Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tara int il-​bżonn biex tħarreġ oħrajn?

Tara int il-​bżonn biex tħarreġ oħrajn?

“Jien żgur istruzzjoni tajba nagħtikom.”—PROVERBJI 4:2.

GĦANJIET: 93, 96

1, 2. Għala għandna nħarrġu oħrajn biex ma jaqtgħux qalbhom mill-​inkarigi teokratiċi li jingħataw?

ĠESÙ ħadem iebes ħafna biex jipprietka dwar is-​Saltna. Hu qattaʼ ħafna ħin iħarreġ lid-​dixxipli tiegħu. Hu wriehom kif jgħallmu u kif jieħdu ħsieb il-​poplu t’Alla. Id-​dixxipli tgħallmu jkunu bħal ragħajja li jieħdu ħsieb in-​nagħaġ tagħhom. (Mattew 10:5-​7) Għalkemm Filippu kellu ħafna x’jagħmel fl-​ippritkar, hu bla dubju għen lil uliedu bniet ħalli jagħmlu l-​istess xogħol. (Atti 21:8, 9) Illum, aħna wkoll għandna bżonn inħarrġu oħrajn. Għala?

2 Fil-​kongregazzjonijiet madwar id-​dinja, hemm ħafna ġodda li għadhom ma tgħammdux. Dawn għandhom bżonn jiġu mħarrġa. Aħna rridu ngħinuhom jifhmu għala hu tajjeb għalihom li jaqraw u jistudjaw il-​Bibbja personalment. Ukoll, irridu nħarrġuhom biex jippritkaw u jgħallmu l-​aħbar tajba. Aħwa rġiel li tgħammdu dan l-​aħħar għandhom bżonn taħriġ ħalli maż-​żmien ikunu jistgħu jaqdu bħala qaddejja ministerjali u anzjani. Dawk fil-​kongregazzjoni jistgħu jgħinu lil uħud ġodda.—Proverbji 4:2.

GĦALLEM LIL DAWK ĠODDA KIF JISTUDJAW IL-​BIBBJA

3, 4. (a) Pawlu kif rabat l-​istudju tal-​Iskrittura maʼ ministeru produttiv? (b) Qabel ma ninkuraġġixxu l-​istudenti tagħna biex jistudjaw il-​Bibbja personalment, xi rridu nkunu qed nagħmlu aħna?

3 Kull qaddej taʼ Ġeħova għandu bżonn jaqra u jistudja l-​Bibbja ħalli jitgħallem x’inhi r-​rieda t’Alla. Lil ħutu rġiel u nisa f’Kolossi, l-​appostlu Pawlu spjegalhom dan meta qal: “Ma waqafniex nitolbu għalikom biex timtlew bl-​għarfien eżatt dwar ir-​rieda tiegħu.” Għala kien daqshekk importanti għalihom li jaqraw u jistudjaw l-​Iskrittura? Għaliex dan kien se jagħtihom l-​għerf u jgħinhom jifhmu kif setgħu ‘jimxu kif jixraq lil Ġeħova bl-​għan li jogħġbuh għalkollox.’ Dan kien se jgħinhom ukoll biex jagħmlu “kull għemil tajjeb” li Ġeħova riedhom jagħmlu, speċjalment biex jippritkaw l-​aħbar tajba. (Kolossin 1:9, 10) Allura, jekk qed nistudjaw maʼ xi ħadd, irridu ngħinuh jifhem li l-​qari u l-​istudju regolari tal-​Bibbja jistgħu jgħinuh jaqdi lil Ġeħova.

4 Aħna ma nistgħux ngħinu l-​istudenti tal-​Bibbja tagħna biex jifhmu l-​valur tal-​istudju tal-​Bibbja persunali jekk aħna stess ma nistudjawx il-​Bibbja. Fil-​fatt, jekk naqraw il-​Bibbja u nimmeditaw fuqha regolarment, dan se jgħinna fil-​ħajja tagħna u fil-​ministeru. Pereżempju, meta nkunu fil-​ministeru u xi ħadd jistaqsina mistoqsija diffiċli, aħna se nkunu kapaċi nużaw il-​Bibbja biex inwieġbu. Jew meta naqraw dwar kif Ġesù, Pawlu, u oħrajn ma qatgħux qalbhom fil-​ministeru, aħna se niġu inkuraġġiti u nkomplu nippritkaw anke meta jkun diffiċli li nagħmlu dan. U meta ngħidu lil oħrajn dak li tgħallimna mill-​istudju tagħna u kif dan għenna, nistgħu ninkuraġġuhom biex jistudjaw il-​Bibbja iktar fil-​fond ħalli huma wkoll ikun jistaʼ jkollhom benefiċċji simili.

5. Agħti xi suġġeriment taʼ kif tistaʼ tgħin lil uħud ġodda jkollhom rutina persunali taʼ studju tal-​Bibbja.

5 Għandek mnejn tistaqsi, ‘Kif nistaʼ nħarreġ l-​istudent tiegħi biex jistudja l-​Bibbja regolarment?ʼ Forsi tistaʼ turih kif jipprepara l-​informazzjoni fil-​pubblikazzjoni li qed tistudja miegħu. Tistaʼ tissuġġerixxi li jfittex il-​versi tal-​Bibbja li huma msemmija u jaqra l-​informazzjoni relatata fl-​appendiċi tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? Imbagħad, tistaʼ turih kif jipprepara għal-​laqgħat ħalli jkun jistaʼ jagħti xi kumment. Inkuraġġih biex jaqra kull ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa u Stenbaħ! Tistaʼ turih ukoll kif isib tweġibiet għal mistoqsijiet dwar il-​Bibbja, pereżempju billi juża l-​Watchtower Library jew il-​LIBRERIJA ONLAJN tat-​Torri tal-​Għassa. Meta jipprova dawn il-​metodi differenti taʼ studju persunali, x’aktarx li se jieħu pjaċir jagħmel dan u jkun irid jitgħallem iktar.

6. (a) Kif tistaʼ tgħin l-​istudent tiegħek jikkultiva f’qalbu mħabba għall-​Bibbja? (b) X’għandu mnejn jagħmel l-​istudent tal-​Bibbja jekk jiżviluppa mħabba mill-​qalb għall-​Iskrittura?

6 Meta nistudjaw maʼ xi ħadd, irriduh jirrealizza li l-​Bibbja hija taʼ valur għax tgħinu jsir jaf lil Ġeħova aħjar. Minflok ma nagħmlulu pressjoni biex jistudja, nistgħu nuruh kif jieħu gost jagħmel dan. Iktar ma jitgħallem mill-​Bibbja, iktar se jħossu bħas-​salmista li kanta: “Li nersaq qrib Alla huwa tajjeb għalija. Fil-​Mulej Sovran Ġeħova stkennejt.” (Salm 73:28) L-​ispirtu taʼ Ġeħova żgur li se jgħin lil xi ħadd li jrid jersaq Lejh.

ĦARREĠ UĦUD ĠODDA BIEX JIPPRITKAW U JGĦALLMU

7. Ġesù kif ħarreġ il-​proklamaturi tal-​aħbar tajba? (Ara l-​ewwel stampa.)

7 Nistgħu nitgħallmu ħafna mill-​mod taʼ kif Ġesù ħarreġ l-​appostli tiegħu. Ġesù ħadhom miegħu meta mar jipprietka, u huma raw kif hu għallem lin-​nies. Ukoll, hu tahom istruzzjonijiet speċifiċi dwar kif għandhom jippritkaw. (Mattew, kapitlu 10) [1] (Ara n-​nota fl-​aħħar.) Fi ftit żmien, l-​appostli tgħallmu minn Ġesù kif jgħallmu lin-​nies il-​verità. (Mattew 11:1) Ejja naraw żewġ affarijiet li nistgħu nħarrġu lil ġodda jagħmlu meta jkunu fil-​ministeru.

8, 9. (a) Ġesù kif avviċina individwi fil-​ministeru tiegħu? (b) Kif nistgħu ngħinu pubblikaturi ġodda jitkellmu man-​nies bħalma għamel Ġesù?

8 Tkellem man-​nies. Ġesù mhux dejjem tkellem maʼ folol taʼ nies. Spiss tkellem maʼ individwi, u għamel dan bil-​ħlewwa. Pereżempju, hu kellu konversazzjoni interessanti maʼ mara li marret biex timla l-​ilma minn bir ħdejn il-​belt taʼ Sikar. (Ġwanni 4:5-​30) Ġesù tkellem ukoll maʼ Mattew Levi, kollettur tat-​taxxi, u stiednu jkun dixxiplu tiegħu. Mattew aċċetta u aktar tard stieden lil Ġesù u oħrajn għal ikla ġewwa daru. Hemmhekk, Ġesù tkellem maʼ ħafna nies.—Mattew 9:9; Luqa 5:27-​39.

Meta nitkellmu man-​nies bil-​ħlewwa u l-​qalb tajba, x’aktarx li se jkunu iktar lesti jisimgħu dak li għandna x’ngħidu

9 Ġesù tkellem ukoll bil-​ħlewwa maʼ Natanjel, avolja Natanjel kien qal affarijiet negattivi dwar in-​nies minn Nazaret. Minħabba l-​mod ħelu taʼ kif Ġesù tkellem miegħu, Natanjel biddel il-​mod taʼ kif kien iħossu dwar Ġesù, li kien minn Nazaret. U Natanjel ried jitgħallem iktar minn Ġesù. (Ġwanni 1:46-​51) Mill-​eżempju taʼ Ġesù nitgħallmu li meta nitkellmu man-​nies bil-​ħlewwa u l-​qalb tajba, x’aktarx li se jkunu iktar lesti jisimgħu dak li għandna x’ngħidu. [2] [Ara n-​nota fl-​aħħar.] Meta nħarrġu lil dawk ġodda jitkellmu b’dan il-​mod, se jieħdu pjaċir fil-​ministeru saħansitra iktar.

10-12. (a) Ġesù kif ikkultiva l-​interess li oħrajn urew fl-​aħbar tajba? (b) Kif nistgħu ngħinu pubblikaturi ġodda biex itejbu l-​abbiltajiet tagħhom bħala għalliema tal-​verità tal-​Bibbja?

10 Għallem lil dawk li huma lesti jisimgħu. Ġesù kellu ħafna x’jagħmel fil-​ministeru. Imma meta n-​nies kienu lesti li jisimgħuh, hu qattaʼ l-​ħin magħhom u għallimhom ħafna affarijiet. Pereżempju, ġurnata minnhom, folla nies inġabret max-​xatt biex tismaʼ lil Ġesù. Għalhekk, Ġesù ħareġ fuq dgħajsa maʼ Pietru u għallem lin-​nies minn hemm. Wara dan, hu ried jagħti lezzjoni lil Pietru wkoll. Ġesù għamel miraklu billi pprovda ammont kbir taʼ ħut li Pietru setaʼ jaqbad. Imbagħad, hu qal lil Pietru: “Minn issa ’l quddiem tibda taqbad nies ħajjin.” Minnufih, Pietru u dawk taʼ miegħu “daħħlu d-​dgħajjes lura lejn l-​art, u abbandunaw kollox” u marru wara Ġesù.—Luqa 5:1-​11.

11 Nikodemu wkoll ried jitgħallem iktar mingħand Ġesù. Imma peress li Nikodemu kien membru tas-​Sinedriju, hu kien beżgħan dwar x’setgħu jgħidu oħrajn jekk jarawh ikellem lil Ġesù. Għalhekk, hu mar għand Ġesù billejl. Ġesù ma bagħtux ’l hemm imma minflok qattaʼ l-​ħin miegħu u spjegalu veritajiet importanti. (Ġwanni 3:1, 2) Ġesù kien dejjem lest biex juża l-​ħin tiegħu ħalli jgħallem lin-​nies il-​verità u jsaħħaħ il-​fidi tagħhom. B’mod simili, irridu nkunu lesti mmorru għand in-​nies fil-​ħin addattat għalihom, u rridu nqattgħu l-​ħin magħhom biex ngħinuhom jifhmu l-​Bibbja.

12 Meta naħdmu fil-​ministeru maʼ dawk ġodda, nistgħu ngħallmuhom biex jerġgħu jmorru lura għand kull min deher li hu lest li jerġaʼ jkellimhom. Nistgħu wkoll nistidnuhom biex jiġu magħna għaż-​żjajjar lura u studji tal-​Bibbja. B’dan il-​mod, se jitgħallmu kif jgħallmu lil oħrajn u jaraw kemm hu sodisfaċenti meta tgħin uħud bħal dawn jitgħallmu l-​verità dwar Ġeħova. Imbagħad, dawn l-​uħud ġodda se jkunu fuq ix-​xwiek biex jerġgħu jmorru għand in-​nies u jistudjaw il-​Bibbja magħhom. Ukoll, se jitgħallmu jkunu paċenzjużi u ma jaqtgħux qalbhom malajr meta ma jkunux jistgħu jerġgħu jsibu n-​nies id-​dar.—Galatin 5:22; ara l-​kaxxa “ Ma qatax qalbu.”

ĦARRIĠHOM BIEX JAQDU ’L ĦUTHOM

13, 14. (a) X’taħseb dwar l-​eżempji Bibliċi taʼ dawk li għamlu sagrifiċċji kbar għal oħrajn? (b) B’liema modi prattiċi tistaʼ tħarreġ pubblikaturi ġodda u żgħażagħ biex juru mħabba lejn ħuthom?

13 Ġeħova jrid lill-​qaddejja tiegħu jħobbu lil xulxin bħal aħwa u biex jaqdu lil xulxin. (Aqra Luqa 22:24-​27; 1 Pietru 1:22.) Il-​Bibbja tispjega li Ġesù ta kollox, inkluż ħajtu, biex jgħin lil oħrajn. (Mattew 20:28) Dorka “kienet tagħmel ħafna għemejjel tajbin u tagħti ħafna għotjiet taʼ ħniena.” (Atti 9:36, 39) Marija “tħabtet ħafna” għal ħutha rġiel u nisa f’Ruma. (Rumani 16:6) Kif nistgħu ngħinu lil dawk ġodda jifhmu li huwa importanti ħafna li jagħmlu affarijiet tajbin għal ħuthom irġiel u nisa?

Ħarreġ uħud ġodda biex iħobbu u jaqdu lil ħuthom (Ara paragrafi 13, 14)

14 Nistgħu nistaqsuhom jiġu magħna meta nżuru wħud kbar fl-​età jew dawk li huma morda. U meta l-​ġenituri jżuru wħud bħal dawn, jistgħu jieħdu ’l uliedhom magħhom jekk ikun xieraq. L-​anzjani jistgħu jistaqsu liż-​żgħażagħ jew lil dawk ġodda biex jaħdmu magħhom jekk għandhom bżonn jipprovdu ikel għal uħud kbar fl-​età jew jekk għandhom bżonn jagħmlulhom xi tiswijiet fi djarhom. Meta ż-​żgħażagħ u l-​ġodda jaraw kif l-​aħwa rġiel u nisa jieħdu ħsieb xulxin, se jitgħallmu jagħmlu l-​istess. Pereżempju, waqt li kien jipprietka fl-​inħawi rurali, anzjan kien regolarment iżur aħwa li jgħixu hemm biex jara kif inhuma. Ħu żagħżugħ li taʼ sikwit kien imur miegħu, tgħallem mill-​eżempju mill-​aħjar taʼ dan l-​anzjan biex jaħseb dwar x’setaʼ jagħmel hu ħalli jgħin lil ħutu rġiel u nisa.—Rumani 12:10.

15. Għala hu importanti li l-​anzjani jieħdu interess fil-​progress taʼ rġiel fil-​kongregazzjoni?

15 Ġeħova ta lill-​irġiel ir-​responsabbiltà biex jgħallmu l-​Kelma t’Alla lill-​kongregazzjoni. Għalhekk, huwa importanti għall-​aħwa rġiel li jitgħallmu sew kif jgħallmu meta jagħtu t-​taħditiet. Jekk int anzjan, forsi tistaʼ toqgħod tismaʼ qaddej ministerjali waqt li jkun qed jipprattika xi taħdita u tgħinu biex jitjieb. (Neħemija 8:8) [3]—Ara n-​nota fl-​aħħar.

16, 17. (a) Pawlu liema interess ħa fil-​progress taʼ Timotju? (b) L-​anzjani kif jistgħu jħarrġu b’mod effettiv lir-​ragħajja futuri tal-​kongregazzjoni?

16 Hemm bżonn li iktar aħwa rġiel jitħarrġu ħalli jsiru ragħajja fil-​kongregazzjoni. Pawlu ħarreġ lil Timotju u inkuraġġieh biex iħarreġ lil oħrajn. Pawlu qal: “Ibqaʼ ikseb il-​qawwa permezz tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa li tiġi milli tkun f’unjoni maʼ Kristu Ġesù; u dak li smajt mingħandi u li ssaħħaħ minn ħafna xhieda għaddih lil nies leali li, mill-​banda l-​oħra, ikunu kwalifikati biżżejjed biex jgħallmu lil oħrajn.” (2 Timotju 2:1, 2) Timotju tgħallem ħafna affarijiet minn Pawlu, li kien anzjan u appostlu. Pereżempju, hu tgħallem kif itejjeb l-​ippritkar tiegħu u kif jgħin oħrajn fil-​kongregazzjoni.—2 Timotju 3:10-​12.

17 Pawlu qattaʼ ħafna ħin maʼ Timotju għax ried ikun ċert li Timotju jkun imħarreġ sew. (Atti 16:1-​5) L-​anzjani jistgħu jimitaw lil Pawlu billi meta jmorru fuq xi żjajjar pastorali jieħdu magħhom qaddejja ministerjali kwalifikati. B’dan il-​mod, il-​qaddejja ministerjali se jitgħallmu mill-​anzjani kif jgħallmu lil oħrajn, kif ikunu paċenzjużi u juru mħabba, u kif jistrieħu fuq Ġeħova meta jieħdu ħsieb il-​merħla tiegħu.—1 Pietru 5:2.

IT-​TAĦRIĠ HU IMPORTANTI

18. Li nħarrġu oħrajn fis-​servizz taʼ Ġeħova għala għandu jkun taʼ importanza għalina?

18 F’dan iż-​żmien tat-​tmiem, hemm bżonn li ħafna wħud ġodda jiġu mħarrġa ħalli jtejbu l-​abbiltajiet tagħhom fix-​xogħol tal-​ippritkar. Hemm bżonn ukoll taʼ aħwa rġiel ħalli jitgħallmu jieħdu ħsieb il-​kongregazzjoni. Ġeħova jrid lill-​qaddejja kollha tiegħu biex ikunu mħarrġa sew, u hu tana l-​privileġġ biex ngħinu lil dawk ġodda. Għalhekk, hu importanti li naħdmu iebes ħalli nħarrġu ’l oħrajn, l-​istess bħalma għamlu Ġesù u Pawlu. Irridu nħarrġu lil kemm jistaʼ jkun uħud għax għad fadal ħafna xi jsir fix-​xogħol tax-​xandir qabel ma jiġi t-​tmiem.

19. Għala għandek tkun konvint li se tirnexxi fl-​isforzi ħabrieka tiegħek biex tħarreġ oħrajn fis-​servizz taʼ Ġeħova?

19 Biex tħarreġ uħud bħal dawn jieħu ż-​żmien u jirrikjedi sforz. Imma nistgħu nibqgħu ċerti li Ġeħova u Ġesù se jgħinuna nkunu nafu kif inħarrġu oħrajn bl-​aħjar mod possibbli. Se nitgħaxxqu hekk kif naraw lil dawk li ħarriġna ‘jaħdmu iebes u jistinkaw’ fil-​kongregazzjoni jew fix-​xogħol tal-​ippritkar. (1 Timotju 4:10) Fl-​istess ħin, irridu nibqgħu nagħmlu l-​almu tagħna biex nagħmlu progress spiritwali, intejbu l-​kwalitajiet Kristjani tagħna, u nersqu eqreb lejn Ġeħova.

^ [1] (paragrafu 7) Pereżempju, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu (1) biex jippritkaw dwar is-​Saltna; (2) biex jistrieħu fuq Alla ħalli jagħtihom l-​ikel u l-​ilbies li għandhom bżonn; (3) biex jevitaw li jargumentaw man-​nies; (4) biex jafdaw f’Alla meta n-​nies jippersegwitawhom; u (5) biex ma jibżgħux minn dak li n-​nies jistgħu jagħmlulhom.

^ [2] (paragrafu 9) Il-​ktieb Ibbenefika mill-​Edukazzjoni tal-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku, paġni 62-​64, għandu suġġerimenti eċċellenti dwar kif titkellem man-​nies fil-​ministeru tal-​għalqa.

^ [3] (paragrafu 15) Il-​ktieb Ibbenefika mill-​Edukazzjoni tal-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku, paġni 52-​61, jispjega kif aħwa rġiel jistgħu jtejbu l-​mod taʼ kif jagħtu t-​taħditiet fil-​kongregazzjoni.