Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Iż-​żwieġ—L-​oriġini u l-​iskop tiegħu

Iż-​żwieġ—L-​oriġini u l-​iskop tiegħu

“Alla Ġeħova ssokta jgħid: ‘Mhux tajjeb li r-​raġel jibqaʼ waħdu. Se nagħmillu għajnuna, sieħba li taqbel għal miegħu.’”—ĠENESI 2:18.

GĦANJIET: 36, 11

1, 2. (a) Iż-​żwieġ kif oriġina? (b) L-​ewwel raġel u mara x’setgħu rrealizzaw dwar iż-​żwieġ? (Ara l-​ewwel stampa.)

HUWA normali għan-​nies li jiżżewġu. Imma ż-​żwieġ kif oriġina? X’inhu l-​iskop tiegħu? Meta nkunu nafu dawn it-​tweġibiet, se niġu megħjunin ikollna l-​ħarsa t-​tajba dwar iż-​żwieġ u l-​barkiet li jġib miegħu. Alla ħalaq l-​ewwel bniedem, Adam, u talbu biex jagħti isem lill-​annimali. Adam induna li l-​annimali kollha kellhom sieħeb jew sieħba, “imma għar-​raġel ma nstabet ebda għajnuna bħala sieħba li taqbel għal miegħu.” Allura, Alla ġiegħel lil Adam jorqod fil-​fond, u ħadlu kustilja u għamel mara. Ġeħova ħa l-​mara għand Adam, u saret martu. (Aqra Ġenesi 2:20-​24.) Bħalma nistgħu naraw, iż-​żwieġ hu għotja, jiġifieri rigal, mingħand Ġeħova.

2 Ħafna snin wara, Ġesù rripeta dak li Ġeħova kien qal fil-​ġnien tal-​Għeden: “Raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu, u t-​tnejn ikunu ġisem wieħed.” (Mattew 19:4, 5) Minħabba li Alla ħa kustilja minn Adam biex joħloq lill-​ewwel mara, il-​koppja żgur li rrealizzat li huma maħluqin għal xulxin. Ġeħova qatt ma ried li raġel u mara miżżewġin jiddivorzjaw jew li jkun hemm iktar minn sieħeb jew sieħba waħda fl-​istess ħin.

IŻ-​ŻWIEĠ HU PARTI MILL-​ISKOP TAʼ ĠEĦOVA

3. Iż-​żwieġ liema skop importanti kellu?

3 Adam kien jieħu pjaċir ħafna b’martu, li iktar tard semmieha Eva. Hi kienet is-​sieħba li taqbel għal miegħu. Flimkien, Adam u Eva kienu se jkunu ferħanin bħala raġel u mara miżżewġin. (Ġenesi 2:18) Skop importanti kien li jimlew l-​art bin-​nies. (Ġenesi 1:28) L-​ulied subien u bniet kellhom iħobbu lill-​ġenituri tagħhom imma maż-​żmien l-​ulied kellhom jitilqu biex jiżżewġu u jkollhom il-​familja tagħhom. In-​nies kellhom jimlew l-​art u jagħmlu l-​globu kollu ġenna.

4. Xi ġralu l-​ewwel żwieġ?

4 L-​ewwel żwieġ tkisser meta Adam u Eva m’obdewx lil Ġeħova. “Is-​serp oriġinali,” Satana x-​Xitan, qarraq b’Eva u qalilha li meta tiekol il-​frott “mis-​siġra taʼ l-​għarfien tat-​tajjeb u l-​ħażin” kien se jingħatalha għarfien speċjali. Satana qal li kieku kellha tiekol mis-​siġra, dan kien se jippermettilha tiddeċiedi bejn x’inhu tajjeb u ħażin. Eva ma wrietx rispett lejn Adam bħala l-​kap tal-​familja meta ddeċidiet biex tiekol mill-​frott. Hi qabdet u għamlet dan mingħajr ma tkellmet miegħu. U Adam m’obdiex ’l Alla meta aċċetta l-​frott mingħand martu.—Rivelazzjoni 12:9; Ġenesi 2:9, 16, 17; 3:1-​6.

Biex żwieġ ikun taʼ suċċess, l-​irġiel u n-​nisa għandhom jobdu lil Ġeħova u jieħdu r-​responsabbiltà tal-​azzjonijiet tagħhom stess

5. X’nistgħu nitgħallmu minn kif Adam u Eva wieġbu lil Ġeħova?

5 Meta Ġeħova staqsiehom x’ġara, Adam waħħal f’martu. Hu qal: “Il-​mara li tajtni biex tkun miegħi tatni l-​frott mis-​siġra u kiltu.” Mill-​banda l-​oħra, Eva waħħlet fis-​serp li qarraq biha. (Ġenesi 3:12, 13) Adam u Eva taw raġunijiet fjakki għad-​diżubbidjenza li wrew, u Ġeħova ġġudika lil dawn ir-​ribelli. Fil-​fatt, l-​eżempju tagħhom hu taʼ twissija għalina! Biex żwieġ ikun taʼ suċċess, l-​irġiel u n-​nisa għandhom jobdu lil Ġeħova u jieħdu r-​responsabbiltà tal-​azzjonijiet tagħhom stess.

6. Kif tispjega Ġenesi 3:15?

6 Minkejja dak li Satana għamel fl-​Għeden, Ġeħova għamel ċert li l-​umanità jkollha tama għall-​futur. Din it-​tama tinsab fl-​ewwel profezija tal-​Bibbja. (Aqra Ġenesi 3:15.) Din il-​profezija wriet li Satana se jiġi misħuq, jiġifieri meqrud, min-​‘nisel’ tal-​“mara.” Il-​ħafna ħlejjaq spirti tajbin li jaqdu fis-​sema għandhom relazzjoni mill-​qrib m’Alla. Għal Ġeħova dawn huma bħallikieku l-​mara tiegħu. Hu kien se jibgħat lil xi ħadd minn dak il-​grupp taʼ ħlejjaq spirti biex ‘jisħaq’ ix-​Xitan. In-​nisel kien se jagħmilha possibbli għan-​nies ubbidjenti biex igawdu dak li l-​ewwel koppja tilfet. In-​nies ubbidjenti kien se jkollhom l-​opportunità biex jgħixu għal dejjem fuq l-​art, eżatt fi qbil mal-​iskop taʼ Ġeħova.—Ġwanni 3:16.

7. (a) Xi ġralu ż-​żwieġ minn mindu rribellaw Adam u Eva? (b) Il-​Bibbja x’titlob mill-​irġiel u nisa miżżewġin?

7 Ir-​ribelljoni t’Adam u Eva effettwat bl-​ikrah iż-​żwieġ tagħhom u ż-​żwiġijiet li saru wara. Pereżempju, Eva u d-​dixxendenti nisa kollha kien se jkollhom uġigħ kbir waqt it-​twelid. In-​nisa kien se jkollhom xewqa kbira għall-​imħabba u l-​attenzjoni taʼ żwieġhom. Imma l-​irġiel kienu se jiddominaw lin-​nisa tagħhom, kultant anki jabbużaw minnhom fiżikament jew verbalment bħalma naraw illum. (Ġenesi 3:16) Ġeħova jistenna li l-​irġiel ikunu kapijiet tal-​familja li juru mħabba, u Hu jistenna li n-​nisa jkunu sottomessi lejn żwieġhom. (Efesin 5:33) Meta koppja Kristjana taħdem flimkien, ħafna problemi jistgħu jiġu evitati.

IŻ-​ŻWIEĠ MINN ŻMIEN ADAM SAD-​DULLUVJU

8. X’inhi l-​istorja taż-​żwieġ minn żmien Adam sad-​Dulluvju?

8 Qabel ma Adam u Eva mietu, kellhom ulied subien u bniet. (Ġenesi 5:4) L-​ewwel iben tagħhom, Kajjin, iktar tard iżżewweġ waħda li tiġi minnu. Lamek, dixxendent taʼ Kajjin, kien l-​ewwel raġel li l-​Bibbja ssemmi li kellu żewġ nisa. (Ġenesi 4:17, 19) Minn żmien Adam sa żmien Noè, kien hemm biss ftit li qdew lil Ġeħova. Uħud minn dawk leali kienu Abel, Enok, u Noè flimkien mal-​familja tiegħu. Il-​Bibbja tgħid li fi żmien Noè, “ulied l-​Alla l-​veru bdew jinnotaw li l-​bniet tal-​bnedmin kienu sbieħ; u ħadu nisa għalihom, jiġifieri, lil dawk kollha li għoġbuhom.” Imma dan kien kontra n-​natura, u dawk l-​anġli u n-​nisa kellhom ulied subien li kienu ġganti u vjolenti u kienu jissejħu Nefilim. Matul dak iż-​żmien, “il-​ħażen tal-​bniedem kien kotran fuq l-​art u kull inklinazzjoni tal-​ħsibijiet taʼ qalbu kienet biss ħażina l-​ħin kollu.”—Ġenesi 6:1-​5.

9. Ġeħova x’għamlilhom lil dawk mill-​agħar fi żmien Noè, u x’lezzjoni għandna nitgħallmu minn dak li ġara f’dak iż-​żmien?

9 Ġeħova qal li kien se jġib dulluvju kbir fuq l-​art biex jeqred lin-​nies mill-​agħar kollha. “Noè, predikatur tal-​ġustizzja,” qal lil dawk in-​nies li kien ġej Dulluvju. (2 Pietru 2:5) Imma huma ma semgħux minn Noè għax kienu okkupati wisq bl-​affarijiet tal-​ħajja taʼ kuljum, inkluż li jiżżewġu. Ġesù qabbel żmien Noè maʼ żmienna. (Aqra Mattew 24:37-​39.) Illum, il-​maġġorparti tan-​nies ma jagħtux widen għall-​messaġġ tagħna dwar l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. Aħna qed nippritkaw dan il-​messaġġ qabel ma tinqered din l-​art mill-​agħar. X’lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn żmien id-​Dulluvju? Ma rridux inħallu affarijiet bħaż-​żwieġ u li jkollna t-​tfal isiru tant importanti għalina li ninsew li l-​jum taʼ Ġeħova hu qrib.

IŻ-​ŻWIEĠ MID-​DULLUVJU SA ŻMIEN ĠESÙ

10. (a) F’ħafna kulturi, liema prattiki sesswali saru komuni llum? (b) Abraham u Sara kif ħallew eżempju tajjeb fiż-​żwieġ tagħhom?

10 Noè u kull wieħed mit-​tliet uliedu kellhom mara waħda. Madankollu, wara d-​Dulluvju, ħafna rġiel kellhom iktar minn mara waħda. F’ħafna kulturi, l-​immoralità sesswali kienet komuni u saħansitra parti mid-​drawwa reliġjuża. Meta Abraham u Sara marru Kangħan, kienu mdawrin b’nies immorali li ma kinux juru rispett lejn iż-​żwieġ. Ġeħova qered il-​bliet taʼ Sodoma u Gomorra għax in-​nies t’hemmhekk kienu immorali ħafna. Abraham kien differenti minn dawk in-​nies. Hu kien kap tal-​familja tajjeb, u Sara ħalliet eżempju tajjeb bħala mara sottomessa. (Aqra l-​1 Pietru 3:3-​6.) Abraham għamel ċert li ibnu Iżakk jiżżewweġ mara li taqdi lil Ġeħova. U Iżakk għamel l-​istess m’ibnu Ġakobb, li wliedu saru l-​antenati tat-​12-​il tribù tal-​Iżrael.

11. Il-​Liġi li Alla ta lil Mosè, kif ipproteġiet l-​Iżraelin?

11 Iktar tard, Ġeħova għamel patt, jew ftehim, mal-​ġens tal-​Iżrael. Hu tahom il-​Liġi permezz taʼ Mosè, li għenet biex l-​irġiel u n-​nisa jkunu protetti fil-​qima tagħhom lil Ġeħova. Pereżempju, kien hemm liġijiet rigward drawwiet fiż-​żwiġijiet, inkluż il-​poligamija. L-​Iżraelin ma setgħux jiżżewġu nies li ma kinux iqimu lil Ġeħova. (Aqra Dewteronomju 7:3, 4.) Meta kienu jinqalgħu problemi serji fiż-​żwieġ, l-​anzjani kienu jagħtu l-​għajnuna. Kien hemm liġijiet ukoll kontra dawk li ma kinux leali, dawk għajjura, u dawk li kien hemm suspett fuqhom. Id-​divorzju kien aċċettabbli, imma kien hemm regoli biex jipproteġu kemm ir-​raġel u kemm il-​mara. Pereżempju, raġel setaʼ jiddivorzja lil martu “għaliex ikun sab xi ħaġa indeċenti min-​naħa tagħha.” (Dewteronomju 24:1) Il-​Bibbja ma tispjegax x’kien ikkunsidrat “indeċenti,” imma raġel ma kellux jiddivorzja lil martu minħabba żbalji żgħar.—Levitiku 19:18.

DEJJEM KUN LEALI FIŻ-​ŻWIEĠ

12, 13. (a) Fi żmien Malakija xi wħud kif kienu qed jittrattaw lil marthom? (b) Illum, jekk individwu mgħammed jaqlibha l-​mara, xi tkun il-​konsegwenza?

12 Fi żmien il-​profeta Malakija, ħafna rġiel Lhud kienu jġibu kull skuża biex jiddivorzjaw lil marthom. Dawk l-​irġiel iddivorzjaw lil marthom ħalli jkunu jistgħu jiżżewġu nisa iżgħar fl-​età jew nisa li ma kinux jaqdu lil Ġeħova. Fi żmien Ġesù, irġiel Lhud xorta ddivorzjaw lil marthom “għal kwalunkwe raġuni.” (Mattew 19:3) Alla Ġeħova kien jobgħod dawk id-​divorzji li ma kinux skont il-​Liġi.—Aqra Malakija 2:13-​16.

13 Illum, li ma jkunx hemm lealtà fiż-​żwieġ mhix aċċettabbli fost in-​nies taʼ Ġeħova, u dan rari jiġri. Imma ejja ngħidu li xi ħadd miżżewweġ u mgħammed jaqlibha lis-​sieħba tiegħu u jieħu d-​divorzju sabiex jiżżewweġ lil xi ħadd ieħor. Jekk dan l-​individwu ma jindimx, imbagħad ikollu jiġi maqtugħ mis-​sħubija biex il-​kongregazzjoni tibqaʼ nadifa u pura. (1 Korintin 5:11-​13) Qabel ma l-​individwu jiġi aċċettat lura fil-​kongregazzjoni jkollu ‘jagħmel frott li jixraq lill-​indiema,’ jiġifieri jkollu juri li biddel fehmtu u juri dan bil-​fatti. (Luqa 3:8; 2 Korintin 2:5-​10) M’hemm l-​ebda żmien speċifiku li għandu jgħaddi sabiex l-​individwu jiġi aċċettat lura. Fil-​fatt, għandu mnejn li jkollha tgħaddi sena jew iktar għal midneb biex juri li hu verament niedem u biex jiġi aċċettat lura fil-​kongregazzjoni. Minkejja dan, l-​individwu xorta jkollu ‘jidher quddiem it-​tron tal-​ġudizzju t’Alla.’—Rumani 14:10-​12; ara It-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​15 taʼ Novembru 1979, paġni 31-​32.

IŻ-​ŻWIEĠ FOST IL-​KRISTJANI

14. Liema skop ġenerali kellha l-​Liġi?

14 L-​Iżraelin kienu ilhom taħt il-​Liġi Mosajka għal iktar minn 1,500 sena. Il-​Liġi għenet lin-​nies t’Alla f’ħafna modi. Din tat prinċipji lin-​nies biex tgħinhom isolvu problemi tal-​familji, u ggwidathom lejn il-​Messija. (Galatin 3:23, 24) Meta Ġesù miet, il-​Liġi spiċċat u Alla għamel arranġament ġdid. (Ebrej 8:6) Madankollu, xi affarijiet li kienu permessi taħt il-​Liġi Mosajka ma baqgħux japplikaw għall-​Kristjani.

15. (a) Fil-​kongregazzjoni Kristjana, x’għandu jkun il-​livell taż-​żwieġ? (b) Kristjan liema fatturi għandu jikkunsidra meta jkun qed jaħseb biex jiddivorzja?

15 Darba minnhom il-​Fariżej saqsew lil Ġesù dwar iż-​żwieġ. Ġesù wieġeb li Alla ppermetta lill-​Iżraelin jiddivorzjaw taħt il-​Liġi Mosajka avolja dan ma kienx fl-​iskop oriġinali Tiegħu. (Mattew 19:6-​8) It-​tweġiba taʼ Ġesù wriet li l-​livell oriġinali t’Alla dwar iż-​żwieġ għandu jiġi applikat mill-​Kristjani kollha. (1 Timotju 3:2, 12) Ladarba jsiru “ġisem wieħed,” l-​imseħbin fiż-​żwieġ kellhom jibqgħu flimkien. L-​imħabba tagħhom għal Alla u l-​imħabba għal xulxin kienet se żżommhom magħqudin. Dawk li jiddivorzjaw meta ma jkunx hemm provi taʼ immoralità sesswali mhumiex ħielsa biex jerġgħu jiżżewġu. (Mattew 19:9) Persuna tistaʼ tagħżel li taħfer lis-​sieħeb li jkun nidem wara li jkun waqaʼ fl-​immoralità. Hekk ġara fil-​każ tal-​profeta Ħosea meta ħafer lil martu Gomer, u meta Ġeħova ħafer lill-​Iżrael meta nidem. (Ħosea 3:1-​5) Iżjed minn hekk, jekk oħt issir taf li s-​sieħeb tagħha għamel xi att immorali u tagħżel li jerġaʼ jkollha x’taqsam miegħu sesswalment, dan ifisser li l-​oħt ħafret lis-​sieħeb tagħha. Ma jkunx għad hemm raġuni Skritturali għal divorzju.

16. Ġesù x’qal dwar dawk li jibqgħu single?

16 Ġesù qal li l-​immoralità sesswali biss tistaʼ tkun ir-​raġuni biex Kristjan veru jiddivorzja. Imbagħad semma lil dawk “li għandhom din l-​għotja” li jibqgħu single. Ġesù qal: “Min jistaʼ, ħa jagħmel il-​wisaʼ għal dan.” (Mattew 19:10-​12) Ħafna jagħżlu li jibqgħu ma jiżżewġux għax iridu jaqdu lil Ġeħova mingħajr ma jkun hemm xi jtellifhom. Min jagħmel hekk għandu jiġi mfaħħar!

17. X’jistaʼ jgħin lil Kristjan biex jiddeċiedi jekk jiżżewwiġx jew le?

17 X’jgħin lil individwu biex jiddeċiedi jekk jibqax single jew jiżżewweġ? L-​individwu għandu bżonn jiddeċiedi jekk jistax ikun ferħan billi jibqaʼ single. L-​appostlu Pawlu ssuġġerixxa biex dak li jkun jibqaʼ single. Imma qal ukoll: “Minħabba li ż-​żína hi mifruxa ħafna, ħa jkollu kull raġel lil martu u kull mara lil żewġha.” Pawlu żied jgħid: “Jekk m’għandhomx rażna, ħa jiżżewġu, għax aħjar jiżżewġu milli jinħarqu bil-​passjoni.” Allura individwu għandu mnejn jiddeċiedi li jiżżewweġ sabiex jevita li jħalli x-​xewqat sesswali qawwijin iwassluh biex jagħmel il-​masturbazzjoni jew jaqaʼ fl-​immoralità sesswali. Madankollu, dawk single hemm bżonn li jikkunsidraw jekk għandhomx biżżejjed età biex jiżżewġu. Pawlu qal: “Jekk xi ħadd mhux miżżewweġ jaħseb li l-​imġiba tiegħu m’hijiex xierqa għall-​istat tiegħu, u dan ikun għadda l-​fjur taż-​żgħożija, u hekk ikun l-​aħjar għalih, ħa jagħmel li jrid; ma jidnibx. Ħa jiżżewġu.” (1 Korintin 7:2, 9, 36; 1 Timotju 4:1-​3) Individwu m’għandux jiġi inkuraġġit li jiżżewweġ għas-​sempliċi fatt li għandu x-​xewqat sesswali qawwijin li ħafna jesperjenzaw matul żgħożithom. Dak l-​individwu għandu mnejn ma jkunx matur biżżejjed biex jerfaʼ r-​responsabbiltajiet taż-​żwieġ.

18, 19. (a) Żwieġ Kristjan kif għandu jkun magħmul? (b) L-​artiklu li jmiss x’se jiddiskuti?

18 Żwieġ Kristjan għandu jkun magħmul minn raġel mgħammed u minn mara mgħammda. Dawn ikunu jridu jħobbu lil Ġeħova b’qalbhom kollha. Apparti minn hekk, tant ikunu jħobbu lil xulxin li jkunu jridu jqattgħu l-​kumplament taʼ ħajjithom flimkien. Ġeħova se jberikhom għax ikunu obdew il-​parir taʼ li jiżżewġu “biss fil-​Mulej.” (1 Korintin 7:39) U ż-​żwieġ tagħhom se jkun taʼ suċċess jekk ikomplu jobdu l-​parir tal-​Bibbja.

19 Illum, qed ngħixu “fl-​aħħar jiem,” u ħafna nies m’għandhomx il-​kwalitajiet bżonjużi għal żwieġ taʼ suċċess. (2 Timotju 3:1-​5) Fl-​artiklu li jmiss, se nikkunsidraw prinċipji prezzjużi mill-​Bibbja li jistgħu jgħinu lill-​Kristjani biex ikollhom żwieġ taʼ suċċess u taʼ ferħ minkejja l-​isfidi taʼ madwarhom. Dan se jgħinhom ikomplu jimxu fit-​triq tal-​ħajja taʼ dejjem.—Mattew 7:13, 14.