Aħseb Dwar l-Alkoħol Bħalma Jaħsibha Alla
ŻGUR li inti tieħu pjaċir bil-ħafna rigali li Ġeħova tak, u tapprezza li hu jħalli lilek tiddeċiedi kif ħa tużahom. Skont il-Bibbja, l-inbid hu rigal mingħand Alla. Tgħid ukoll: “Il-ħobż qiegħed għad-daħq tal-ħaddiema, u l-inbid iferraħ il-ħajja.” (Ekk. 10:19; Salm 104:15) Imma jaf rajt li ħafna nies għandhom il-problemi minħabba l-alkoħol. U nies madwar id-dinja għandhom opinjonijiet differenti dwaru. X’jistaʼ jgħin lill-Kristjani jieħdu deċiżjonijiet tajbin dwar l-alkoħol?
Meta nieħdu deċiżjonijiet, għandna nisimgħu mill-pariri t’Alla u mhux x’jaħsbu n-nies taʼ madwarna. B’hekk, se nkunu iżjed ferħanin.
Bħalma taf, ħafna nies fid-dinja jixorbu ħafna alkoħol. Xi nies jixorbu l-alkoħol għax iħossuhom iżjed rilassati. Oħrajn jixorbu biex jinsew il-problemi tagħhom. U f’xi pajjiżi, in-nies jaħsbu li min jixrob ħafna alkoħol hu matur jew b’saħħtu.
Imma l-Wieħed li ħalaqna tana pariri tajbin. Pereżempju, hu javżana x’jiġri meta nixorbu żżejjed. Forsi qrajna Proverbji 23:29-35 fejn jiddeskrivi fid-dettall persuna fis-sakra u l-problemi li jkollha. a Daniel, anzjan fl-Ewropa, jiftakar kif kienet ħajtu qabel ma tgħallem dwar Ġeħova u beda japplika l-pariri tiegħu. Hu qal, “Kont nixrob ħafna alkoħol, u dan ġegħelni biex nieħu deċiżjonijiet ħżiena. Minħabba f’hekk, għaddejt minn affarijiet koroh, u kull meta naħseb fuqhom inħossni mdejjaq.”
Kif nistgħu nieħdu deċiżjonijiet tajbin dwar l-alkoħol u nevitaw il-problemi li jiġu meta xi ħadd jixrob iżżejjed? Irridu naraw x’jaħseb Alla dwar l-alkoħol, imbagħad ngħixu skont il-pariri li jtina.
Ejja naraw x’tgħid il-Bibbja dwar l-alkoħol u għala xi nies jixorbu.
X’TGĦID IL-BIBBJA DWAR L-ALKOĦOL
Il-Bibbja ma tgħidx li ma nistgħux nixorbu alkoħol. Fil-fatt tgħid li tixrob l-inbid tistaʼ tkun xi ħaġa sabiħa. Il-Bibbja tgħid: “Kul l-ikel tiegħek bil-ferħ u ixrob l-inbid tiegħek b’qalb hienja.” (Ekk. 9:7) Ġesù ġieli xorob inbid u anki qaddejja leali oħra taʼ Ġeħova.—Mt. 26:27-29; Lq. 7:34; 1 Tim. 5:23.
Imma l-Bibbja tagħmel differenza bejn li tixrob ftit alkoħol u li tisker. Tgħidilna b’mod ċar: “Tiskrux bl-inbid.” (Efes. 5:18) U tgħidilna wkoll li ‘s-sakranazzi mhux se jirtu s-saltna t’Alla.’ (1 Kor. 6:10) Ġeħova jagħmilha ċara li ma jridniex nixorbu żżejjed u niskru. Minflok ma nieħdu deċiżjonijiet dwar l-alkoħol skont x’jagħmlu n-nies taʼ madwarna, aħna niddeċiedu skont dak li jogħġob lil Alla.
Hemm uħud li jaħsbu li jistgħu jixorbu ħafna alkoħol mingħajr ma jiskru. Imma dak ir-raġunar hu perikoluż ħafna. Il-Bibbja tagħmilha ċara li jekk ‘tkun ilsir taʼ ħafna nbid,’ tistaʼ tagħmel żbalji serji u tagħmel ħsara lill-ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova. (Titu 2:3; Prov. 20:1) Ġesù wissiena li jekk ‘nixorbu żżejjed’ nistgħu ma nidħlux fid-dinja l-ġdida t’Alla. (Lq. 21:34-36) X’jistaʼ jgħinna nevitaw il-problemi li jistgħu jiġu meta nixorbu l-alkoħol?
AĦSEB DWAR GĦALA TIXROB L-ALKOĦOL
Meta niġu biex nieħdu deċiżjonijiet dwar l-alkoħol, ikun perikoluż li naħsbu biss x’jagħmlu n-nies taʼ madwarna. Il-Kristjani jagħmlu affarijiet li jogħġbu lil Ġeħova, anki fejn jidħol l-ikel u x-xorb. Il-Bibbja tgħidilna: “Jekk tieklu jew tixorbu jew tagħmlu xi ħaġa oħra, agħmlu kollox għall-glorja t’Alla.” (1 Kor. 10:31) Aħseb dwar dawn il-mistoqsijiet u l-prinċipji tal-Bibbja li ġejjin:
Jien nixrob l-alkoħol biex inkun bħall-oħrajn? Eżodu 23:2 jgħid: “Tmorrux wara l-folla.” F’dan il-vers, Ġeħova kien qed jgħid lill-Iżraelin biex ma jimitawx nies li jagħmlu affarijiet li ma jogħġbuhx. Dan il-parir għadu jgħodd għall-Kristjani llum. Jekk inħallu lil nies oħrajn jinfluwenzawna dwar l-alkoħol, maż-żmien nistgħu nieqfu ngħixu skont il-livelli taʼ Ġeħova u ma nibqgħux il-ħbieb tiegħu.—Rum. 12:2.
Jien nixrob l-alkoħol biex nuri kemm niflaħ u kemm jien b’saħħti? F’xi pajjiżi hu normali li n-nies jixorbu ħafna u taʼ spiss. (1 Pt. 4:3) Imma l-1 Korintin 16:13 jinkuraġġina: “Ibqgħu mqajmin, żommu sod fil-fidi, kunu rġiel, siru setgħanin.” L-alkoħol vera jagħmlek b’saħħtek? Le. Anzi l-alkoħol jistaʼ jġiegħel lil xi ħadd ma jaħsibx sew u jieħu deċiżjonijiet ħżiena. Mela meta xi ħadd jixrob ħafna alkoħol ma jurix li hu b’saħħtu. Minflok, juri li m’għandux sens. Isaija 28:7 jgħid li xi ħadd li jiżvija minħabba l-alkoħol jieħu deċiżjonijiet ħżiena.
Is-saħħa li għandna bżonn biex nagħmlu dak li hu tajjeb tiġi minn Ġeħova u tiġi meta nibqgħu mqajmin u nżommu sod fil-fidi. (Salm 18:32) Dan nagħmluh meta nevitaw il-perikli u nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbu lil Ġeħova. Ġesù kellu ħbiberija tajba ħafna maʼ Ġeħova, u ħafna nies irrispettawh għax kien kuraġġuż u determinat li jagħmel dak li hu tajjeb.
Jien nixrob l-alkoħol biex ninsa l-problemi? Raġel fil-Bibbja kien ta parir tajjeb ħafna. Hu qal: “Meta kelli ħafna ansjetà, int [Ġeħova] għentni u ferraħtni.” (Salm 94:19) Jekk għandek il-problemi, strieħ fuq Ġeħova għall-għajnuna u mhux fuq ix-xorb. Mod tajjeb kif tagħmel dan hu billi titlob taʼ spiss lil Ġeħova. Barra minn hekk, ħafna sabu l-għajnuna minn ħbieb maturi fil-kongregazzjoni. Meta wieħed jixrob biex ikampa mal-problemi, ikun qiegħed inaqqas milli jirraġuna sew. (Ħos. 4:11) Daniel, li ssemma qabel, ikompli jgħid: “Jien kont inbati mill-ansjetà u kont inħoss li ma niswa għal xejn. Biex inħossni aħjar kont nixrob, imma spiċċajt b’iktar problemi, u tlift il-ħbieb u r-rispett lejja nnifsi.” X’kien li għen lil Daniel? Hu qal: “Jien irrealizzajt li kelli nfittex lil Ġeħova għall-għajnuna u mhux l-alkoħol. Meta għamilt hekk, jien irnexxieli nkampa mal-problemi u nsolvihom.” Il-verità hi li Ġeħova dejjem lest biex jgħinna, anki meta s-sitwazzjoni tkun tidher bla tama. —Flp. 4:6, 7; 1 Pt. 5:7.
Jekk kultant tixrob l-alkoħol, tistaʼ tara hemmx bżonn tagħmel xi bidliet billi ssaqsi: ‘Kien hemm xi ħadd tal-familja jew ħabib li qalli li hu inkwetat b’kemm qed nixrob?’ Jekk iva, jistaʼ jkun li m’intix tinduna li qbadt vizzju jew għandek problema. ‘Qed nixrob iktar milli kont?’ Dan jistaʼ jiġri lil xi ħadd li m’għandux il-vizzju tal-alkoħol, imma maż-żmien jistaʼ jsir vizzju. ‘Insibha diffiċli biex ma nixrobx alkoħol għal xi ġranet jew iktar?’ Jekk iva, jistaʼ jkun li x-xorb diġà sar vizzju. Dan jistaʼ jfisser li biex tieqaf se jkollok bżonn l-għajnuna mingħand xi ħadd professjonali.
Peress li bix-xorb jistgħu jiġu ħafna problemi, xi Kristjani jagħżlu li ma jixorbu xejn alkoħol. Oħrajn ma jixorbux għax ma jogħġobhomx. Jekk xi ħadd li taf jiddeċiedi li ma jixrobx alkoħol, għandek tirrispetta d-deċiżjoni tiegħu.
Forsi rajt li jkun aħjar jekk tiddeċiedi minn qabel kemm se tixrob alkoħol. Pereżempju, forsi tiddeċiedi li tixrob darba fil-ġimgħa jew ftit waqt li qed tiekol. Xi nies iddeċidew li joqogħdu attenti x’tip taʼ alkoħol jixorbu. Pereżempju jixorbu ftit inbid jew birra, imma ma jiħdux xorb bħal whisky, vodka, u cocktails. Meta xi ħadd jiddeċiedi eżatt x’se jixrob, se jkun iktar faċli għalih biex iżomm mad-deċiżjoni. Jekk Kristjan jagħżel li jagħmel hekk, m’għandux għalfejn jiddejjaq x’se jaħsbu oħrajn dwaru.
Meta nieħdu deċiżjoni dwar l-alkoħol, irridu noqogħdu attenti wkoll għal kif iħossuhom oħrajn. Rumani 14:21 jgħid: “Hu sewwa li ma tikolx laħam jew li ma tixrobx inbid jew li ma tagħmel xejn li jistaʼ jfixkel lil ħuk.” Kif tistaʼ tapplika dal-parir? Billi turi mħabba. Jekk taħseb li jekk tixrob l-alkoħol se ddejjaq lil xi ħadd, l-imħabba se timmotivak biex ma tixrobx. Meta tagħmel hekk tkun qed turi li int tirrispetta, tħobb, u jimpurtak iktar minn oħrajn.—1 Kor. 10:24.
Barra minn hekk, il-gvern jistaʼ jkollu liġijiet dwar l-alkoħol u l-Kristjani għandhom jobduhom. Dawn il-liġijiet jistgħu jkunu bħal li biex tixrob irid ikollok ċertu età, ma tistax tixrob u ssuq jew tħaddem ċertu magni.—Rum. 13:1-5.
Ġeħova tana ħafna affarijiet tajbin. Waħda minnhom hi li niddeċiedu aħna x’se nieklu u nixorbu. Jalla b’dak li nagħżlu li nagħmlu, nogħġbu lil Missierna tas-sema.
a Organizzazzjoni tas-saħħa fl-Istati Uniti tgħid li anki jekk tixrob ħafna alkoħol darba biss jistaʼ jwassal għal ħafna problemi bħal qtil, suwiċidju, abbuż sesswali, vjolenza domestika, problemi fit-tqala, u mard li jiġi mis-sess.