Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 39

GĦANJA 125 “Henjin dawk li jħennu!”

Meta Tagħti lil Oħrajn Se Tkun Ferħan

Meta Tagħti lil Oħrajn Se Tkun Ferħan

“Se tkunu iktar ferħanin meta tagħtu milli meta tirċievu.”ATTI 20:35.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Kif inkunu iżjed ferħanin billi nagħtu lil oħrajn.

1-2. Ġeħova għala ħalaqna b’mod li nħossuna ferħanin meta nagħtu lil oħrajn?

 ĠEĦOVA ħalaq lin-nies b’mod li jkunu iktar ferħanin meta jagħtu lil oħrajn milli meta jirċievu. (Atti 20:35) Allura dan ifisser li ma nkunux ferħanin meta nirċievu xi ħaġa? Le, aħna nieħdu pjaċir meta nirċievu rigal. Imma meta nagħtu rigal lil xi ħadd inħossu ferħ ikbar. Hu tajjeb li Ġeħova għamilna b’dan il-mod. Għala?

2 Ġeħova ħalaqna b’mod li aħna nistgħu nikkontrollaw il-ferħ tagħna. Dan nistgħu nagħmluh billi naraw kif nistgħu nagħtu lil oħrajn. Kemm hi xi ħaġa sabiħa li Ġeħova ħalaqna b’dan il-mod.—Slm. 139:14.

3. Il-Bibbja għala tgħid li Ġeħova hu “Alla li hu ferħan”?

3 Il-Bibbja tgħid li meta nagħtu nkunu ferħanin. Minħabba f’hekk, nistgħu nifhmu għala tgħid li Ġeħova hu “Alla li hu ferħan.” (1 Tim. 1:11) Hu kien l-ewwel wieħed li ta lil oħrajn u ħadd ma jagħti daqsu. “Bis-saħħa tiegħu, aħna ngħixu, niċċaqalqu, u neżistu.” (Atti 17:28) U “kull ħaġa tajba u kull rigal perfett” ġej mingħandu.—Ġak. 1:17.

4. X’se jgħinna biex inħossuna iktar ferħanin?

4 Kollha kemm aħna nixtiequ li nħossu iktar il-ferħ taʼ meta nagħtu. Dan nistgħu nagħmluh billi nimitaw il-ġenerożità taʼ Ġeħova. (Efes. 5:1) F’dan l-artiklu, se nistudjaw dwar l-eżempju taʼ Ġeħova f’li jagħti u anke x’nistgħu nagħmlu meta nħossu li oħrajn ma japprezzawx dak li nagħmlu magħhom. Dan se jgħinna biex nibqgħu nagħtu u nħossuna iktar ferħanin.

KUN ĠENERUŻ BĦAL ĠEĦOVA

5. X’inhuma xi affarijiet li jtina Ġeħova?

5 Ġeħova kif hu ġeneruż magħna? Aħseb dwar dawn l-eżempji. Ġeħova jtina affarijiet li għandna bżonn. Vera li Ġeħova ma jagħmilniex sinjuri, imma hu jagħmel ċert li dejjem ikollna l-bżonnijiet. Pereżempju, hu dejjem jipprovdilna affarijiet bħal ikel, ħwejjeġ, u xi mkien fejn noqogħdu. (Slm. 4:8; Mat. 6:​31-33; 1 Tim. 6:​6-8) Ġeħova ma jtiniex dawn l-affarijiet għax iħoss li jrid jagħtihomlna bilfors! Allura għala jagħtihomlna?

6. X’nitgħallmu minn Mattew 6:​25, 26?

6 Ġeħova jipprovdilna li għandna bżonn għax iħobbna. Aħseb dwar dak li qal Ġesù f’​Mattew 6:​25, 26. (Aqra.) Ġesù ġab eżempju bl-għasafar. Hu qal: “Huma ma jiżirgħux, ma jaħsdux, u ma jaħżnux ikel, imma Missierkom tas-sema jitmagħhom.” Imbagħad hu staqsa: “Ma tiswewx intom iktar minn dawn l-għasafar?” Ġesù x’ried jgħallimna? Ġeħova jqis lill-qaddejja leali tiegħu ħafna iktar prezzjużi mill-annimali. Allura jekk hu jieħu ħsieb l-annimali, żgur se jieħu ħsieb lilna wkoll! Bħal missier li jħobb lill-familja tiegħu, hu se jipprovdilna dak li għandna bżonn għax iħobbna.—Slm. 145:16; Mat. 6:32.

7. B’liema mod nistgħu nimitaw lil Ġeħova? (Ara l-istampa.)

7 Aħna nistgħu nimitaw lil Ġeħova billi nagħtu lil oħrajn dak li għandhom bżonn għax inħobbuhom. Pereżempju, taf lil xi ħu jew oħt li għandha bżonn ikel jew ħwejjeġ? Ġeħova jistaʼ jużak biex tgħinha. In-nies taʼ Ġeħova jgħinu lil oħrajn meta jinqalaʼ xi diżastru wkoll. Pereżempju, matul il-pandemija tal-COVID-19, l-aħwa kienu jagħtu ħwejjeġ, ikel, u affarijiet oħra lil dawk li kellhom bżonn. Ħafna aħwa oħra taw donazzjonijiet għax-xogħol taʼ madwar id-dinja. U dan għen biex jagħtu sapport lill-aħwa li kienu fil-bżonn minħabba xi diżastru. Dawk l-aħwa obdew dak li jgħid Lhud 13:​16, jiġifieri: “Iktar minn hekk, tinsewx tagħmlu t-tajjeb u taqsmu dak li għandkom m’oħrajn, għax Alla jieħu pjaċir ħafna b’sagrifiċċji bħal dawn.”

Kollha kemm aħna nistgħu nkunu ġenerużi bħal Ġeħova (Ara paragrafu 7)


8. Ġeħova kif jgħinna billi jagħtina s-saħħa? (Filippin 2:13)

8 Ġeħova jagħti s-saħħa. Hu jieħu pjaċir jagħti mis-saħħa kbira li għandu lill-qaddejja tiegħu. (Aqra Filippin 2:13.) Qatt tlabtu biex jagħtik is-saħħa ħalli tissaporti xi tentazzjoni jew tibqaʼ leali meta tiffaċċja sitwazzjoni diffiċli? Jew forsi ġieli tlabtu għas-saħħa biex tieħu ħsieb l-affarijiet li kellek tagħmel matul il-ġurnata? Meta Ġeħova wieġeb it-talba tiegħek jaf ħassejtek bħalma qal l-appostlu Pawlu: “Jien għandi s-saħħa għal kollox, għax Alla jagħtini l-qawwa li jkolli bżonn.”—Flp. 4:13.

9. Kif nistgħu nużaw saħħitna billi nimitaw lil Ġeħova? (Ara l-istampa.)

9 Avolja aħna imperfetti, xorta nistgħu nimitaw lil Ġeħova billi nagħtu mis-saħħa tagħna biex ngħinu lil oħrajn. Pereżempju, nistgħu nagħmlu l-qadi jew xi xogħol fid-dar għall-aħwa li huma kbar fl-età jew morda. Forsi nistgħu ngħinu biex nieħdu ħsieb is-Sala u meta jkun hemm it-tindif. Billi nużaw saħħitna b’dan il-mod inkunu qed nagħmlu ħafna ġid għall-aħwa.

Aħna nistgħu nużaw is-saħħa tagħna biex ngħinu lil oħrajn (Ara paragrafu 9)


10. Kif nistgħu ninkuraġġixxu lil oħrajn bil-kliem tagħna?

10 Tinsiex li l-kliem li tgħid hu b’saħħtu ħafna. Taf lil xi ħadd li jħossu skuraġġit? Jekk iva, uri lil dik il-persuna li vera jimpurtak minnha. Tistaʼ tmur taraha, iċċemplilha, ittiha xi kard, jew tibagħtilha xi messaġġ. Tinkwetax iżżejjed dwar x’se tgħid. Jekk tuża ftit kliem mill-qalb jaf ikun dak li jkollha bżonn biex tibqaʼ leali u iktar pożittiva.—Prov. 12:25; Efes. 4:29.

11. Ġeħova kif jagħti l-għerf tiegħu lil oħrajn?

11 Ġeħova jtina l-għerf. L-appostlu Ġakbu qal: “Jekk xi ħadd minnkom għandu bżonn l-għerf, hu għandu jkompli jitlob lil Alla u se jingħatalu, għax Alla jagħti b’mod ġeneruż lil kulħadd u mhux se jirrabja maʼ min jitolbu.” (Ġak. 1:5) Dan juri li Ġeħova jagħti l-għerf tiegħu “b’mod ġeneruż” u ma jżommux għalih. Ġakbu qal ukoll li Ġeħova jagħti dan l-għerf mingħajr ma jirrabja. Hu qatt ma jġegħelna nħossuna ħażin meta nistaqsuh għall-għajnuna, anzi hu jixtieq li aħna nfittxu l-għajnuna tiegħu.—Prov. 2:​1-6.

12. X’opportunitajiet għandna biex naqsmu dak li nafu m’oħrajn?

12 Aħna nistgħu nimitaw lil Ġeħova billi nagħtu mill-għerf tagħna? (Slm. 32:8) In-nies taʼ Ġeħova għandhom ħafna opportunitajiet biex jaqsmu m’oħrajn dak li tgħallmu. Pereżempju, aħna nittrennjaw lill-aħwa ġodda fuq is-service. L-anzjani bil-paċenzja jgħinu lill-qaddejja ministerjali u aħwa rġiel biex jieħdu ħsieb ix-xogħol li jkollhom fil-kongregazzjoni sew. U dawk li jafu jaħdmu fix-xogħol tal-bini jittrennjaw lil oħrajn biex jintużaw fi proġetti tal-organizzazzjoni.

13. Kif nistgħu nimitaw il-mod kif Ġeħova jgħallem lil oħrajn?

13 Dawk li jittrennjaw lil oħrajn importanti li jimitaw lil Ġeħova. Ftakar li Ġeħova ma jżommx lura milli jaqsam m’oħrajn dak li jaf. Bl-istess mod, aħna rridu naqsmu m’oħrajn dak li nkunu nafu u ma nżommux lura għax nibżgħu li xi darba se jiħdulna postna. Lanqas m’għandna nirraġunaw b’mod li għax ħadd ma ttrennja lilna m’għandna għalfejn nittrennjaw lil ħadd! Ħadd mill-qaddejja taʼ Ġeħova m’għandu jkollu din l-attitudni. Minflok, għandna nkunu ferħanin li naqsmu dak li nafu u nittrennjaw lil oħrajn. (1 Tes. 2:8) Aħna nixtiquhom ikunu ‘kwalifikati biżżejjed biex jgħallmu lil oħrajn.’ (2 Tim. 2:​1, 2) Jekk kulħadd se jkun ġeneruż, kollha se nħossuna iktar ferħanin u nitgħallmu iktar.

META N-NIES JIDHRU LI MA JAPPREZZAWX

14. Ħafna nies x’jagħmlu meta ttihom xi ħaġa?

14 Meta nkunu ġenerużi, speċjalment mal-aħwa, ħafna drabi juru li japprezzaw. Jaf jibagħtulna xi kard jew juru li apprezzaw b’modi oħra. (Kol. 3:15) Dan jgħin biex aħna nħossuna iktar ferħanin li għamilna xi ħaġa għalihom.

15. Xi rridu nagħmlu jekk xi ħadd ma jurix apprezzament?

15 Il-verità hi li mhux kulħadd se japprezza meta nkunu tajna mill-ħin, l-enerġija, u l-affarijiet materjali tagħna. Xi kultant, jaf inħossu li ċertu nies lanqas biss jinteressahom. Jekk jiġrilna hekk, kif nistgħu nibqgħu ferħanin? Ftakar fl-iskrittura li dan l-artiklu hu bbażat fuqha, Atti 20:35. Il-ferħ taʼ meta nagħtu ma jiddependix fuq kemm ħaddieħor japprezza. Aħna xorta nistgħu niddeċiedu li nagħtu bil-ferħ avolja oħrajn ma japprezzawx. Ejja naraw x’jistaʼ jgħinna.

16. X’jistaʼ jgħinna biex nibqgħu nagħtu bil-ferħ?

16 Ftakar li meta tagħti lil oħrajn tkun qed timita lil Ġeħova. Hu jagħti affarijiet tajbin lin-nies, kemm jekk japprezzaw u kemm jekk le. (Mat. 5:​43-48) Ġeħova jwegħedna li meta nagħtu ‘mingħajr ma nistennew xejn lura l-premju tagħna jkun kbir.’ (Luqa 6:35) Il-frażi li “ma nistennew xejn” lura tinkludi wkoll li ma nistennewx li juruna apprezzament. Mela, kemm jekk oħrajn japprezzaw u kemm jekk le, Ġeħova se jippremjana taʼ dak li nagħmlu għax ‘ferħanin li nagħtu.’—Prov. 19:17; 2 Kor. 9:7.

17. B’liema mod ieħor nistgħu nimitaw lil Ġeħova? (Luqa 14:​12-14)

17 Biex nibqgħu ferħanin meta nagħtu, nistgħu naħsbu f’dak li qal Ġesù f’​Luqa 14:​12-14. (Aqra.) Ovvjament, m’hemm xejn ħażin li nkunu ġenerużi maʼ dawk li jistgħu jagħmlu l-istess magħna. Imma, xi rridu nagħmlu jekk nindunaw li sirna nagħtu għax inkunu nixtiequ li ħaddieħor itina lura? Ikun tajjeb li nagħmlu dak li qal Ġesù. Kun ospitabbli m’aħwa li taf li ma jistgħu jtuk xejn lura. Imbagħad se tkun ferħan għax tkun qed timita lil Ġeħova. B’hekk, int se tkun ferħan anke meta l-aħwa ma japprezzawx, għax ma tistenna xejn lura.

18. X’ma rridux nagħmlu, u għala?

18 Taħsibx ħażin f’oħrajn. (1 Kor. 13:7) Jekk xi ħadd ma japprezzax, staqsi lilek innifsek: ‘Vera ma japprezzax, jew forsi nesa?’ Jaf ikun hemm xi raġunijiet oħra għala m’apprezzax bħalma nkunu nixtiequ aħna. Xi wħud jaf vera jkunu apprezzaw dak li nkunu għamilna magħhom, imma jsibuha diffiċli biex juruna. Jistaʼ jkun li jistħu jekk xi ħadd jgħinhom, speċjalment jekk fil-passat setgħu jgħinu iktar u issa nbidlulhom iċ-ċirkostanzi. Hu x’inhu l-każ, jekk vera nħobbu lil ħutna, m’aħniex se naħsbu ħażin fihom u se nibqgħu nagħtu bil-ferħ.—Efes. 4:2.

19-20. Il-paċenzja għala hi importanti meta nagħtu lil oħrajn? (Ara l-istampa.)

19 Kun paċenzjuż. Dwar li nkunu ġenerużi, Salamun kiteb: “Waddab il-ħobż tiegħek fl-ilmijiet, għax wara ħafna ġranet se terġaʼ ssibu.” (Ekk. 11:1) Bħalma jurina dan il-vers, xi nies jaf juru li japprezzaw wara li jgħaddi ħafna żmien. Aħseb dwar x’ġara lil oħt.

20 Ħafna snin ilu l-mara taʼ indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet kitbet ittra inkuraġġanti lil oħt li kienet għadha kif tgħammdet u qaltilha kemm hu importanti li tibqaʼ leali. Wara tmien snin, l-oħt wiġbitha b’ittra u fiha qaltilha: “Għadek ma tafx kemm għentni matul dawn is-snin. Il-kliem li ktibtli vera kien sabiħ. Però l-iktar ħaġa li laqtitni kienet l-iskrittura.” a Wara li spjegatilha xi problemi li kellha matul is-snin, hi qaltilha: “Kien hemm drabi li ma ridtx nibqaʼ naqdi lil Ġeħova, imma dak il-vers tani s-saħħa . . . biex ma naqtax qalbi. F’dawn it-tmien snin ma kien hemm xejn li inkuraġġieni daqs l-ittra.” Immaġina kemm kienet ferħana l-mara tal-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet meta rċeviet l-ittra wara “ħafna ġranet”! Aħna wkoll jaf nirċievu l-apprezzament wara li jgħaddi ħafna żmien.

Xi ħadd jistaʼ jirringrazzjana għal dak li għamilna ħafna żmien wara (Ara paragrafu 20) b


21. Għala tixtieq tibqaʼ timita l-ġenerożità taʼ Ġeħova?

21 Bħalma semmejna diġà, Ġeħova ħalaqna biex inkunu iktar ferħanin meta nagħtu milli meta nirċievu. Aħna nieħdu pjaċir meta ngħinu lill-aħwa u ovvjament nieħdu pjaċir meta juru li apprezzaw. Imma jekk xi ħadd ma japprezzax irridu nħossuna ferħanin xorta, għax inkunu għamilna l-ħaġa t-tajba. Tinsiex li Ġeħova “jistaʼ jagħtik ħafna iktar” minn dak li tkun tajt inti. (2 Kron. 25:9) Allura qatt ma tistaʼ tagħti iktar minn kemm Ġeħova jagħti lilek! U ma hemmx ferħ ikbar minn meta nħossu lil Ġeħova jberikna. Mela ejja nagħmlu kulma nistgħu biex nibqgħu nimitaw lil Missierna Ġeħova li hu l-iktar wieħed ġeneruż.

GĦANJA 17 “Irrid żgur”

a L-iskrittura li l-mara tal-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet kitbet fl-ittra kienet it-​2 Ġwanni 8, li jgħid: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom biex ma titilfux dak li ħdimna għalih, imma tiksbu premju sħiħ.”

b X’TURINA L-ISTAMPA: F’dawn l-istampi naraw x’għamlet il-mara tal-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet f’paragrafu 20. Hi bagħtet ittra inkuraġġanti lil oħt. Ħafna snin wara, l-oħt bagħtitilha lura u rringrazzjatha.