SUĠĠETT PRINĊIPALI
Meta xi ħadd maħbub imut
“Alla jaf x’inhu l-aħjar, qalbi. . . . Toqgħodx . . . tibki.”
Dan il-kliem ġie mlissen bil-mod f’widnejn mara jisimha Bebe. Kienet fil-funeral taʼ missierha, li kien miet f’inċident tat-traffiku.
Bebe kienet ħabiba ħafna maʼ missierha. Il-kumment ġie minn ħabib tal-familja li xtaqilhom il-ġid, imma Bebe sabitu iktar taʼ wġigħ milli taʼ faraġ. “Il-mewta tiegħu ma kinitx għall-aħjar,” baqgħet tgħid lilha nfisha. Deher ċar li meta Bebe kitbet il-ġrajja fi ktieb, snin wara, hi kienet għadha mnikkta.
Bħalma esperjenzat Bebe, wieħed jistaʼ jirrikjedi żmien twil biex jegħleb in-niket, speċjalment meta l-persuna li ġarrbet it-telfa kienet qrib ħafna taʼ dak li miet. Fil-Bibbja, il-mewt tiġi deskritta tajjeb bħala “l-aħħar għadu.” (1 Korintin 15:26) Tiġi fuqna u tħarbtilna ħajjitna u xejn ma jwaqqafha, spiss meta l-inqas nistennewha, u tisirqilna lil dawk li huma għeżież għalina. Ħadd minna ma jistaʼ jiskansa l-ħsarat li ġġib magħha. Mela, ma nissorprendux ruħna jekk inħossuna ma nafux x’naqbdu nagħmlu meta niġu ffaċċjati bil-mewt u l-konsegwenzi tagħha.
Forsi għedt bejnek u bejn ruħek: ‘Kemm irid jgħaddi żmien biex nirkupra min-niket? Persuna kif tistaʼ tkampa man-niket? Kif nistaʼ nfarraġ oħrajn li ġarrbu telfa? Hemm xi tama għall-maħbubin tagħna li mietu?’