Mistoqsijiet mill-qarrejja
Il-ħasil tal-idejn għala kien kwistjoni taħraq għall-għedewwa taʼ Ġesù?
Dan kien biss wieħed mill-ħafna affarijiet li Ġesù u d-dixxipli tiegħu kienu jiġu kkritikati dwarhom mill-għedewwa taʼ Ġesù. Il-Liġi Mosajka spjegat x’inhu li jagħmel lil dak li jkun mhux nadif, bħal pereżempju, it-tisfija li toħroġ mill-ġisem, il-ġdiem, jew li wieħed imiss iġsma mejtin taʼ nies jew t’annimali. Il-Liġi tat ukoll istruzzjonijiet dwar kif persuna setgħet tindaf. Dan setaʼ jsir permezz taʼ sagrifiċċju, ħasil, jew traxxix.—Levitiku, kapitli 11-15; Numri, kapitlu 19.
L-għalliema Lhud, magħrufin ukoll bħala rabbini, żiedu r-regoli tagħhom maʼ dawn il-liġijiet. Sors wieħed jgħid li r-rabbini żiedu iżjed regoli dettaljati dwar x’inhu li jagħmel lil dak li jkun mhux nadif u kif hu nnifsu jistaʼ jagħmel lil oħrajn isiru mhux nodfa. Ir-rabbini għamlu wkoll regoli dwar liema għodod u oġġetti setgħu jew ma setgħux isiru mhux nodfa, u wkoll liema ritwali kellhom in-nies isegwu biex jerġgħu jsiru ndaf.
L-għedewwa taʼ Ġesù staqsewh: “Id-dixxipli tiegħek għala ma jimxux mat-tradizzjoni taʼ dawk taʼ qabilna, imma jieklu b’idejhom imniġġsin?” (Marku 7:5) Dawk il-Fariżej ma kinux qed jirreferu għal iġjene tajba, jiġifieri, li wieħed jaħsel idejh qabel jiekol. Il-Fariżej kienu għamlu r-regola li qabel ma wieħed jiekol, kellu jitferraʼ l-ilma fuq idejh bħala parti minn ritwal. Dan is-sors li ssemma qabel, iżid jgħid li r-rabbini “wkoll argumentaw dwar liema reċipjenti għandhom jintużaw biex iferrgħu minnhom, x’tip taʼ ilma għandu jintuża, min għandu jferraʼ, u sa fejn l-idejn għandhom jixxarrbu bl-ilma.”
Ġesù kif irreaġixxa għal dawn il-liġijiet miżjudin min-nies? Hu qal lill-mexxejja reliġjużi Lhud li huma kienu ipokriti u li Ġeħova kien qal permezz tal-profeta Isaija: “Dan il-poplu jonorani b’xofftejh, imma qalbu mbiegħda minni. Għalxejn jagħtuni qima, għax jgħallmu bħala duttrini l-kmandi tal-bnedmin.” Imbagħad Ġesù żied jgħid: “Intom titilqu l-kmandament t’Alla u żżommu sod mat-tradizzjoni tal-bnedmin.”—Marku 7:6-8.