew il-Bibbja ħalli nsiru nafu lil Ġeħova u l-mod kif jaħseb. Dan għandna nagħmluh anki wara li niddedikaw lilna nfusna u nitgħammdu. Ilna kemm ilna fil-verità, importanti li nibqgħu naqraw u nistudjaw il-Bibbja. (Slm. 1:2) Rutina tajba taʼ studju tal-Bibbja se tgħinna biex ikollna fidi b’saħħitha. Din hi kwalità li Pawlu qal lill-Kristjani Lhud li għandu jkollhom.—Lhud 11:​1, 6.

“GĦANDNA L-FIDI U NSALVAW ĦAJJITNA”

9. Il-Kristjani Lhud għala kellhom bżonn fidi b’saħħitha?

9 Il-Kristjani Lhud kien se jkollhom bżonn fidi b’saħħitha biex isalvaw meta jiġi żmien diffiċli ħafna fil-Lhudija. (Lhud 10:​37-39) Ġesù kien qal biex meta jaraw armata madwar Ġerusalemm jaħarbu lejn il-muntanji. Dan kien parir għall-Kristjani kollha, kemm jekk kienu joqogħdu fil-belt u anki jekk kienu joqogħdu fil-kampanja. (Luqa 21:​20-24) Normalment, meta kienet tiġi xi armata biex tattakka, dawk li ma kinux jgħixu ġo belt kienu jfittxu protezzjoni f’belt bis-swar, bħal Ġerusalemm. Allura, dak li qal Ġesù biex jaħarbu lejn il-muntanji setaʼ deher li ma kienx jagħmel sens. Huma żgur li kellhom bżonn fidi b’saħħitha biex jobdu.

10. Il-Kristjani x’kellhom jitgħallmu jagħmlu? (Lhud 13:17)

10 Il-Kristjani Lhud kellhom jafdaw lil dawk li Ġesù għażel biex imexxu fil-kongregazzjoni. Wisq probabbli, dawk l-aħwa taw direzzjoni speċifika taʼ kif u meta kellhom jaħarbu. (Aqra Lhud 13:17.) L-appostlu Pawlu qal lill-aħwa biex jobdu ‘lil dawk li qed imexxu fosthom.’ Hu kien qed ifisser li l-aħwa kellhom jobdu għax kienu jafdaw lill-anzjani, u mhux taʼ bilfors. Allura l-Kristjani Lhud kellhom jitgħallmu jafdaw u jobdu d-direzzjoni tal-anzjani qabel ma ġiet il-persekuzzjoni. Jekk huma kienu ħa jobdu meta l-ħajja kienet għadha normali, kienet ħa tkun iktar faċli biex jobdu meta jiġi żmien diffiċli ħafna.

11. Għala huwa importanti li jkollna fidi b’saħħitha?

11 Illum, aħna għandna bżonn fidi b’saħħitha bħalma kellhom bżonn il-Kristjani Lhud. In-nies illum ma jemmnux li din is-sistema ħażina dalwaqt se tispiċċa u ħafna jwaqqgħuna għaċ-ċajt minħabba dak li nemmnu. (2 Pt. 3:​3, 4) U avolja l-Bibbja tagħti xi informazzjoni dwar iż-żmien taʼ tbatija kbira, hemm ħafna affarijiet li ma nafux. Għalhekk għandna bżonn fidi b’saħħitha, u nkunu ċerti li Ġeħova diġà ddeċieda meta ġejja Armageddon u li hu se jieħu ħsiebna matul dak iż-żmien.—Ħab. 2:3.

12. X’se jgħinna nsalvaw matul iż-żmien taʼ tbatija kbira?

12 Illum, irridu nsaħħu l-fidi tagħna wkoll fl-“ilsir leali u għaqli” għax Ġeħova qed jużahom biex itina d-direzzjoni. (Mat. 24:45) Meta jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira huma forsi jtuna direzzjonijiet speċifiċi li jistgħu jsalvawna, eżatt bħalma ġara fi żmien il-Kristjani Lhud meta r-Rumani daru maʼ Ġerusalemm. Bħalissa, huwa importanti ħafna li nitgħallmu nafdaw lil dawk li Ġeħova għażel biex jieħdu t-tmexxija fl-organizzazzjoni. Jekk insibuha diffiċli biex nafdawhom bħalissa, ħa tkun ħafna iktar diffiċli biex nobdu fiż-żmien taʼ tbatija kbira.

13. Il-Kristjani Lhud għala kellhom bżonn il-parir taʼ Lhud 13:5?

13 Waqt li l-Kristjani Lhud kienu qed jistennew is-sinjal biex jaħarbu, huma kellhom bżonn jgħixu ħajja sempliċi u ma jħobbux il-flus. (Aqra Lhud 13:5.) Xi ftit minnhom kienu għaddew minn żmien taʼ faqar u ġuħ. (Lhud 10:​32-34) Allura jaf kien hemm xi wħud li bdew jiffokaw fuq li jkollhom iktar flus ħalli jħossuhom protetti, avolja fil-passat kienu lesti li jissaportu żminijiet diffiċli minħabba l-verità. Imma l-flus ma kinux se jsalvawhom meta tinqered Ġerusalemm. (Ġak. 5:3) Anzi dawk li kienu jħobbu l-affarijiet materjali kienu se jsibuha iktar diffiċli biex jaħarbu u jħallu kollox warajhom.

14. Kif se nqisu l-affarijiet materjali jekk ikollna fidi b’saħħitha?

14 Jekk ikollna fidi b’saħħitha li Ġeħova dalwaqt se jeqred din is-sistema ħażina, mhux se naħsbu li l-flus u l-affarijiet materjali huma l-iktar ħaġa importanti. Matul iż-żmien taʼ tbatija kbira, il-flus mhu se jkunu jiswew xejn. Il-Bibbja tgħid li n-nies “fit-toroq għad jitfgħu l-fidda tagħhom” għax jindunaw li “la l-fidda u lanqas id-deheb tagħhom ma se jkunu jistgħu jeħilsuhom f’jum il-qilla taʼ Ġeħova.” (Eżek. 7:19) Allura minflok ma niffokaw fuq li naqilgħu kemm jistaʼ jkun flus, irridu nieħdu deċiżjonijiet li jgħinuna nieħdu ħsieb lilna nfusna, il-familja tagħna, u naqdu lil Ġeħova kemm nistgħu. Dan jinkludi li ma nagħmlux dejn bla bżonn u ma nqattgħux ħin żejjed nieħu ħsieb l-affarijiet materjali li għandna. (Mat. 6:​19, 24) Barra minn hekk, irridu noqogħdu attenti li l-affarijiet materjali ma jsirux l-iktar ħaġa importanti f’ħajjitna. Iktar ma nersqu viċin Armageddon irridu nagħżlu lil min ħa nafdaw l-iktar, jekk hux lil Ġeħova jew l-affarijiet materjali tagħna.

“GĦANDKOM BŻONN TISSAPPORTU”

15. Il-Kristjani Lhud għala kellhom bżonn jissaportu?

15 Is-sitwazzjoni tal-Kristjani Lhud kienet se tmur għall-agħar, allura kellhom jitgħallmu jissaportu. (Lhud 10:36) Ftit minnhom kienu diġà għaddew minn persekuzzjoni ħarxa, imma oħrajn kienu saru Kristjani fi żmien taʼ paċi. Pawlu qalilhom li għalkemm kienu ssaportew, kellhom ikunu preparati biex jibqgħu leali bħalma għamel Ġesù, sal-mewt. (Lhud 12:4) Il-Lhud bdew isiru iktar irrabjati u vjolenti għax il-Kristjani bdew jiżdiedu. Fil-fatt, ftit snin qabel, meta Pawlu mar jipprietka f’Ġerusalemm, grupp taʼ iktar minn 40 Lhudi attakkawh. Huma ħalfu li ma kinux se jieklu jew jixorbu qabel ma joqtlu lil Pawlu. (Atti 22:22; 23:​12-14) Imma l-Kristjani, avolja kienu se jiġu persegwitati, xorta kellhom jiltaqgħu flimkien, jippritkaw, u jkollhom fidi b’saħħitha.

16. L-ittra lil-Lhud kif se tgħinna nibqgħu nissaportu? (Lhud 12:7)

16 X’kien se jgħin lill-Kristjani Lhud biex jissaportu? Pawlu ried jgħinhom jaraw għala jkun tajjeb li jibqgħu jissaportu. Hu spjega li Ġeħova jaf iħallina ngħaddu mill-provi biex jittrennjana. (Aqra Lhud 12:7 u n-nota taʼ taħt.) Dan it-trejning jinkludi li nitgħallmu kwalitajiet ġodda li jogħġbu lil Ġeħova jew naħdmu biex intejbu l-kwalitajiet li għandna. Kien se jkun iktar faċli għall-Kristjani Lhud biex jissaportu jekk jaħsbu fuq l-affarijiet tajbin li jiġu wara l-persekuzzjoni.—Lhud 12:11.

17. Pawlu x’kien jaf dwar il-persekuzzjoni?

17 Pawlu inkuraġġixxa lill-Kristjani Lhud biex ma jaqtgħux qalbhom u jibqgħu kuraġġużi. Hu setaʼ jtihom pariri tajbin għax qabel sar Kristjan kien jippersegwita lill-Kristjani. Allura kien jaf kemm kienu jiġu ttrattati ħażin. Wara li sar Kristjan, hu għadda minn ħafna persekuzzjoni differenti, b’hekk kien jaf ukoll x’jiġifieri li tiġi persegwitat. (2 Kor. 11:​23-25) Hu kien jaf x’kellhom bżonn biex jissaportu, allura fakkarhom li kellhom bżonn il-kuraġġ u riedu jistrieħu fuq Ġeħova. B’hekk Pawlu setaʼ jgħid: “Ġeħova hu l-wieħed li jgħinni; m’iniex se nibżaʼ.”—Lhud 13:6.

18. Minn xiex se ngħaddu fil-futur u xi rridu nagħmlu minn issa?

18 Bħalissa xi aħwa għaddejjin mill-persekuzzjoni. Aħna nistgħu nuru li nħobbuhom billi nitolbu għalihom u jekk inkunu nistgħu, ngħinuhom f’xi ħaġa li jkollhom bżonn. (Lhud 10:33) Imma l-Bibbja turi li “dawk kollha li jixtiequ jkunu leali lejn Alla bħala dixxipli taʼ Kristu Ġesù se jkunu persegwitati wkoll.” (2 Tim. 3:12) Minħabba f’hekk, kollha kemm aħna rridu nippreparaw minn issa għaż-żmien diffiċli li ġej. Irridu nafdaw kompletament f’Ġeħova minn issa u nkunu ċerti li se jgħinna, ngħaddu minn xiex ngħaddu. Hu jwegħedna li dalwaqt se jneħħi t-tbatija taʼ dawk kollha li huma leali lejh.—2 Tes. 1:​7, 8.

19. Xi rridu nagħmlu biex nippreparaw għaż-żmien taʼ tbatija kbira? (Ara l-istampa.)

19 L-ittra taʼ Pawlu lill-Kristjani Lhud għenithom jibqgħu leali meta ġiet il-persekuzzjoni. Pawlu inkuraġġiehom biex jistudjaw u jifhmu iktar il-Kelma t’Alla. Dan kien se jgħinhom jagħrfu ideat foloz u ma jemmnuhomx. Inkuraġġiehom ukoll biex isaħħu l-fidi tagħhom ħalli jobdu d-direzzjoni taʼ Ġesù u taʼ dawk li kienu qed jieħdu t-tmexxija fil-kongregazzjoni. Pawlu għenhom jissaportu l-problemi billi jqisuhom bħala trejning minn Ġeħova. Aħna wkoll ikun tajjeb li nobdu dawn il-pariri, għax b’hekk se nkunu nistgħu nibqgħu leali sal-aħħar.—Lhud 3:14.

Il-Kristjani leali ġew imberkin talli baqgħu jissaportu. Wara li ħarbu mil-Lhudija, huma baqgħu jiltaqgħu flimkien. X’nistgħu nitgħallmu? (Ara paragrafu 19)

GĦANJA 126 Imqajmin, sodi, u setgħanin ibqgħu

a F’Lhud kapitlu wieħed, Pawlu kkwota mill-Iskrittura Ebrajka sebaʼ darbiet biex juri li l-mod kif qed iqimu issa kien aħjar minn kif kienu qed iqimu fir-reliġjon Lhudija.—Lhud 1:​5-13.