Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

BIJOGRAFIJA

Meta nagħti nkun ferħan

Meta nagħti nkun ferħan

KELLI 12-​il sena meta rrealizzajt li kelli xi ħaġa taʼ valur x’nagħti. Matul assemblea, ħu saqsieni jekk nixtieqx nipprietka. Għalkemm ma kontx ippritkajt qabel, għedtlu iva. Morna fuq it-​territorju, u tani xi kotba dwar is-​Saltna t’Alla. Imbagħad qal: “Int ħabbat id-​djar taʼ dik in-​naħa tat-​triq u jien nagħmel din in-​naħa.” Kont beżgħan, imma bdejt nipprietka minn dar għal dar. Kont sorpriż meta f’kemm ili ngħidlek ħallejt il-​kotba kollha li kelli. B’mod ċar, ħafna nies riedu dak li bdejt nagħti.

Twilidt fl-​1923 f’Chatham, Kent, l-​Ingilterra. Fis-​snin taʼ wara l-​Ewwel Gwerra Dinjija, in-​nies ittamaw li d-​dinja kienet se tkun post aħjar. Imma meta dan ma ġarax, ħafna kienu diżappuntati, inkluż il-​ġenituri tiegħi. Kienu diżappuntati wkoll bil-​kleru tal-​Knisja Battista li kienu interessati wisq f’li jkollhom pożizzjoni iktar għolja fil-​knisja. Meta kelli xi disaʼ snin, ommi bdiet tmur is-​sala tal-​International Bible Students Association, fejn ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kien ikollhom il-​“klassijiet,” jew laqgħat. Aħna t-​tfal kien ikollna lezzjonijiet minn fuq il-​Bibbja minn waħda oħt. Hi tatna wkoll il-​ktieb The Harp of God. Kont qed nieħu pjaċir nitgħallem.

NITGĦALLEM MINN AĦWA AKBAR

Bħala żagħżugħ, kont nieħu pjaċir nagħti tama lin-​nies mill-​Kelma t’Alla. Spiss kont nipprietka minn dar għal dar waħdi, imma meta kont nipprietka m’oħrajn, tgħallimt ħafna. Pereżempju, darba fost l-​oħrajn hekk kif jien u ħu akbar konna sejrin fuq it-​territorju, għaddejna minn ħdejn membru tal-​kleru u għedt, “Ara mogħża!” Il-​ħu waqqaf ir-​rota tiegħu u talabni npoġġi ħdejh fuq zokk oħxon. Hu qal: “Min tak l-​awtorità biex tiġġudika min hu mogħża? Ejja nkunu ferħanin nagħtu l-​aħbar tajba lin-​nies u nħallu l-​ġudizzju f’idejn Ġeħova.” F’dak iż-​żmien, tgħallimt ħafna dwar il-​ferħ li jiġi meta tagħti.—Mattew 25:31-​33; Atti 20:35.

Ħu akbar ieħor għallimni li biex inkunu ferħanin f’li nagħtu, kultant ikollna nissaportu b’mod paċenzjuż. Martu ma kinitx tħobb lix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Darba minnhom stidinni d-​dar tiegħu biex nieklu xi ħaġa żgħira flimkien. Tant kienet irrabjata talli ħareġ jipprietka li bdiet twaddbilna l-​pakketti żgħar tat-​te. Minflok ma rrabja magħha, hu tbissem u reġaʼ poġġa t-​te f’postu. Iktar tard, il-​paċenzja tiegħu ħalliet il-​frott meta martu tgħammdet bħala waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

F’Settembru tal-​1939, meta kelli 16, l-​Ingilterra ddikjarat gwerra kontra l-​Ġermanja. F’Marzu tal-​1940, jien u ommi tgħammidna f’Dover. F’Ġunju tal-​1940, niftakarni nħares mill-​bieb taʼ barra hekk kif eluf taʼ suldati kienu għaddejjin fit-​trakkijiet. Dawn kienu baqgħu ħajjin fil-​Battalja taʼ Dunkirk. Stajt nara li kienu għaddew minn trawma u li kienu bla tama. Vera xtaqt ngħidilhom dwar is-​Saltna t’Alla u nagħtihom tama għall-​futur! Iktar tard dik is-​sena, il-​Ġermanja bdiet tibbombardja l-​Britannja. Kull lejl, ajruplani Ġermaniżi kienu jtiru fl-​akkwata tagħna. Konna mwerwrin għall-​aħħar meta konna nisimgħu t-​tisfira tal-​bombi waqt li kienu jkunu neżlin. L-​għada filgħodu, konna nsibu ħafna u ħafna djar meqrudin. Dawn l-​esperjenzi għenuni nirrealizza saħansitra iktar li s-​Saltna kienet l-​unika tama għall-​futur.

META BDEJT NAGĦTI

Fl-​1941, bdejt naqdi fil-​ministeru full-​time, ħajja ġdida li għamlitni ferħan ħafna. Kont qed naħdem fit-​tarzna bl-​isem Royal Dockyard, f’Chatham. Hemmhekk kont nitgħallem kif nibni l-​vapuri. Dan kien xogħol li kien imfittex minn ħafna, u kellu benefiċċji mill-​aqwa. Imma x-​Xhieda taʼ Ġeħova diġà kienu jafu li l-​Kristjani m’għandhomx imorru għall-​gwerra. U sal-​1941, konna fhimna wkoll li m’għandu jkollna xejn x’naqsmu mal-​armamenti. (Ġwanni 18:36) It-​tarzna kienet tagħmel sottomarini, u allura ddeċidejt li nitlaq mix-​xogħol u nibda l-​ministeru full-​time. L-​ewwel inkarigu tiegħi kien f’Cirencester, lokalità sabiħa f’Cotswolds.

Meta kelli 18-​il sena, spiċċajt il-​ħabs għal disaʼ xhur minħabba li rrifjutajt li ningħaqad mal-​militar. Ħassejtni vera mdejjaq meta l-​bieb taċ-​ċella tiegħi ngħalaq b’tisbita u tħallejt waħdi. Imma l-​gwardji u l-​priġunieri ma damux ma bdew isaqsuni għala kont hemm, u jien kont kuntent li stajt nispjegalhom dwar il-​fidi tiegħi.

Wara li ħriġt mill-​ħabs, ġejt mitlub ningħaqad maʼ Leonard Smith * biex nippritkaw f’ħafna nħawi f’Kent, art twelidna. Sabiex in-​Nazi jibbombardjaw lil Londra, l-​ajruplani tagħhom kellhom jgħaddu minn fuq Kent. Mill-​1944, iktar minn elf bomba li jissejħu doodlebugs waqgħu fuq Kent. Dawn il-​bombi fil-​fatt kienu ajruplani ġett li ma kellhomx pilota u li kienu mimlijin splużivi. Meta konna nisimgħu li l-​magna waqfet, konna nafu li ftit tas-​sekondi wara l-​ajruplan kien se jaqaʼ u jisplodi. Kulħadd kien ikun imbeżżaʼ. Matul dak iż-​żmien, kellna studju tal-​Bibbja maʼ familja taʼ ħamsa. Ġieli konna noqogħdu bilqiegħda taħt mejda tal-​ħadid li kienet iddisinjata biex tipproteġina f’każ li taqaʼ d-​dar. Maż-​żmien il-​familja tgħammdet kollha kemm hi.

NIPPRIETKA L-​AĦBAR TAJBA F’PAJJIŻI BARRANIN

Konna qed inħabbru li se ssir konvenzjoni waqt li kont pijunier fl-​Irlanda

Wara l-​gwerra, qdejt bħala pijunier għal sentejn fin-​naħa t’isfel tal-​Irlanda. Aħna morna minn dar għal dar ngħidu li konna missjunarji u li konna qed infittxu post fejn noqogħdu. Konna noffru r-​rivisti fit-​toroq. Imma l-​Irlanda kienet differenti ħafna mill-​Ingilterra. Il-​maġġorparti tan-​nies ħassew li konna boloh li nimmaġinaw li n-​nies kienu se jwiġbuna b’mod pożittiv f’pajjiż Kattoliku bħal dak! Meta raġel heddidna li jweġġagħna, mort nilmenta maʼ pulizija, imma dan qal, “Ħeqq, x’qed tippretendi?” Ma rrealizzajniex kemm il-​qassisin kellhom poter. In-​nies kienu se jitilfu l-​impjieg tagħhom li kieku aċċettaw il-​kotba tagħna. U konna sforzati biex nitilqu mill-​post fejn konna ngħixu.

Malajr tgħallimna li meta naslu f’żona ġdida, kien jaqblilna li nippritkaw f’postijiet fejn il-​qassis ma kienx ikun jafna. Allura, kien ikollna mmorru ’l bogħod minn fejn konna noqogħdu u nżuru n-​nies f’dawk il-​postijiet l-​ewwel. Imbagħad, konna nippritkaw lin-​nies fil-​viċin. F’Kilkenny, studjajna maʼ żagħżugħ tliet darbiet fil-​ġimgħa avolja kien hemm marmalji taʼ nies vjolenti li kienu jhedduna. Peress li verament kont nieħu pjaċir ngħallem il-​Bibbja, ridt nitħarreġ biex insir missjunarju. Allura, iddeċidejt li napplika għall-​Iskola taʼ Gilegħad (Watchtower Bible School of Gilead).

Id-​dgħajsa bil-​qlugħ li jisimha Sibia kienet id-dar missjunarja tagħna mill-1948 sal-1953

Wara ħames xhur taʼ studju fi New York, erbgħa minna li ggradwajna minn Gilegħad ġejna assenjati fuq il-​gżejjer iżgħar tal-​Baħar Karibew. F’Novembru tal-​1948, ħallejna l-​belt taʼ New York b’dgħajsa bil-​qlugħ li kienet twila 18-​il metru bl-​isem Sibia. Qatt ma kont ivvjaġġajt b’dgħajsa qabel, u allura kont eċċitat. Gust Maki, wieħed minn dawk li ggradwaw, kien kaptan tal-​baħar tal-​esperjenza. Hu għallimna xi affarijiet bażiċi, bħal kif intellgħu u nniżżlu l-​qlugħ, kif nużawh kontra r-​riħ, u kif ninnavigaw permezz taʼ boxxla. Bis-​saħħa taʼ Gust, li kien tas-​sengħa, irnexxielna ngħaddu minn maltempati perikolużi u fi 30 jum wasalna l-​Bahamas.

“XANDRUHA FOST IL-​GŻEJJER”

Wara li ppritkajna għal ftit xhur fuq il-​gżejjer iżgħar tal-​Bahamas, salpajna lejn il-​gżejjer taʼ Leeward u Windward. Flimkien, dawn il-​gżejjer żgħar kienu mifruxa fuq kważi 800 kilometru fit-​tul. Dawn il-​gżejjer jinsabu bejn il-​Gżejjer Virgin u Trinidad. Għal ħames snin, ippritkajna l-​iktar fuq gżejjer iżolati fejn ma kienx hemm Xhieda. Kultant ma stajniex nibagħtu jew nirċievu posta għal ġimgħat sħaħ. Imma konna ferħanin ħafna nippritkaw dwar Ġeħova “fost il-​gżejjer”!—Ġeremija 31:10.

Il-​missjunarji li kienu l-​ekwipaġġ taʼ Sibia (xellug għal-​lemin): Ron Parkin, Dick Ryde, Gust Maki, u Stanley Carter

Meta konna nankraw fil-​bajja, in-​nies tal-​villaġġ kienu jeċċitaw ruħhom u kienu jinġabru fuq il-​moll biex jaraw min aħna. Uħud minnhom qatt ma kienu raw dgħajsa bħal tagħna jew xi ħadd taʼ ġilda bajda. Dawk li kienu jgħixu fuq il-​gżejjer kienu dħulin u kienu jafu l-​Bibbja sew. Spiss, kienu jtuna ħut frisk, avokado, u karawett. Għalkemm ma kellniex ħafna spazju fid-​dgħajsa żgħira tagħna, stajna nsajru, norqdu, u naħslu ħwejjiġna.

Konna ninżlu fuq l-​art u nżuru n-​nies il-​ġurnata kollha. Konna ngħidulhom li kien se jkun hemm taħdita fuq il-​Bibbja. Imbagħad, meta jkun kważi dalam, konna ndoqqu l-​qanpiena tad-​dgħajsa. Kienet xi ħaġa tal-​għaġeb li tara n-​nies ġejjin. L-​imsiebaħ taż-​żejt tagħhom kienu jidhru bħal stilel iteptpu neżlin minn fuq l-​għoljiet. Ġieli ġew mitt ruħ, u kienu jibqgħu jsaqsu sa tard billejl. Kienu jieħdu pjaċir ikantaw, u allura ttajpjajna xi għanjiet tas-​Saltna għalihom. L-​erbgħa li aħna għamilna l-​aħjar tagħna biex inkantaw l-​għanjiet. Imbagħad, in-​nies kienu jibdew ikantaw magħna, u leħinhom kien jinstemaʼ sabiħ ħafna. Xi żmien mill-​isbaħ!

Wara studju tal-​Bibbja, xi studenti kienu jimxu magħna sal-​familja li kien imiss inżuru sabiex joqogħdu għall-​istudju tagħhom ukoll. Wara li konna nqattgħu ftit ġimgħat f’ċertu post, konna nerħulha għal post ieħor. Imma spiss konna nitolbu lil dawk li kienu l-​iktar interessati biex ikomplu jistudjaw m’oħrajn sakemm nirritornaw. Kienet xi ħaġa sabiħa li naraw kemm xi wħud minnhom kienu jieħdu l-​inkarigu tagħhom bis-​serjetà.

Illum, ħafna minn dawn il-​gżejjer huma mimlijin turisti, imma dak iż-​żmien kienu postijiet kwieti b’għadajjar tal-​baħar turkważ, bajjiet bir-​ramel, u siġar tal-​palm. Normalment, konna nivvjaġġaw minn gżira għal oħra billejl. Id-​dniefel kienu jgħumu u jilagħbu maġenb id-​dgħajsa tagħna, u kulma kont tkun tistaʼ tismaʼ kien id-​dgħajsa għaddejja mill-​baħar. Id-​dawl tal-​qamar fuq il-​baħar kien jidher qisu passaġġ lewn il-​fidda li jwassal sal-​orizzont.

Wara ħames snin nippritkaw fuq il-​gżejjer, ivvjaġġajna lejn Puerto Rico biex ikollna dgħajsa ġdida, dgħajsa bil-​magni. Meta wasalna, iltqajt maʼ oħt missjunarja gustuża jisimha Maxine Boyd, u sirt inħobbha. Kienet ilha minn mindu kienet żgħira tipprietka b’mod żeluż l-​aħbar tajba. Iktar tard, hi qdiet bħala missjunarja fir-​Repubblika Dominicana sal-​1950, sakemm il-​gvern li kien Kattoliku ġegħelha titlaq. Minħabba li kont membru t’ekwipaġġ taʼ dgħajsa, kelli l-​permess li nibqaʼ fi Puerto Rico għal xahar biss. Imbagħad, kont se nivvjaġġa lejn il-​gżejjer u kont se nagħmel xi snin oħra ’l bogħod minn hemm. Allura għedt lili nnifsi, ‘Ronald, jekk trid lil din it-​tfajla, jaqbillek taġixxi malajr.’ Wara tliet ġimgħat ipproponejtilha, u wara sitt ġimgħat iżżewwiġna. Jien u Maxine ġejna assenjati bħala missjunarji fi Puerto Rico, u allura qatt ma vvjaġġajt fuq id-​dgħajsa l-​ġdida.

Fl-​1956, bdejt naqdi bħala indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet. Jien u marti konna nieħdu pjaċir inżuru l-​aħwa. Ħafna minnhom kienu foqra. Pereżempju, fil-​villaġġ taʼ Potala Pastillo, kien hemm żewġ familji li kienu Xhieda u li kellhom ħafna tfal, u jien kont indoqq il-​flawt għalihom. Kont saqsejt waħda miż-​żgħar, Hilda, jekk riditx tiġi tipprietka magħna. Hi qalet: “Irrid, imma ma nistax. M’għandix żarbun.” Xtrajnielha par żarbun, u ġiet tipprietka magħna. Snin wara, meta jien u Maxine konna qed inżuru Brooklyn fl-​1972, oħt li kienet għadha kemm iggradwat mill-​Iskola taʼ Gilegħad ġiet tkellimna. Kienet waslet biex titlaq fuq l-​inkarigu tagħha fl-​Ekwador, u hi qalet: “Intom mhux tagħrfuni, hux vera? Jien dik it-​tifla ż-​żgħira minn Pastillo li ma kellhiex żarbun.” Kienet Hilda! Tant konna ferħanin li bkejna!

Fl-​1960, bdejna naqdu fil-​fergħa taʼ Puerto Rico, li kienet f’dar żgħira f’Santurce, San Juan. Għall-​ewwel, jien u Lennart Johnson konna nagħmlu l-​biċċa l-​kbira tax-​xogħol. Hu u martu kienu l-​ewwel Xhieda fir-​Repubblika Dominicana, u fl-​1957, marru joqogħdu fi Puerto Rico. Iktar tard, Maxine kienet tibgħat ir-​rivisti lil dawk li kienu abbonaw. Kienet tibgħat iktar minn elf rivista kull ġimgħa. Kienet tieħu pjaċir tagħmel dan għax kienet taħseb f’dawk in-​nies kollha li kienu jitgħallmu dwar Ġeħova.

Ħadt pjaċir naħdem f’Betel għax jippermettili nuża l-​enerġija tiegħi fis-​servizz taʼ Ġeħova. Imma mhux dejjem ikun faċli. Pereżempju, matul l-​ewwel assemblea internazzjonali fi Puerto Rico fl-​1967, tant kelli xogħol x’norganizza li ħassejtni mifni. Nathan Knorr, li dak iż-​żmien kien qed jieħu ħsieb ix-​xogħol fost ix-​Xhieda taʼ Ġeħova, ġie Puerto Rico. Hu ħaseb li ma kontx ħsibt għat-​trasport tal-​missjunarji li kienu qed iżuru l-​pajjiż. Imbagħad, tani parir iebes dwar li nkun organizzat u qal li kont iddiżappuntajtu. Ma ridtx nargumenta miegħu, imma ħassejt li ma ttrattanix sew, u kont irrabjat għal xi żmien. Minkejja dan, id-​darba taʼ wara li jien u Maxine rajna lil Ħuna Knorr, stidinna fil-​kamra tiegħu u sajrilna ikla.

Kemm-​il darba żorna l-​familja tiegħi fl-​Ingilterra. Missieri m’aċċettax il-​verità fl-​istess żmien tiegħi u t’ommi. Imma meta l-​aħwa minn Betel kienu jżuru l-​akkwata tagħhom, ommi spiss kienet tistidinhom joqogħdu d-​dar. Missieri nduna li dawn l-​indokraturi taʼ Betel kienu umli. Kienu differenti ħafna mill-​kleru li snin qabel kien iddiżgustat b’dak li kienu jagħmlu. Fl-​aħħar, fl-​1962, tgħammed u sar Xhud taʼ Ġeħova.

Maʼ Maxine fi Puerto Rico ftit wara li żżewwiġna u fil-50 anniversarju taż-żwieġ tagħna fl-2003

Marti Maxine mietet fl-​2011. Tassew qed inħares ’il quddiem li nerġaʼ naraha fl-​irxoxt. Dan il-​ħsieb jagħmilni ferħan ħafna! Matul it-​58 sena li għamilna flimkien, rajna l-​ammont taʼ Xhieda taʼ Ġeħova fi Puerto Rico jikber minn madwar 650 għal 26,000! Imbagħad, fl-​2013, il-​fergħa taʼ Puerto Rico ngħaqdet mal-​fergħa tal-​Istati Uniti u staqsewni biex naqdi f’Wallkill, New York. Wara sittin sena fuq il-​gżira, ħassejtni bħal wieħed li twieled fi Puerto Rico bħallikieku coquí. Dan hu żrinġ popolari li jkun fuq is-​siġar fi Puerto Rico li meta jkun kważi dalam jagħmel il-​ħoss ko-​kee, ko-​kee. Kont ferħan fi Puerto Rico, imma kien wasal iż-​żmien biex nimxi ’l quddiem.

“ALLA JĦOBB LIL MIN JAGĦTI BIL-​FERĦ”

Xorta għadni nieħu pjaċir naqdi ’l Alla f’Betel. Issa għandi iktar minn 90 sena, u xogħli hu li ninkuraġġixxi l-​membri tal-​familja Betel. Mindu ġejt Wallkill, żort iktar minn 600  ħu u oħt. Xi wħud li jiġu jarawni jkunu jridu jiftħu qalbhom miegħi dwar problemi personali jew tal-​familja. Oħrajn jitolbuni xi parir dwar kif ikollhom suċċess f’li jaqdu Betel. Jerġaʼ oħrajn ikunu jridu parir għax ikunu għadhom kif iżżewġu jew għax ġew assenjati bħala pijunieri. Nagħti widen lil kull min ikellimni, u meta jkun addattat, spiss ngħid: “‘Alla jħobb lil min jagħti bil-​ferħ.’ Allura, kun kuntent f’xogħlok. Dak li tagħmel hu għal Ġeħova.”—2 Korintin 9:7.

Jekk trid tkun ferħan f’Betel jew xi mkien ieħor, jeħtieġ li tiffoka dwar għala dak li qed tagħmel hu importanti. Kulma nagħmlu f’Betel hu servizz sagru. Dan jgħin “l-​ilsir leali u għaqli” biex jipprovdi ikel spiritwali lill-​aħwa mad-​dinja kollha. (Mattew 24:45) Naqdu fejn naqdu lil Ġeħova, għandna opportunitajiet biex infaħħruh. Ejja nieħdu pjaċir nagħmlu dak li jitlob minna, għax “Alla jħobb lil min jagħti bil-​ferħ.”

^ par. 13 Il-​bijografija taʼ Leonard Smith tidher fit-Torri tal-Għassa tal-​15 t’April 2012.