ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 51
L-Affarijiet li Nittamaw Għalihom Se Jiġru Żgur
“It-tama ma twassalx għal diżappunt.”—RUM. 5:5.
GĦANJA 142 Inżommu mat-tama tagħna sat-tmiem
ĦARSA BIL-QUDDIEM a
1. Abraham għala baqaʼ jittama li se jkollu tifel?
ĠEĦOVA wiegħed lill-ħabib tiegħu Abraham li kien ħa jkollu tifel u li n-nies kollha kienu se jitbierku minħabba fih. (Ġen. 15:5; 22:18) Peress li Abraham kellu fidi soda f’Alla, kien konvint li l-wegħda t’Alla kienet se tiġri. Imma meta Abraham kellu 100 sena u l-mara tiegħu 90 sena, kien għad ma kellhomx tifel. (Ġen. 21:1-7) Però, il-Bibbja tgħid: “[Abraham] kellu fidi bbażata fuq it-tama li jsir missier taʼ ħafna ġnus skond ma kien intqal.” (Rum. 4:18) Aħna nafu li dak li Abraham ittama għalih ġara. Hu kellu lil Iżakk. Abraham għala kien ċert li Ġeħova kien se jżomm il-wegħda tiegħu?
2. Abraham għala kien ċert li l-wegħda taʼ Ġeħova kienet se tiġri?
2 Abraham kien jaf lil Ġeħova sew, allura “kien konvint bis-sħiħ li dak li wiegħed” se jiġri. (Rum. 4:21) Ġeħova kien ferħan b’Abraham u qal li kien raġel ġust minħabba l-fidi tiegħu. (Ġak. 2:23) Rumani 4:18 jurina li Abraham kellu kemm il-fidi kif ukoll it-tama. Ejja naraw dak li qal l-appostlu Pawlu dwar it-tama f’Rumani kapitlu 5.
3. Pawlu x’jgħid dwar it-tama?
3 Pawlu jispjega għala nistgħu nkunu ċerti li “t-tama ma twassalx għal diżappunt.” (Rum. 5:5) Hu jgħinna nifhmu wkoll kif nistgħu nsaħħu iktar it-tama tagħna. Aħna u niddiskutu Rumani 5:1-5, aħseb dwar kif it-tama tiegħek għall-futur saret iktar b’saħħitha. Dan se jurina wkoll kif nistgħu nkomplu nsaħħu t-tama tagħna. L-ewwel se naraw dwar tama sabiħa ħafna li Pawlu qal li żgur se ssir realtà.
IT-TAMA SABIĦA TAGĦNA
4. Rumani 5:1, 2 fuq xiex jitkellem?
4 Aqra Rumani 5:1, 2. Pawlu kiteb dawn il-versi lill-kongregazzjoni f’Ruma. L-aħwa t’hemmhekk tgħallmu dwar Ġeħova u Ġesù, kellhom il-fidi, u saru Kristjani. B’hekk, Alla ‘ddikjarahom ġusti minħabba l-fidi’ u għażilhom bl-ispirtu qaddis tiegħu. Setgħu jħarsu ’l quddiem għal premju vera sabiħ u jkunu ċerti li kienu se jirċivuh.
5. Il-midlukin x’tama għandhom?
5 Iktar tard, Pawlu kiteb lill-midlukin f’Efesu dwar t-tama li Alla tahom. Kienu ħa jirċievu “wirt għall-qaddisin.” (Efes. 1:18) U Pawlu wera lill-aħwa f’Kolossi fejn kellhom jirċievu l-premju tagħhom. Hu qal: “It-tama li hi merfugħa għalikom fis-smewwiet.” (Kol. 1:4, 5) It-tama tal-midlukin hi li se jiġu rxoxtati għall-ħajja taʼ dejjem fis-sema fejn se jmexxu maʼ Kristu.—1 Tess. 4:13-17; Riv. 20:6.
6. Ħuna Franz x’qal dwar it-tama tiegħu?
6 It-tama li għandhom il-midlukin hi importanti ħafna għalihom. Wieħed minnhom, Ħuna Frederick Franz, qal kif kien iħossu: “It-tama li għandna ħa ssir żgur, u kull wieħed minna tal-144,000 se jirċievi dak li wegħedna Alla. Il-premju tagħna se jkun ħafna aħjar minn kull ħaġa li stajna immaġinajna.” Fl-1991, wara li qeda lil Alla għal ħafna snin, Ħuna Franz reġaʼ qal: “Din it-tama għadha importanti ħafna għalina. Iżjed ma nistennewha, iżjed napprezzawha. Aħna lesti nistennewha anki jekk indumu iktar minn miljun sena. Jien napprezza t-tama tagħna iktar minn qatt qabel.”
7-8. Il-biċċa l-kbira tan-nies taʼ Ġeħova x’tama għandhom? (Rumani 8:20, 21)
7 Il-biċċa l-kbira tan-nies li jaqdu lil Ġeħova llum għandhom tama differenti. Huma għandhom it-tama li kellu Abraham—li jgħixu għal dejjem fuq l-art taħt is-Saltna t’Alla. (Ebr. 11:8-10, 13) L-appostlu Pawlu kiteb dwar din it-tama sabiħa. (Aqra Rumani 8:20, 21.) X’għoġbok l-iktar meta sirt taf il-wegħda tal-Bibbja għall-futur? Li xi darba se tkun perfett u ma tagħmilx iktar dnubiet? Jew kont ferħan li sirt taf li dawk in-nies li tħobb u mietu se jerġgħu jqumu fil-ġenna tal-art? Minħabba din “it-tama” li tana Alla, hemm ħafna affarijiet sbieħ li int tistaʼ tħares ’il quddiem għalihom.
8 Kemm jekk ħa ngħixu għal dejjem fis-sema u kemm jekk fuq l-art, aħna għandna tama li tistaʼ ġġibilna ferħ kbir. U aħna nistgħu nsiru iktar konvinti dwar din it-tama li għandna. Issa se naraw kif nistgħu nagħmlu dan minn dak li qalilna Pawlu.
KIF NISTGĦU NSIRU IKTAR KONVINTI
9-10. Bħalma juri l-eżempju taʼ Pawlu, il-Kristjani llum x’għandhom jistennew? (Rumani 5:3) (Ara l-istampi.)
9 Aqra Rumani 5:3. Pawlu qal li meta nbatu ħa nsiru iktar ċerti mit-tama tagħna. Dan jistaʼ jidher stramb. Però, id-dixxipli kollha taʼ Kristu għandhom jistennew li jbatu. Aħseb dwar l-eżempju taʼ Pawlu. Lill-aħwa f’Tessalonika qalilhom: “Meta konna magħkom, konna ngħidulkom minn qabel li kellna nsofru t-tribulazzjoni, bħalma ġara tassew.” (1 Tess. 3:4) U lill-Korintin qalilhom: “Ma nixtiqukomx ma tkunux tafu bit-tribulazzjoni li ġarrabna . . . Lanqas saħansitra minn ħajjitna ma konna ċerti.”—2 Kor. 1:8; 11:23-27.
10 Il-Kristjani llum ukoll jistgħu jistennew xi tip taʼ persekuzzjoni. (2 Tim. 3:12) Int qatt ġejt ippersegwitat għax temmen f’Ġesù u tafda fih? Forsi l-ħbieb u tal-familja waqqgħuk għaċ-ċajt jew trattawk ħażin. Jew jaf l-imgħallem jew dawk li jaħdmu miegħek trattawk ħażin għax int onest. (Ebr. 13:18) Jew forsi l-awtoritajiet qalgħulek il-problemi minħabba li tkellimt m’oħrajn dwar it-tama tiegħek. Pawlu qal li minkejja l-problemi differenti li jistaʼ jkollna, nistgħu nkunu ferħanin. Għala?
11. Għala rridu nkunu determinati li nissaportu kull prova?
11 Aħna nistgħu nkunu ferħanin anki meta nkunu qegħdin inbatu, għax dan jistaʼ jgħinna jkollna kwalità importanti ħafna. Bħalma jgħid Rumani 5:3, “it-tribulazzjoni tipproduċi s-sabar.” Aħna lkoll ħa jkollna l-problemi, għalhekk irridu nkunu determinati li nissaportu. Jekk nibqgħu nissaportu u naqdu lil Ġeħova biss ħa nkunu nistgħu ngawdu t-tama sabiħa li tana. Aħna ma rridux inkunu bħal dawk li Ġesù qabbilhom maʼ żerriegħa li waqgħet fuq il-blat. Dat-tip taʼ nies jaċċettaw il-messaġġ, imma “meta jinqalgħu l-problemi jew il-persekuzzjoni, jitfixklu mill-ewwel.” (Mt. 13:5, 6, 20, 21) Hu vera li l-problemi u l-persekuzzjoni mhumiex sbieħ, imma meta nissaportu u nibqgħu naqdu lil Ġeħova se mmorru tajjeb. B’liema mod?
12. Aħna kif immorru tajjeb meta nissaportu l-problemi?
12 Id-dixxiplu Ġakbu qal għala jkun tajjeb meta nissaportu. Hu kiteb: “Ħallu s-sabar iwettaq xogħlu għalkollox, sabiex b’hekk tkunu kompluti u sħaħ f’kull aspett bla ma jonqoskom xejn.” (Ġak. 1:2-4) Ġakbu jgħid li s-sabar għandu xogħol x’jagħmel. X’inhu? Dan ħa jgħinek tkun iżjed paċenzjuż, ikollok iktar fidi, u tistrieħ iktar fuq Ġeħova. Imma hemm raġuni oħra għala hu tajjeb li nissaportu.
13-14. X’jiġri meta nissaportu, u dan kif jeffettwa lit-tama tagħna? (Rumani 5:4)
13 Aqra Rumani 5:4. Pawlu qal li s-sabar jipproduċi “l-approvazzjoni.” Allura meta tissaporti, Ġeħova jkun ferħan bik. Dan ma jfissirx li hu jieħu pjaċir li jkollok il-problemi. Hu jkun ferħan għax int tkun qed tissaporti u tibqaʼ leali. Kemm hi ħaġa sabiħa li nafu li meta nissaportu, Ġeħova ħa jkun ferħan!—Salm 5:12.
14 Ftakar li meta Abraham issaporta l-problemi u baqaʼ leali, Ġeħova kien ferħan bih. Ġeħova rah bħala persuna ġusta u qiesu bħala l-ħabib tiegħu. (Ġen. 15:6; Rum. 4:13, 22) Hu jistaʼ jagħmel l-istess magħna wkoll. Ġeħova jkun ferħan bina mhux għax-xogħol li nagħmlu għalih jew għall-privileġġi li għandna. Hu jkun ferħan bina meta nibqgħu leali minkejja l-provi. Kollha kemm aħna nistgħu nissaportu l-problemi u ma tagħmilx differenza l-età, iċ-ċirkustanzi, jew l-abbiltajiet li għandna. Bħalissa int qiegħed tissaporti xi problema u tibqaʼ leali lejn Ġeħova? Żomm f’moħħok li Ġeħova hu ferħan bik. Meta nirrealizzaw li Ġeħova hu ferħan bina, it-tama tagħna fil-wegħdi għall-futur se ssir iktar b’saħħitha.
TAMA IKTAR B’SAĦĦITHA
15. Pawlu x’qal f’Rumani 5:4, 5, u xi nies x’jistgħu jsaqsu?
15 Bħalma qal Pawlu, Ġeħova jkun ferħan bina meta nissaportu l-problemi u nibqgħu leali. Ara x’kompla jgħid Pawlu: “L-approvazzjoni t’Alla tipproduċi t-tama, u t-tama ma twassalx għal diżappunt.” (Rum. 5:4, 5) Dan il-kliem jaf iħawwad lil xi nies. Għala? Għax f’Rumani 5:2, Pawlu kien diġà qal li l-Kristjani għandhom jifirħu “bit-tama tal-glorja t’Alla.” Allura, xi nies jaf isaqsu, ‘Jekk dawk il-Kristjani diġà kellhom tama, Pawlu għala iktar tard reġaʼ tkellem dwar it-tama?’
16. Kif tistaʼ ssaħħaħ it-tama tiegħek? (Ara l-istampi.)
16 Aħna nistgħu nifhmu x’qal Pawlu meta nżommu f’moħħna li t-tama hi xi ħaġa li tistaʼ tissaħħaħ. Pereżempju, tiftakar meta għall-ewwel darba smajt dwar it-tama li hemm fil-Bibbja? Dak iż-żmien jaf ħsibt li hi xi ħaġa sabiħa li tgħix għal dejjem f’ġenna tal-art, imma hi diffiċli wisq biex issir. Imma meta tgħallimt iktar dwar Ġeħova u l-wegħdi fil-Bibbja, it-tama tiegħek issaħħet u sirt iktar konvint li din se tiġri.
17. Wara li tgħammidt, it-tama tiegħek kif kompliet tissaħħaħ?
17 Wara li tgħammidt, sirt taf aħjar lil Ġeħova u sirt tħobbu iktar, u b’hekk sirt iktar ċert mill-affarijiet li qed tittama għalihom. (Ebr. 5:13, 14; 6:1) Wisq probabbli għaddejt minn dak li jgħid Rumani 5:2-4. Jaf għaddejt minn xi problemi, imma ssaportejt u Ġeħova wriek li qed jieħu pjaċir bik. Minħabba li taf li jħobbok u hu ferħan bik, tħossok iktar ċert li hu se jżomm il-wegħdi tiegħu. Issa tapprezza iktar it-tama li għandek għax din saret iktar b’saħħitha. Din taffettwa iżjed lil ħajtek, pereżempju l-mod kif tittratta mal-familja, il-mod kif tieħu d-deċiżjonijiet, u anka kif tuża l-ħin tiegħek.
18. X’garanzija jagħti Ġeħova?
18 Pawlu jgħid xi ħaġa importanti oħra dwar it-tama li għandek meta tkun taf li Ġeħova hu ferħan bik. Hu jaċċertana li t-tama se ssir realtà. Int għala tistaʼ tkun ċert? Għax permezz taʼ Pawlu, Ġeħova tana garanzija: “It-tama ma twassalx għal diżappunt; għax l-imħabba t’Alla tferrgħet fi qlubna permezz taʼ l-ispirtu qaddis li kien mogħti lilna.” (Rum. 5:5) Għandek ħafna raġunijiet biex temmen li t-tama li tak Ġeħova se ssir realtà.
19. Minn xiex tistaʼ tkun ċert?
19 Aħseb dwar il-wegħda li Ġeħova għamel maʼ Abraham, kif hu kien ferħan bih, u qiesu bħala l-ħabib tiegħu. Dak li Abraham ittama għalih ġara. Il-Bibbja tgħid: “Wara li wera l-paċenzja, Abraham kiseb din il-wegħda.” (Ebr. 6:15; 11:9, 18; Rum. 4:20-22) Hu żgur ma kienx diżappuntat. Bħal Abraham tistaʼ tkun ċert li jekk tibqaʼ leali, ħa tiġi premjat. Int għandek ħafna raġunijiet għal xiex tkun ferħan għax taf li t-tama li għandek se tiġri żgur. M’intix se tkun diżappuntat! (Rum. 12:12) Pawlu qal: “L-Alla li jagħti t-tama jimliekom b’kull ferħ u paċi talli temmnu, biex toktru fit-tama bil-qawwa taʼ l-ispirtu qaddis.”—Rum. 15:13.
GĦANJA 139 Immaġinak meta kollox ikun ġdid
a F’dan l-artiklu ħa naraw x’tama għandna bħala Kristjani u għala għandna nkunu ċerti li din se tiġri. Rumani kapitlu 5 ħa jgħinna naraw kif din it-tama li għandna hi differenti minn meta bdejna nitgħallmu l-verità.