Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 38

GĦANJA 25 Proprjetà speċjali

Qiegħed Tagħti Kas l-Eżempji li Qal Ġesù?

Qiegħed Tagħti Kas l-Eżempji li Qal Ġesù?

“Wieħed se jiġi aċċettat u l-ieħor se jiġi abbandunat.”MAT. 24:40.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Se naraw tliet eżempji li qal Ġesù u kif għandhom x’jaqsmu maż-żmien taʼ ġudizzju li se jsir qabel Armageddon.

1. Ġesù x’se jagħmel dalwaqt?

 QED ngħixu fi żmien li se jkun fih ħafna bidliet! Dalwaqt, Ġesù se jiġġudika lil kulħadd. Hu qalilna x’kien se jiġri qabel dan iż-żmien. Hu ta “sinjal” taʼ meta se jiġi lura u “tat-tmiem taʼ din id-dinja.” (Mat. 24:3) Din il-profezija nsibuha f’​Mattew 24 u 25, Marku 13, u Luqa 21.

2. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu, u kif se jgħinna?

2 Biex jgħinna, Ġesù qal tliet eżempji. Dawn huma bħal twissijiet għalina. L-ewwel eżempju hu tan-nagħaġ u l-mogħoż, it-tieni tal-10 verġni, u t-tielet tat-talenti. Kull wieħed minnhom jgħinna nifhmu li Ġesù se jiġġudika lil kull persuna skont dak li tagħmel. F’dan l-artiklu se niddiskutu kull eżempju u naraw x’nistgħu nitgħallmu minnhom. L-ewwel wieħed hu tan-nagħaġ u l-mogħoż.

IN-NAGĦAĠ U L-MOGĦOŻ

3. Ġesù meta se jiġġudika lin-nies?

3 Fl-eżempju tan-nagħaġ u l-mogħoż, Ġesù se jiġġudika lin-nies skont jekk aċċettawx l-aħbar tajba u ssapportjawx lil ħutu l-magħżulin. (Mat. 25:​31-46) Hu se jara jekk humiex nagħaġ jew mogħoż fiż-żmien taʼ tbatija kbira, eżatt qabel Armageddon. (Mat. 24:21) Bħalma ragħaj jifred lin-nagħaġ minn mal-mogħoż, Ġesù se jifred lil dawk li ssapportjaw lill-magħżulin minn dawk li ma ssapportjawhomx.

4. Skont Isaija 11:​3, 4, kif nistgħu nkunu ċerti li Ġesù se jiġġudika b’mod ġust? (Ara l-istampa fuq quddiem tar-rivista.)

4 Il-Bibbja tgħid li meta Ġesù jiġġudika għal Ġeħova, dejjem ikun ġust. (Aqra Isaija 11:​3, 4.) Hu qed joqgħod attent għal x’qed jagħmlu, x’qed jaħsbu, u x’qed jgħidu n-nies, inkluż kif qed jittrattaw lill-magħżulin. (Mat. 12:​36, 37; 25:40) Hu se jkun jaf min issapportjahom. a Mod importanti taʼ kif jagħmlu dan hu billi jgħinuhom jippritkaw. Lil dawn l-uħud, Ġesù se jiġġudikahom bħala “nies sewwa” u b’hekk se jkollhom l-opportunità li jgħixu għal dejjem fuq l-art. (Mat. 25:46; Riv. 7:​16, 17) Kemm hu rigal mill-isbaħ! Jekk waqt iż-żmien taʼ tbatija kbira u wara tibqaʼ leali, ismek se jibqaʼ “fil-ktieb tal-ħajja.”—Riv. 20:15.

Dalwaqt fil-futur, Ġesù se jiġġudika lin-nies bħala nagħaġ jew mogħoż (Ara paragrafu 4)


5. X’nitgħallmu mill-eżempju tan-nagħaġ u l-mogħoż, u fuq min jitkellem b’mod speċjali?

5 Uri li int leali. L-eżempju tan-nagħaġ u l-mogħoż jitkellem b’mod speċjali fuq dawk li għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art. Huma juru li għandhom il-fidi billi jgħinu lill-magħżulin jippritkaw u billi jobdu d-direzzjoni tal-ilsir leali u għaqli li għażel Ġesù. (Mat. 24:45) Imma anki dawk li għandhom it-tama li jgħixu fis-sema jridu joqogħdu attenti għal din it-twissija. Ġesù qed joqgħod attent għal dak li jagħmlu, jaħsbu, u jgħidu wkoll. Allura anki huma jridu jkunu leali. Ġesù semma żewġ eżempji oħra li jitkellmu b’mod speċjali dwar il-magħżulin. Dawn qegħdin f’​Mattew kapitlu 25. Issa se naraw l-eżempju tal-10 verġni.

L-10 VERĠNI

6. Il-ħames verġni kif urew li kienu għaqlin? (Mattew 25:​6-10)

6 Fl-eżempju tal-verġni, Ġesù tkellem dwar 10 verġni li marru jiltaqgħu maʼ għarus. (Mat. 25:​1-4) Huma kollha xtaqu jidħlu fil-festa tat-tieġ miegħu. Ġesù qal li kien hemm ħamsa minnhom “għaqlin” u ħamsa “boloh.” L-għaqlin kienu preparati u kienu lesti jistennew kemm hemm bżonn, anki jekk jiġi tard. Allura, ġabu l-lampi taż-żejt magħhom biex ikollhom id-dawl u ġabu żejt żejjed f’każ li l-għarus idum biex jiġi. Dan juri li huma kienu preparati sew biex iżommu l-lampi mixgħulin. (Aqra Mattew 25:​6-10.) Meta wasal l-għarus, il-verġni li kienu għaqlin daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ. Bl-istess mod, il-Kristjani magħżulin li juru li huma lesti billi jibqgħu leali sakemm wasal l-Għarus, jiġifieri Ġesù, se jiġu ppremjati billi jidħlu fis-Saltna t’Alla. b (Riv. 7:​1-3) Imma xi ġralhom il-ħames verġni boloh?

7. Xi ġralhom il-ħames verġni boloh, u għala?

7 Il-ħames verġni boloh ma kinux lesti meta wasal l-għarus, għax il-lampi tagħhom kienu se jintfew u ma kellhomx biżżejjed żejt. Meta ndunaw li ż-żejt kien se jispiċċa, huma marru jixtru. Allura, meta wasal l-għarus ma kinux hemmhekk. Imma “l-verġni li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u ngħalaq il-bieb.” (Mat. 25:10) Meta l-ħames verġni boloh waslu lura u xtaqu jidħlu għat-tieġ, hu qalilhom: “Ma nafkomx.” (Mat. 25:​11, 12) Dawk il-verġni ma kinux preparati biex jistennew l-għarus kemm kien hemm bżonn. Il-magħżulin x’jistgħu jitgħallmu minn dan?

8-9. Il-magħżulin x’jistgħu jitgħallmu mill-eżempju tal-verġni? (Ara l-istampa.)

8 Uri li int preparat u attent. Ġesù ma kienx qed jgħid li kien se jkun hemm żewġ gruppi taʼ magħżulin, jiġifieri grupp li kienu se jibqgħu leali sal-aħħar u ieħor le. Hu kien qed juri x’kien se jiġri lill-magħżulin li ma jibqgħux jistennewh sal-aħħar. Jekk ma kinux ħa jkunu lesti, ma kinux se jirċievu l-premju. (Ġw. 14:​3, 4) Din hi xi ħaġa serja ħafna! Kemm jekk għandna t-tama li ngħixu fis-sema u anki jekk fuq l-art, għandna nieħdu t-twissija tal-10 verġni bis-serjetà. Kollha kemm aħna għandna nibqgħu attenti u preparati biex nissaportu sal-aħħar.—Mat. 24:13.

9 Wara li qal l-eżempju tal-verġni biex juri kemm hu importanti li nkunu preparati u attenti, Ġesù qal l-eżempju tat-talenti. Dan l-eżempju juri kemm hu importanti li dejjem naħdmu iebes.

Hu importanti li kull wieħed minna jieħu bis-serjetà t-twissija fl-eżempju tal-10 verġni, ħalli nkunu preparati u attenti biex nissaportu sal-aħħar (Ara paragrafi 8-9)


IT-TALENTI

10. Iż-żewġ ilsiera kif urew li kienu leali? (Mattew 25:​19-23)

10 Fl-eżempju tat-talenti, Ġesù tkellem dwar żewġ ilsiera li kienu leali u wieħed li ma kienx. (Mat. 25:​14-18) Iż-żewġ ilsiera wrew li kienu leali għax ħadmu iebes biex jagħmlu iżjed flus għal sidhom. Qabel ma siefer, sidhom ħalla magħhom xi talenti, jiġifieri ammont kbir taʼ flus. Iż-żewġ ilsiera leali ħadmu iebes u għamlu negozju bihom. Għalhekk, meta sidhom ġie lura tawh id-doppju. Sidhom faħħarhom u huma ‘ferħu u gawdew miegħu.’ (Aqra Mattew 25:​19-23.) Imma xi ġralu t-tielet ilsir? X’għamel bil-flus li kien fdalu sidu?

11. Xi ġralu l-ilsir li kien “għażżien,” u għala?

11 It-tielet ilsir irċieva talent wieħed imma kien “għażżien.” Sidu stenna li kien se juża t-talent bil-għaqal. Imma minflok, hu ħbieh fl-art. Allura meta s-sid ġie lura, l-ilsir tah biss talent wieħed. Dak l-ilsir ma kellux attitudni tajba, għax minflok ma skuża ruħu għall-iżball tiegħu, hu qal li sidu hu raġel li ‘jistenna ħafna mingħand oħrajn.’ B’hekk, is-sid ma ħax pjaċir bih, u ħadlu t-talent li kellu. Fl-aħħar, dak l-ilsir ġie mkeċċi.—Mat. 25:​24, 26-30.

12. Iż-żewġ ilsiera leali lil min jirrappreżentaw?

12 Iż-żewġ ilsiera leali jirrappreżentaw lill-magħżulin li jibqgħu leali. Is-Sid, Ġesù, jistidinhom biex jifirħu miegħu. Huma se jirċievu l-premju tagħhom fis-sema permezz tal-ewwel irxoxt. (Mat. 25:​21, 23; Riv. 20:5b) Min-naħa l-oħra, l-eżempju tal-ilsir għażżien jagħti twissija lill-magħżulin. X’inhi?

13-14. Il-magħżulin x’jitgħallmu mill-eżempju tat-talenti? (Ara l-istampa.)

13 Aħdem iebes. Fl-eżempju tat-talenti, Ġesù ma kienx qed jgħid li l-magħżulin kienu se jsiru għażżenin. Hu kien qed juri x’jiġri jekk jitilfu l-ħeġġa tagħhom. Huma ma kinux se jkunu ċerti mis-sejħa u l-għażla tagħhom, u b’hekk ma jirtux is-Saltna tas-sema.—2 Pt. 1:10.

14 L-eżempji taʼ Ġesù dwar il-verġni u t-talenti juru li l-Kristjani magħżulin kollha jridu jkunu preparati, attenti, u jaħdmu iebes. Imma Ġesù ta twissija oħra lill-magħżulin. Din insibuha f’​Mattew 24:​40, 41.

Ġesù jrid li l-magħżulin jibqgħu jaħdmu iebes sal-aħħar (Ara paragrafi 13-14) d


MIN SE “JIĠI AĊĊETTAT”?

15-16. Mattew 24:​40, 41 kif juri li l-magħżulin għandhom jibqgħu attenti?

15 Qabel tkellem dwar it-tliet eżempji, Ġesù wera kif se jiġu ġġudikati l-magħżulin biex jiġu aċċettati fis-Saltna t’Alla. Hu tkellem dwar żewġt irġiel jaħdmu f’għalqa u żewġ nisa jitħnu. Għalkemm l-irġiel jidhru li qed jagħmlu l-istess xogħol, “wieħed se jiġi aċċettat u l-ieħor se jiġi abbandunat,” u l-istess se jiġri liż-żewġ nisa. (Aqra Mattew 24:​40, 41.) Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Għalhekk, ibqgħu għassa, għax ma tafux il-jum meta se niġi jien, il-Mulej tagħkom.” (Mat. 24:42) Ġesù qal xi ħaġa simili wara li tkellem dwar l-eżempju tal-10 verġni. (Mat. 25:13) Jistaʼ jkun li fiż-żewġ każijiet, kliem Ġesù għandu l-istess twissija? Milli jidher, iva. Il-magħżulin li huma leali biss se ‘jiġu aċċettati’ minn Ġesù u jidħlu fis-Saltna tas-sema.—Ġw. 14:3.

16 Ibqaʼ għassa. Jekk wieħed mill-magħżulin ma jibqax attent, mhux se jiġi aċċettat. (Mat. 24:31) Imma l-qaddejja taʼ Ġeħova kollha, anki dawk li għandhom it-tama li jgħixu fuq l-art, għandhom jibqgħu attenti u leali.

17. Għala m’għandniex għalfejn ninkwetaw jekk fi żmienna Ġeħova għadu jagħżel lil xi wħud biex ikunu magħżulin?

17 Aħna nafu lil Ġeħova sew, allura ċerti li kulma jagħmel hu tajjeb u ġust. B’hekk, m’għandniex għalfejn ninkwetaw jekk fi żmienna Ġeħova għadu jagħżel lil xi wħud biex ikunu magħżulin. c Nistgħu niftakru f’dak li qal Ġesù fl-eżempju tal-ħaddiema fl-għalqa tad-dwieli. (Mat. 20:​1-16) Il-ħaddiema li bdew jaħdmu fl-għalqa tard filgħaxija qalgħu l-istess paga bħal dawk li bdew jaħdmu kmieni filgħodu. Allura b’mod simili, ma tagħmilx differenza meta Ġeħova jagħżel lil dawk li se jkunu maʼ Ġesù fis-sema. Huma se jieħdu l-premju tagħhom jekk jibqgħu leali.

OQGĦOD ATTENT GĦAT-TWISSIJIET

18-19. X’tgħallimna mill-eżempji li qal Ġesù?

18 X’rajna f’dan l-artiklu? Iddiskutejna l-eżempju tan-nagħaġ u l-mogħoż. Dan juri li dawk li għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art hu importanti li jibqgħu leali lejn Ġeħova mhux biss issa, imma anki fiż-żmien taʼ tbatija kbira. Fil-futur, Ġesù se jiġġudikahom, u dawk li jara li huma leali “se jirċievu l-ħajja taʼ dejjem.”—Mat. 25:46.

19 Rajna wkoll żewġ eżempji li jagħtu twissijiet lill-magħżulin. Fl-eżempju tal-10 verġni rajna li ħamsa kienu għaqlin. Huma kienu ppreparati u attenti biex jistennew lill-għarus sakemm ikun hemm bżonn. Imma l-ħamsa li kienu boloh ma kinux ippreparati. Allura l-għarus meta wasal ma ħallihomx jidħlu fil-festa tat-tieġ. Aħna wkoll għandna nkunu preparati biex nibqgħu nistennew sakemm Ġesù jeqred din is-sistema. Imbagħad, fl-eżempju tat-talenti rajna li żewġ ilsiera ħadmu iebes għal sidhom. B’hekk, hu kien ferħan bihom. Imma l-ilsir għażżien tkeċċa. Dan jgħallimna li rridu nibqgħu naħdmu iebes għal Ġeħova sal-aħħar. Fl-aħħar, rajna li l-magħżulin għandhom jibqgħu għassa biex Ġesù jtihom il-premju. Huma jħarsu ’l quddiem biex ‘jinġabru’ maʼ Ġesù fis-sema. Wara Armageddon, huma se jkunu l-għarusa taʼ Ġesù fiż-żwieġ tal-Ħaruf.—2 Tes. 2:1; Riv. 19:9.

20. Ġeħova x’se jagħmel għal dawk li jagħtu kas it-twissijiet tiegħu?

20 Ġesù dalwaqt se jiġġudika, imma m’għandniex għalfejn nibżgħu. Ġeħova jħobbna. Allura, jekk nibqgħu leali se jtina “l-qawwa iktar min-normal” biex jirnexxilna ‘noqogħdu quddiem Bin il-bniedem.’ (2 Kor. 4:7; Luqa 21:36) Kemm jekk għandna t-tama li mmorru fis-sema u anki jekk għandna t-tama li ngħixu għal dejjem fuq l-art, jekk nagħtu kas it-twissijiet li tana Ġesù fl-eżempji tiegħu, se nagħmlu lil Ġeħova ferħan. U Ġeħova hu qalbu tajba u jħobbna. B’hekk, isimna se jkun “fil-ktieb tal-ħajja.”—Dan. 12:1; Riv. 3:5.

GĦANJA 26 Dan għamiltuh miegħi

a Ara l-artiklu “X’Nafu Dwar Kif Ġeħova Ħa Jiġġudika lin-Nies fil-Futur?” f’​It-Torri tal-Għassa taʼ Mejju 2024.

b Għal iktar informazzjoni, ara l-artiklu “Se ‘tibqaʼ għassa’?” f’​It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Marzu 2015.

d X’JURUNA L-ISTAMPI fuq quddiem tar-rivista: Oħt mill-magħżulin qed tagħmel studju tal-Bibbja maʼ mara iżgħar li ltaqgħet magħha fuq is-service.