Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif tirnexxi fiż-​żwieġ Kristjan

Kif tirnexxi fiż-​żwieġ Kristjan

“Kull wieħed minnkom għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu; . . . il-​mara għandu jkollha rispett profond lejn żewġha.”—EFESIN 5:33.

GĦANJIET: 87, 3

1. Għalkemm iż-​żwieġ normalment jibda b’ferħ, dawk li jiżżewġu x’jistgħu jistennew li jesperjenzaw? (Ara l-​ewwel stampa.)

META l-​għarus u l-​għarusa jaraw lil xulxin dakinhar tat-​tieġ, huma jħossu ferħ kbir. Waqt li kienu qed joħorġu flimkien, l-​imħabba tagħhom għal xulxin tant kibret li riedu jiżżewġu, u b’hekk għamlu wegħda li jibqgħu leali lejn xulxin. Wara t-​tieġ, hekk kif bdew il-​ħajja tagħhom flimkien, kellhom bżonn jagħmlu bidliet sabiex jibqgħu magħqudin. Ġeħova, il-​Ħallieq taż-​żwieġ, irid li kull koppja jkollha żwieġ ferħan u taʼ suċċess, u b’hekk ta parir għaqli fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. (Proverbji 18:22) Minkejja dan, bħala nies imperfetti, il-​Bibbja tgħidilna li dawk li jiżżewġu se jkollhom il-​problemi, jew “tribulazzjoni f’laħamhom.” (1 Korintin 7:28) Il-​koppji kif jistgħu jnaqqsu dawn il-​problemi? U l-​Kristjani kif jistaʼ jkollhom suċċess fiż-​żwieġ?

2. Liema tipi taʼ mħabba għandhom juru l-​miżżewġin?

2 Il-​Bibbja tgħallimna li l-​imħabba hi kwalità importanti. Imma hemm tipi differenti taʼ mħabba li l-​miżżewġin għandhom juru fiż-​żwieġ. Pereżempju, m’għandux ikun hemm biss imħabba bħal dik taʼ bejn żewġt iħbieb imma mħabba romantika wkoll. U jekk għandhom it-​tfal, l-​imħabba bejn il-​membri tal-​familja ssir saħansitra iktar importanti. Imma hija l-​imħabba bbażata fuq prinċipji Kristjani li tagħmel żwieġ verament taʼ suċċess. L-​appostlu Pawlu ddeskriva din it-​tip taʼ mħabba meta qal: “Kull wieħed minnkom għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu; mill-​banda l-​oħra, il-​mara għandu jkollha rispett profond lejn żewġha.”—Efesin 5:33.

ĦARSA IKTAR MILL-​QRIB LEJN IR-​RESPONSABBILTAJIET TAL-​MIŻŻEWĠIN

3. Kemm għandha tkun b’saħħitha l-​imħabba fi żwieġ?

3 Pawlu kiteb: “Irġiel, komplu ħobbu lin-​nisa tagħkom, bħalma l-​Kristu wkoll ħabb lill-​kongregazzjoni u ta lilu nnifsu għaliha.” (Efesin 5:25) Illum, il-​Kristjani jimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù billi jħobbu lil xulxin sewwasew bħalma Ġesù ħabb lid-​dixxipli tiegħu. (Aqra Ġwanni 13:34, 35; 15:12, 13.) Raġel u mara miżżewġin u li huma Kristjani tant għandu jkollhom imħabba għal xulxin li jkunu lesti li jmutu għal xulxin. Imma meta jkun hemm problemi serji fiż-​żwieġ, xi wħud forsi jħossu li l-​imħabba tagħhom mhix b’saħħitha ħafna. X’jistaʼ jgħinhom? L-​imħabba bbażata fuq prinċipju. Fil-​fatt din “kollox tiflaħ, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti.” Din it-​tip taʼ mħabba “ma tbatti qatt.” (1 Korintin 13:7, 8) Il-​miżżewġin għandhom jiftakru li huma għamlu wegħda. Huma wiegħdu li se jħobbu lil xulxin u li se jkunu leali lejn xulxin. Meta l-​Kristjani miżżewġin jiftakru x’wiegħdu, dan se jqanqalhom biex ifittxu l-​għajnuna taʼ Ġeħova u jaħdmu flimkien biex isolvu kwalunkwe problema.

4, 5. (a) Ir-​raġel, bħala l-​kap tal-​familja, x’inhi r-​responsabbiltà tiegħu? (b) Il-​mara kif għandha tqis lill-​kap tal-​familja? (ċ) Liema aġġustamenti kellha tagħmel koppja?

4 Pawlu ddeskriva r-​responsabbiltajiet li għandhom l-​imseħbin fiż-​żwieġ meta qal: “In-​nisa ħa jkunu sottomessi lejn żwieġhom bħallikieku lejn il-​Mulej, għax ir-​raġel hu l-​kap taʼ martu bħalma l-​Kristu wkoll hu l-​kap tal-​kongregazzjoni.” (Efesin 5:22, 23) Dan ma jfissirx li r-​raġel hu aħjar minn martu. Ġeħova tkellem dwar l-​irwol prezzjuż taʼ mara meta qal: “Mhux tajjeb li r-​raġel jibqaʼ waħdu. Se nagħmillu għajnuna, sieħba li taqbel għal miegħu.” (Ġenesi 2:18) Mara għandha tgħin lil żewġha biex ikun kap tal-​familja tajjeb. U raġel għandu bżonn jimita l-​eżempju taʼ mħabba li wera Ġesù, li hu “l-​kap tal-​kongregazzjoni.” Meta raġel jagħmel hekk, martu tħossha fis-​sigurtà u jkun iktar faċli għaliha biex tirrispettah u tappoġġjah.

“Meta bħala koppja għamilna l-​affarijiet kif irid Ġeħova, dan għenna nersqu ħafna eqreb taʼ xulxin”

5 Cathy, mart Fred, tammetti: “Meta kont single, kont indipendenti u kont nieħu ħsieb tiegħi nnifsi. Imma meta żżewwiġt kelli bżonn nagħmel aġġustamenti. Dan għamiltu hekk kif tgħallimt nistrieħ fuq żewġi. Mhux dejjem kien faċli. Imma meta bħala koppja għamilna l-​affarijiet kif irid Ġeħova, dan għenna nersqu ħafna eqreb taʼ xulxin.” [1] (Ara n-​nota fl-​aħħar.) Fred jgħid: “Li nieħu deċiżjonijiet qatt ma kien faċli għalija. Fiż-​żwieġ, l-​isfida tikber minħabba li mhux biss irrid naħseb fija imma wkoll f’marti. Imma billi nfittex il-​gwida taʼ Ġeħova fit-​talb u nagħti widen għal dak li jkollha xi tgħid marti, kuljum issir iktar faċli. Inħossni li aħna team taʼ veru!”

6. L-​imħabba kif tistaʼ tkun “rabta perfetta li tgħaqqad” meta jinqalgħu l-​problemi fi żwieġ?

6 Iż-​żwiġijiet jistgħu jkunu b’saħħithom jekk ir-​raġel u l-​mara miżżewġin ‘ikomplu jissaportu lil xulxin u jaħfru lil xulxin mill-​qalb.’ Minħabba li huma imperfetti, it-​tnejn li huma se jiżbaljaw. Meta jiġri hekk, jistgħu jitgħallmu mill-​iżbalji tagħhom stess, jitgħallmu jaħfru, u juru mħabba bbażata fuq il-​prinċipji tal-​Bibbja. Din l-​imħabba “hi rabta perfetta li tgħaqqad.” (Kolossin 3:13, 14) Il-​miżżewġin jistgħu juru din l-​imħabba billi jkunu paċenzjużi u qalbhom tajba u billi ‘ma jżommux kont tal-​ħsara.’ (1 Korintin 13:4, 5) Meta jkun hemm xi nuqqas taʼ qbil, il-​koppja għandha ssolvi dan kemm jistaʼ jkun malajr, qabel ma tispiċċa l-​ġurnata. (Efesin 4:26, 27) Hemm bżonn l-​umiltà u l-​kuraġġ biex tgħid “Skużani talli weġġajtek,” imma permezz t’hekk tkun qed tgħin biex issolvi l-​problemi u tkun eqreb tas-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek fiż-​żwieġ.

IT-​TENEREZZA—BŻONN SPEĊJALI

7, 8. (a) Liema pariri tagħti l-​Bibbja dwar is-​sess fiż-​żwieġ? (b) L-​imseħbin fiż-​żwieġ għala għandhom juru tenerezza?

7 Il-​Bibbja tagħti pariri tajbin li jistgħu jgħinu koppja biex ikollha l-​ħarsa xierqa lejn is-​sess fiż-​żwieġ. (Aqra l-​1 Korintin 7:3-​5.) Huwa essenzjali għal raġel u mara miżżewġin biex jikkunsidraw is-​sentimenti u l-​bżonnijiet taʼ xulxin. Jekk raġel ma jurix tenerezza maʼ martu, hi għandha mnejn issibha diffiċli biex tieħu pjaċir bir-​relazzjonijiet sesswali. L-​irġiel għandhom jittrattaw lin-​nisa tagħhom “skond l-​għarfien.” (1 Pietru 3:7) Ħadd mill-​koppja m’għandu jġiegħel jew jisforza biex ikollu x’jaqsam sesswalment. Anzi dan għandu jiġi b’mod naturali min-​naħa tat-​tnejn. Raġel hu differenti minn mara. Spiss jiġri li raġel jitqanqal iktar malajr. Imma r-​raġel u l-​mara għandu jkollhom x’jaqsmu sesswalment biss meta t-​tnejn li huma jkunu lesti li jagħmlu dan.

8 Il-​Bibbja m’għandhiex regoli speċifiċi dwar it-​tipi differenti u l-​limiti taʼ intimità sesswali li jkun hemm bejn raġel u mara miżżewġin. Imma tenfasizza l-​importanza taʼ li tintwera l-​affezzjoni. (L-​Għanja taʼ Salamun 1:2; 2:6) Kristjani miżżewġin għandhom jittrattaw lil xulxin b’tenerezza.

9. Għaliex mhuwiex aċċettabbli għal xi ħadd li jkollu interess sesswali f’xi ħadd barra ż-​żwieġ?

9 Meta jkollna mħabba kbira għal Alla u għall-​proxxmu tagħna, ma nħallu xejn jew lil ħadd ipoġġi ż-​żwieġ tagħna fil-​periklu. Xi wħud dgħajfu jew saħansitra kissru ż-​żwieġ tagħhom billi qabdu l-​vizzju tal-​pornografija. Jeħtieġ li nirreżistu kwalunkwe xenqa li twassalna għall-​pornografija jew affarijiet oħra li jqanqlu l-​aptit sesswali mhux xieraq. Hemm bżonn li nevitaw ukoll li nagħmlu xi ħaġa li tkun tidher bħallikieku qed nifflertjaw maʼ xi ħadd barra ż-​żwieġ. Ma nkunux qed nuru mħabba meta nagħmlu hekk. Hemm bżonn li niftakru li Alla jaf il-​ħsibijiet u l-​azzjonijiet kollha tagħna. Dan se jgħinna nsaħħu x-​xewqa tagħna biex nogħġbuh u biex nibqgħu leali fiż-​żwieġ.—Aqra Mattew 5:27, 28; Ebrej 4:13.

META JKUN HEMM IL-​PROBLEMI FIŻ-​ŻWIEĠ

10, 11. (a) Kemm hu komuni d-​divorzju? (b) Il-​Bibbja x’tgħid dwar is-​separazzjoni? (ċ) X’se jgħin lill-​miżżewġin biex ma jisseparawx mill-​ewwel?

10 Meta problemi serji ma jiġux solvuti, xi koppji għandhom mnejn jiddeċiedu li jisseparaw jew jiddivorzjaw. F’xi pajjiżi, iktar minn nofs il-​koppji jiddivorzjaw. Naturalment, id-​divorzju mhuwiex daqshekk komuni fil-​kongregazzjoni Kristjana. Madankollu, il-​koppji Kristjani qed ikollhom problemi serji fiż-​żwieġ iktar minn qatt qabel.

11 Il-​Bibbja tagħti dawn l-​istruzzjonijiet: “Il-​mara m’għandhiex tinfired minn żewġha; imma jekk tinfired, ħa tibqaʼ ma tiżżewwiġx, inkella terġaʼ tirranġa maʼ żewġha; u r-​raġel m’għandux jitlaq lil martu.” (1 Korintin 7:10, 11) Xi koppji għandhom mnejn iħossu li l-​problemi tagħhom tant huma diffiċli li jkollhom jisseparaw. Madankollu, Ġesù wera kemm hi serja s-​separazzjoni meta rripeta dak li Alla kien qal oriġinarjament dwar iż-​żwieġ, u mbagħad żied jgħid: “Dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.” (Mattew 19:3-​6; Ġenesi 2:24) Allura, Ġeħova jrid li l-​miżżewġin jibqgħu flimkien. (1 Korintin 7:39) Kulħadd irid jiftakar li rridu nagħtu rendikont tal-​azzjonijiet tagħna lil Ġeħova. Dan jistaʼ jgħinna nsolvu l-​problemi qabel ma jsiru iktar serji.

Koppji Kristjani qed isibu soluzzjonijiet għall-​problemi tagħhom għax iħallu ’l Alla jiggwidahom

12. X’għandu mnejn iwassal lil xi ħadd miżżewweġ biex jikkunsidra li jissepara?

12 Xi koppji għala jesperjenzaw problemi serji? Għal xi wħud, iż-​żwieġ tagħhom ma kienx dak li kienu qed jittamaw għalih, u b’hekk iħossuhom iddiżappuntani jew irrabjati. Spiss, il-​problemi jinqalgħu minħabba d-​differenzi fil-​mod kif in-​nies ikunu trabbew jew fil-​mod kif jaġixxu emozzjonalment. Diffikultajiet mal-​kunjati jew xi nuqqas taʼ qbil dwar kif jonfqu l-​flus jew kif irabbu t-​tfal, jistgħu wkoll jikkaġunaw problemi. Madankollu, ikun tajjeb li ninnotaw li l-​maġġorparti tal-​koppji Kristjani qed isibu soluzzjonijiet għall-​problemi tagħhom għax iħallu ’l Alla jiggwidahom.

13. X’inhuma xi raġunijiet validi għal separazzjoni?

13 Jistaʼ jkun hemm raġunijiet validi għal koppja biex tissepara. Sitwazzjonijiet estremi bħal nuqqas taʼ manteniment magħmul bi ħsieb, abbuż fiżiku estrem, u periklu assolut għall-​ħajja spiritwali Kristjana huma raġunijiet għala xi wħud għażlu li jisseparaw. Meta jkun hemm problemi serji, il-​miżżewġin għandhom jitolbu l-​għajnuna tal-​anzjani. Dawn l-​irġiel għandhom ħafna esperjenza u jkunu jistgħu jgħinu koppja biex tapplika l-​pariri t’Alla fiż-​żwieġ. U meta l-​miżżewġin jitolbu għall-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova, dan jistaʼ jgħinhom japplikaw prinċipji Bibliċi u juru kwalitajiet Kristjani. (Galatin 5:22, 23) [2]—Ara n-​nota fl-​aħħar.

14. X’tgħid il-​Bibbja lill-​Kristjani li huma miżżewġin lil xi ħadd li mhuwiex qaddej taʼ Ġeħova?

14 Il-​Bibbja turi li hemm raġunijiet tajbin għal koppja biex tibqaʼ flimkien anki jekk xi ħadd minnhom mhuwiex jaqdi lil Ġeħova. (Aqra l-​1 Korintin 7:12-​14.) Is-​sieħba jew is-​sieħeb “jitqaddes” minħabba li jkun miżżewweġ persuna li taqdi ’l Alla. It-​tfal żgħar tal-​koppja jkunu kkunsidrati “mqaddsin,” u b’hekk ikunu taħt il-​protezzjoni t’Alla. Pawlu inkuraġġixxa lill-​miżżewġin Kristjani: “Mara, kif taf jekk issalvax lil żewġek? Jew, raġel, kif taf jekk issalvax lil martek?” (1 Korintin 7:16) Hemm ħafna eżempji tajbin taʼ rġiel u nisa Kristjani li għenu lill-​imseħbin tagħhom fiż-​żwieġ biex isiru qaddejja taʼ Ġeħova.

15, 16. (a) Liema parir tagħti l-​Bibbja lin-​nisa Kristjani li r-​raġel tagħhom ma jkunx qaddej t’Alla? (b) X’inhi l-​pożizzjoni taʼ Kristjan “jekk dak li ma jemminx ikun irid jinfired”?

15 L-​appostlu Pietru jagħti l-​parir biex in-​nisa Kristjani jkunu sottomessi lejn żwieġhom, “sabiex, jekk xi wħud ma jkunux ubbidjenti lejn il-​kelma, dawn jintrebħu mingħajr ebda kelma permezz tal-​kondotta tan-​nisa tagħhom, għax ikunu raw b’għajnejhom stess il-​kondotta safja tagħkom flimkien mar-​rispett profond.” Oħt miżżewġa, minflok ma toqgħod titkellem dwar it-​twemmin tagħha l-​ħin kollu, għandu mnejn li tkun iktar t’għajnuna għal żewġha biex jaċċetta l-​verità meta jkollha “spirtu kwiet u ġwejjed li ma jitħassarx u li hu taʼ valur kbir f’għajnejn Alla.”—1 Pietru 3:1-​4.

16 Xi ngħidu jekk xi ħadd mill-​miżżewġin li mhux Xhud jagħżel li jissepara? Il-​Bibbja tgħid: “Jekk dak li ma jemminx ikun irid jinfired, ħa jinfired; il-​ħu jew l-​oħt m’hijiex fil-​jasar f’dawn iċ-​ċirkustanzi, imma Alla sejħilkom għall-​paċi.” (1 Korintin 7:15) Għalkemm is-​separazzjoni tistaʼ ġġib ċerta paċi, skont il-​Bibbja ma jkunx possibbli li Kristjan jerġaʼ jiżżewweġ. Imma ma jistax jipprova jisforza lis-​sieħba tiegħu biex tibqaʼ miegħu. Maż-​żmien, is-​sieħba li ma tkunx Xhud għandu mnejn tiddeċiedi li tirritorna biex tirranġa ż-​żwieġ. U din għandha mnejn issir qaddejja taʼ Ġeħova fil-​futur.

X’INHI L-​EWWEL PRIJORITÀ TAGĦNA FIŻ-​ŻWIEĠ?

Meta nagħtu attenzjoni għall-​qima tagħna lil Ġeħova, inkunu nistgħu nżidu l-ferħ fiż-żwieġ tagħna (Ara paragrafu 17)

17. X’għandha tkun l-​ewwel prijorità għall-​miżżewġin Kristjani?

17 Minħabba li qed ngħixu fit-​tmiem tal-​“aħħar jiem,” qed nesperjenzaw “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1-​5) Huwa għalhekk li għandna bżonn il-​protezzjoni taʼ relazzjoni b’saħħitha maʼ Ġeħova. “Iż-​żmien li fadal tqassar,” kiteb Pawlu. “Minn issa ’l quddiem, dawk li għandhom in-​nisa ħa jkunu bħallikieku m’għandhomx, . . . u dawk li jużaw id-​dinja bħal dawk li ma jużawhiex bis-​sħiħ.” (1 Korintin 7:29-​31) Pawlu ma riedx jgħid li l-​miżżewġin għandhom jittraskuraw lil xulxin. Imma minflok, jeħtieġ li nagħtu prijorità ’l-​qima tagħna lil Ġeħova minħabba li qed ngħixu fl-​aħħar jiem.—Mattew 6:33.

18. Għala hu possibbli għall-​Kristjani li jkollhom żwieġ ferħan u taʼ suċċess?

18 F’dawn iż-​żminijiet diffiċli, naraw ħafna żwiġijiet li qed ifallu. Huwa possibbli li jkollna żwieġ ferħan u taʼ suċċess? Iva, jekk nibqgħu qrib Ġeħova u l-​poplu tiegħu, napplikaw il-​prinċipji Bibliċi, u naċċettaw il-​gwida tal-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova. Meta nagħmlu dan, inkunu qed nonoraw “dak li Alla għaqqad flimkien.”—Marku 10:9.

^ [1] (paragrafu 5) L-​ismijiet ġew mibdulin.

^ [2] (paragrafu 13) Ara l-​ktieb “Żommu Ruħkom fl-​Imħabba t’Alla,” appendiċi, “Il-​Ħarsa tal-​Bibbja Lejn id-​Divorzju u s-​Separazzjoni.”