Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Meta Ġesù għamel l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej, is-70 dixxiplu li kien bagħathom jippritkaw fejn kienu? Kienu abbandunawh?

Peress li s-70 dixxiplu ma kinux maʼ Ġesù, ma jfissirx li hu ma kienx għadu ferħan bihom jew kienu telquh. Ġesù ried li jqattaʼ dak il-ħin mal-appostli tiegħu.

Kemm it-12 u anki s-70 kienu dixxipli taʼ Ġesù. Imma Ġesù għażel lit-12 biex ikunu l-appostli tiegħu. (Luqa 6:​12-16) “Hu għajjat lit-Tnax” u “bagħathom jippritkaw dwar is-Saltna t’Alla u jfejqu l-morda” meta kien il-Galilija. (Luqa 9:​1-6) Iktar tard, meta kien il-Lhudija, Ġesù “għażel 70 oħra u bagħathom tnejn tnejn.” (Luqa 9:51; 10:1) Allura, Ġesù kellu ħafna dixxipli f’postijiet differenti jippritkaw dwaru.

Il-Lhud li saru dixxipli taʼ Ġesù probabbilment kienu jiċċelebraw il-Qbiż kull sena mal-familji tagħhom. (Eżo. 12:​6-11, 17-20) Ftit qabel ma miet, Ġesù u l-appostli marru Ġerusalemm. Imma hu ma qalx lid-dixxipli kollha tiegħu li kienu fil-Lhudija, fil-Galilija u l-Perija biex imorru jiċċelebraw il-Qbiż miegħu. Milli jidher Ġesù ried ikun mal-appostli tiegħu biss f’dak il-ħin. Hu qalilhom: “Vera xtaqt li niekol din l-ikla tal-Qbiż magħkom qabel ma nbati.”—Luqa 22:15.

Ġesù kellu raġuni għala għamel hekk. Dalwaqt hu kien se jmut bħala “l-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja.” (Ġw. 1:29) Hu kien se jmut f’Ġerusalemm, il-post fejn kienu jsiru s-sagrifiċċji lil Alla. Il-ħaruf tal-Qbiż kien ifakkar lill-Iżraelin li Ġeħova kien ħelishom mill-Eġittu. Imma bis-sagrifiċċju tiegħu Ġesù kien se jeħles in-nies kollha mid-dnub u l-mewt. (1 Kor. 5:​7, 8) Minħabba s-sagrifiċċju taʼ Ġesù, it-tnax-il appostlu kienu se jsiru l-pedament tal-kongregazzjoni Kristjana. (Efes. 2:​20-22) Ġerusalemm, il-belt qaddisa, għandha “tnax-il ġebla tal-pedament” li fuqhom “hemm it-tnax-il isem tat-tnax-il appostlu tal-Ħaruf.” (Riv. 21:​10-14) L-appostli kien se jkollhom parti importanti biex isir l-iskop taʼ Ġeħova. B’hekk nistgħu nifhmu għala Ġesù ried ikun magħhom għall-Qbiż u għall-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej.

Is-70 u d-dixxipli l-oħra ma kinux maʼ Ġesù għal dik l-ikla. Imma d-dixxipli leali kollha kienu se jibbenefikaw mill-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej. Maż-żmien, id-dixxipli kollha li saru magħżulin kienu se jidħlu fil-patt tas-Saltna, li Ġesù semma mal-appostli dakinhar.—Luqa 22:​29, 30.