ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 53
Ġuvintur—Kif Tistgħu Ssiru Kristjani Aħjar?
“Kun sod u uri li int raġel.”—1 SLAT. 2:2.
GĦANJA 135 L-appell mill-qalb taʼ Ġeħova: “Ibni, kun għaref”
ĦARSA BIL-QUDDIEM a
1. Il-ġuvintur xi jridu jagħmlu biex jimitaw lil Ġesù?
IR-RE DAVID qal lil Salamun: “Kun sod u uri li int raġel.” (1 Slat. 2:1-3) Dan il-parir hu importanti għall-irġiel kollha li jixtiequ jimitaw lil Ġesù. Biex jirnexxilhom, iridu jobdu l-liġijiet t’Alla u japplikaw il-prinċipji tal-Bibbja f’kulma jagħmlu. (Lq. 2:52) Imma, għala hu importanti li l-ġuvintur isiru rġiel Kristjani maturi?
2-3. Għala hu importanti li l-ġuvintur isiru Kristjani maturi?
2 Raġel Kristjan għandu ħafna responsabbiltajiet importanti fil-familja u fil-kongregazzjoni. Ġuvintur, intom żgur li ġieli ħsibtu dwar responsabbiltajiet li jistaʼ jkollkom fil-futur. Forsi tixtieq taqdi bħala pijunier, tkun qaddej ministerjali, jew ’il quddiem taqdi bħala anzjan. Forsi tixtieq ukoll li tiżżewweġ u jkollok it-tfal. (Efes. 6:4; 1 Tim. 3:1) Biex tilħaq dawn il-miri hemm bżonn li tkun Kristjan matur. b
3 X’jistaʼ jgħinek biex issir Kristjan matur? Hemm bżonn titgħallem tagħmel xi affarijiet sew. Allura, x’tistaʼ tagħmel issa biex tipprepara għal dawn ir-responsabbiltajiet li jistaʼ jkollok fil-futur?
KIF ISSIR KRISTJAN MATUR
4. Fejn tistaʼ ssib eżempji tajbin li tistaʼ timitahom? (Ara l-istampa.)
4 Imita eżempji tajbin. Il-Bibbja hi mimlija b’eżempji tajbin li l-ġuvintur jistgħu jimitaw. Dawk l-irġiel tal-passat kienu jħobbuh ħafna lil Ġeħova u ħadu ħsieb lin-nies tiegħu b’ħafna modi. Tistaʼ ssib ukoll eżempji tajbin taʼ Kristjani maturi fil-familja tiegħek u fil-kongregazzjoni. (Ebr. 13:7) Barra minn hekk, għandek l-aqwa eżempju taʼ Ġesù Kristu. (1 Pt. 2:21) Meta taħseb dwar dawn l-eżempji, ara liema kwalitajiet jogħġbuk. (Ebr. 12:1, 2) Imbagħad ara kif tistaʼ timitahom.
5. Kif tistaʼ titgħallem taħseb, u għala hu importanti? (Salm 119:9)
5 Tgħallem aħseb sew. (Prov. 3:21) Raġel li għandu l-abbiltà li jaħseb mhux ħa jgħaġġel biex jieħu deċiżjoni, imma ħa jaħseb sew qabel. Mela jkun tajjeb li titgħallem kif tistaʼ tagħmel dan sew, u ibqaʼ agħmlu. Għala? Għax ħafna ġuvintur fid-dinja jieħdu deċiżjonijiet skont l-ideat tagħhom u kif iħossuhom. (Prov. 7:7; 29:11) Barra minn hekk, it-televixin, il-films, l-internet, u s-social media jistgħu jeffettwaw il-mod kif taħseb u dak li tagħmel. Imma kif tistaʼ titgħallem taħseb? L-ewwel, tgħallem mill-Bibbja kif jaħseb Ġeħova u kif iħossu dwar ċerti affarijiet. U mbagħad aħseb għala jkun jaqbillek li tobdih. Wara uża dak li tgħallimt biex tieħu deċiżjonijiet li jogħġbu lil Ġeħova. (Aqra Salm 119:9.) Jekk inti titgħallem taħseb b’dan il-mod se jkun iktar faċli għalik li ssir Kristjan matur. (Prov. 2:11, 12; Ebr. 5:14) Ejja naraw kif li titgħallem taħseb ħa jgħinek f’żewġ sitwazzjonijiet: (1) kif iġġib ruħek mal-aħwa nisa u (2) meta tieħu deċiżjonijiet taʼ kif tilbes u kif tidher.
6. Żagħżugħ mgħammed li jaħseb bħal Ġeħova kif se juri rispett lejn l-aħwa nisa?
6 Raġel li tgħallem jaħseb bħal Ġeħova ħa juri rispett lejn in-nisa. Pereżempju, żagħżugħ mgħammed forsi jkun jixtieq isir jaf oħt aħjar. U m’hemm xejn ħażin! Imma żagħżugħ li jkun jaf jaħseb sew mhux se jgħid, jikteb, jew jagħmel xi ħaġa li biha jġiegħel lil oħt taħseb li hu għandu interess li jiżżewwiġha, jekk hu mhux vera interessat. (1 Tim. 5:1, 2) Jekk hu qed jitkellem ma’ oħt biex isir jafha, se jagħmel ċert li dejjem ikun hemm xi ħadd matur magħhom, biex b’hekk jipproteġi r-reputazzjoni tagħha.—1 Kor. 6:18.
7. Żagħżugħ li tgħallem jaħseb bħal Ġeħova kif se jiddeċiedi dwar x’se jilbes u kif jidher?
7 Mod ieħor kif żagħżugħ juri li tgħallem jaħseb bħal Ġeħova hu bil-mod kif jilbes u jidher. Illum, dawk li jiddisinjaw il-ħwejjeġ ma jirrispettawx lil Ġeħova u x’aktarx jgħixu ħajja immorali. Minħabba f’hekk, il-ħwejjeġ li jiddisinjaw forsi jkunu ssikkati u jġibu lill-irġiel jidhru qishom nisa. Żagħżugħ li jixtieq ikun Kristjan aħjar ħa jaħseb dwar x’se jagħmel lil Ġeħova ferħan u ħa jimita eżempji tajbin fil-kongregazzjoni. Hu jistaʼ jsaqsi lilu nnifsu: ‘Dak li nilbes juri li qed naħseb sew u li nirrispetta lil oħrajn? Dak li nilbes juri lil oħrajn li jien naqdi lil Alla?’ (1 Kor. 10:31-33; Titu 2:6) Żagħżugħ li tgħallem jaħseb bħal Ġeħova ħa jkollu r-rispett mhux tal-aħwa biss imma taʼ Ġeħova wkoll.
8. Żagħżugħ kif jistaʼ jsir taʼ min jafdah?
8 Kun taʼ min jafdak. Żagħżugħ li jkun taʼ min jafdah se jieħu ħsieb sew ir-responsabbiltajiet kollha li jkollu. (Lq. 16:10) Aħseb dwar l-eżempju taʼ Ġesù. Hu qatt ma kien traskurat jew ma jagħtix kas. Minflok, hu dejjem għamel dak li qabbdu Ġeħova, anki meta kien diffiċli ħafna. Hu kien iħobbhom ħafna lin-nies, speċjalment lid-dixxipli tiegħu, u kien lest li jmut għalihom. (Ġw. 13:1) Bħal Ġesù, int aħdem iebes f’kull xogħol li jkollok. U jekk forsi m’intix ċert kif tagħmlu, kun umli u staqsi lill-aħwa maturi biex jgħinuk. Tagħmilx ix-xogħol b’nofs qalb. (Rum. 12:11) Minflok agħmel ix-xogħol “għal Ġeħova, u mhux għall-bnedmin,” u pprova agħmlu sew u lestih. (Kol. 3:23) Imma tinsiex li m’intix perfett. Allura, jekk tieħu xi żball, kun umli u ammetti.—Prov. 11:2.
TGĦALLEM ABBILTAJIET LI JISTGĦU JGĦINUK F’ĦAJTEK
9. Żagħżugħ għala għandu jitgħallem xi abbiltajiet?
9 Biex issir Kristjan matur se jkollok titgħallem tagħmel xi affarijiet. Li titgħallem tagħmel dawn l-affarijiet se jgħinek meta jkollok responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni, issib xogħol biex tieħu ħsieb tiegħek innifsek jew tal-familja, u biex ikollok ħbiberija tajba m’oħrajn. Ejja naraw ftit minn dawn l-abbiltajiet.
10-11. Żagħżugħ kif ħa jgħin lilu nnifsu u lill-kongregazzjoni jekk ikun jaf jaqra u jikteb sew? (Salm 1:1-3) (Ara l-istampa.)
10 Tgħallem ikteb u aqra sew. Il-Bibbja tgħid li biex raġel ikun vera ferħan u jirnexxilu fil-ħajja jrid jaqra l-Bibbja kuljum u jimmedita fuqha. (Aqra Salm 1:1-3.) Billi jaqra l-Bibbja kuljum, ħa jitgħallem kif jaħseb Ġeħova u kif japplika l-Bibbja f’ħajtu. (Prov. 1:3, 4) Għandna bżonn irġiel bħal dawn. Għala?
11 L-aħwa fil-kongregazzjoni għandhom bżonn taʼ rġiel li jafu jgħallmu u jagħtu pariri mill-Bibbja. (Titu 1:9) Jekk tkun taf tikteb u taqra sew, ħa tkun tistaʼ tagħmel taħditiet u kummenti li bihom issaħħaħ il-fidi t’oħrajn. Ħa tkun tistaʼ wkoll tieħu noti waqt li tistudja u tismaʼ taħditiet fil-kongregazzjoni, l-assembleat, u l-konvenzjonijiet. Dawn in-noti ħa jgħinuk biex ikollok fidi iktar b’saħħitha u tinkuraġġixxi lil oħrajn.
12. X’se jgħinek tismaʼ u titkellem m’oħrajn sew?
12 Tgħallem ismaʼ u tkellem m’oħrajn sew. Kristjan għandu jitgħallem jitkellem m’oħrajn b’mod tajjeb. Dan ifisser li hu għandu jitgħallem jismaʼ lil oħrajn u jifhem x’inhuma jaħsbu u kif iħossuhom. (Prov. 20:5) Dan jistaʼ jagħmlu billi jinnota t-ton tal-vuċi tagħhom, l-espressjonijiet taʼ wiċċhom, u l-mod kif qed jaġixxu. Trid tkun man-nies biex tinnotahom dawn l-affarijiet. Jekk il-ħin kollu tuża l-emails u l-messaġġi biex tikkomunika man-nies ħa jkun diffiċli meta tiġi biex titkellem magħhom fil-ħajja taʼ kuljum. Mela pprova sib modi li tistaʼ titkellem man-nies wiċċ imb wiċċ.—2 Ġw. 12.
13. Żagħżugħ x’għandu jitgħallem iżjed? (1 Timotju 5:8) (Ara l-istampa.)
13 Tgħallem xi ħaġa biex taħdem u tieħu ħsieb lilek innifsek. Kristjan matur irid ikun kapaċi jipprovdi għalih innifsu u għall-familja tiegħu. (Aqra l-1 Timotju 5:8.) F’xi pajjiżi, it-tfal jieħdu x-xogħol mingħand missierhom jew minn xi ħadd ieħor li jiġi minnhom. F’pajjiżi oħra, żagħżugħ jaf jitgħallem jagħmel xi xogħol meta jkun l-iskola. Hu x’inhu l-każ tiegħek, dejjem ikun tajjeb li titgħallem tagħmel xi ħaġa biex issib xogħol. (Atti 18:2, 3; 20:34; Efes. 4:28) Aħdem iebes u agħmel ċert li tlesti kull biċċa xogħol li jistaʼ jkollok. B’hekk, in-nies żgur ħa jaraw kemm taħdem sew, u hemm iżjed ċans li ssib xogħol u żżommu. Il-kwalitajiet u l-abbiltajiet li rajna huma importanti wkoll biex raġel Kristjan jieħu ħsieb xi responsabbiltajiet oħrajn fil-futur. Ejja naraw xi ftit minn dawn ir-responsabbiltajiet.
IPPREPARA GĦAL RESPONSABILTAJIET FIL-FUTUR
14. Żagħżugħ kif jistaʼ jibda jaqdi fis-servizz full-time?
14 Taqdi fis-servizz full-time. Ħafna aħwa rġiel maturi bdew jaqdu lil Ġeħova full-time meta kienu għadhom żgħar. Meta żagħżugħ jaqdi bħala pijunier, jistaʼ jgħinu jitgħallem jaħdem ma’ nies differenti b’karattri differenti. Jistaʼ jgħinu wkoll biex jitgħallem iqassam il-flus sew. (Flp. 4:11-13) Mod tajjeb kif tistaʼ tibda fis-servizz full-time hu billi tagħmel pijunier awżiljarju. Ħafna aħwa jagħmlu hekk għal xi żmien qabel ma jibdew bħala pijunieri regulari. Imbagħad ġieli jiġu mistidnin biex jaħdmu fis-servizz full-time bħala Beteliti jew biex jgħinu f’xi proġetti taʼ bini.
15-16. X’se jgħin lil żagħżugħ isir qaddej ministerjali jew anzjan?
15 Qaddej ministerjali jew anzjan. L-aħwa rġiel kollha għandhom jipprovaw jaħdmu ħalli jkollhom il-kwalitajiet biex isiru anzjani. Il-Bibbja tgħid li l-irġiel li jkunu qed jirsistu għal din ir-responsabbiltà jkunu jixtiequ “xogħol tajjeb.” (1 Tim. 3:1) Qabel ma jsir anzjan, ħu jrid isir qaddej ministerjali. Il-qaddejja ministerjali jgħinu lill-anzjani jieħdu ħsieb lill-aħwa fil-kongregazzjoni. Kemm l-anzjani u anki l-qaddejja ministerjali jgħinu lill-aħwa u jaħdmu fix-xogħol tal-ippritkar. Żgħażagħ mgħammdin jistgħu jikkwalifikaw għal qaddejja ministerjali anki meta jkollhom bejn 17 u 19-il sena. U qaddej ministerjali li jikkwalifika jistaʼ jsir anzjan anki meta jkollu 20 sena.
16 Kif jistaʼ jkollok il-kwalitajiet li għandek bżonn biex tkun qaddej ministerjali u ’l quddiem anzjan? Il-Bibbja ssemmi l-kwalitajiet li għandek bżonn. Però, żomm f’moħħok li dawn il-kwalifiki huma bbażati fuq il-Bibbja u l-imħabba li għandek għal Ġeħova, għall-familja, u għall-aħwa. (1 Tim. 3:1-13; Titu 1:6-9; 1 Pt. 5:2, 3) Ipprova ifhem kull kwalifika. U itlob lil Ġeħova biex jgħinek tilħaqhom. c
17. Żagħżugħ kif jistaʼ jipprepara biex isir raġel miżżewweġ u kap taʼ familja? (Ara l-istampa.)
17 Raġel miżżewweġ u kap taʼ familja. Ġesù qal li xi rġiel Kristjani jiddeċiedu li jibqgħu single. (Mt. 19:12) Imma jekk tagħżel li tiżżewweġ ħa tkun responsabbli għall-mara u ssir kap tal-familja. (1 Kor. 11:3) Ġeħova jrid li r-raġel iħobb lill-mara tiegħu, jieħu ħsiebha, ikun ħabib tajjeb, u jgħinha tibqaʼ qrib t’Alla. (Efes. 5:28, 29) F’dan l-artiklu rajna kwalitajiet u abbiltajiet differenti bħal li taħseb bħal Ġeħova, tirrispetta lin-nisa, u tkun taʼ min jafdak. Dawn se jgħinuk biex tkun raġel miżżewweġ aħjar. B’hekk se tkun preparat biex tieħu ħsieb ir-responsabbiltajiet tiegħek bħala raġel miżżewweġ u kap taʼ familja.
18. Żagħżugħ kif jistaʼ jipprepara għal meta jsir missier?
18 Missier. Wara li tiżżewweġ tistaʼ ssir missier. Hemm ħafna affarijiet x’tistaʼ titgħallem minn Ġeħova biex issir missier tajjeb. (Efes. 6:4) Ġeħova ma żammx lura milli jgħid quddiem oħrajn li jħobb lil Ibnu Ġesù u li ferħan bih. (Mt. 3:17) Jekk ikollok it-tfal, kun ċert li b’mod regolari tgħidilhom li tħobbhom. Faħħarhom spiss għall-affarijiet tajbin li jagħmlu. Missirijiet li jimitaw lil Ġeħova jgħinu lit-tfal tagħhom isiru aħwa maturi. Minn issa, tistaʼ tipprepara biex issir missier tajjeb billi turi lill-familja u lill-aħwa kemm tħobbhom u billi tieħu ħsiebhom. Idra għidilhom li tħobbhom u tapprezzahom. (Ġw. 15:9) Dan se jgħinek biex ’il quddiem tkun raġel u missier tajjeb. Imma sa ma jasal dak iż-żmien, Ġeħova se jkun ferħan bik u se tkun qed tgħin lill-familja tiegħek u lill-kongregazzjoni.
ISSA X’SE TAGĦMEL?
19-20. X’se jgħin liż-żgħażagħ isiru Kristjani maturi? (Ara l-istampa tal-qoxra.)
19 Aħwa żgħażagħ, tridu tagħmlu sforz biex issiru rġiel maturi. Imitaw eżempji tajbin. Tgħallmu aħsbu bħalma jaħseb Ġeħova. Kunu taʼ min jafdakom. Tgħallmu abbiltajiet li se jgħinukom, u ppreparaw għal responsabbiltajiet li se jkollkom fil-futur.
20 Meta taħseb fuq l-affarijiet li trid taħdem fuqhom, forsi tħoss li diffiċli wisq biex tagħmilhom. Imma jistaʼ jirnexxilek. Żomm f’moħħok li Ġeħova vera jixtieq jgħinek. (Is. 41:10, 13) U bla dubju, l-aħwa fil-kongregazzjoni ħa jgħinuk ukoll. Meta ssir ir-raġel li Ġeħova jixtieqek tkun, il-ħajja tiegħek ħa tkun ferħana u sabiħa. Aħna nħobbukom ħafna! Jalla Ġeħova jberikkom hekk kif taħdmu biex issiru Kristjani maturi.—Prov. 22:4.
GĦANJA 65 Imxi ’l quddiem!
a Fil-kongregazzjoni għandna bżonn aħwa rġiel maturi. F’dan l-artiklu ħa naraw kif intom, ġuvintur, tistgħu ssiru Kristjani maturi.
b Ara “Espressjoni Spjegata” fl-artiklu taʼ qabel.
c Ara l-ktieb Organizzati biex nagħmlu r-rieda taʼ Ġeħova, kap. 5-6.