ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 50
Nistgħu Nkunu Ġusti Minħabba l-Fidi u Dak li Nagħmlu
‘Imxu bl-ordni fuq il-passi taʼ dik il-fidi li kellu missierna Abraham.’—RUM. 4:12.
GĦANJA 119 Irid ikollna l-fidi
ĦARSA BIL-QUDDIEM a
1. Meta naħsbu fuq il-fidi li kellu Abraham, x’mistoqsija nistgħu nsaqsu?
GĦALKEMM ħafna nies semgħu b’Abraham, il-biċċa l-kbira minnhom jafu ftit dwaru. Imma int taf ħafna dwaru. Pereżempju taf li l-Bibbja tgħid li Abraham hu “l-missier taʼ dawk kollha li jkollhom il-fidi.” (Rum. 4:11) Imma forsi tgħid, ‘Jistaʼ jkolli fidi soda bħalma kellu Abraham?ʼ Iva, tistaʼ.
2. Għala hu importanti li nistudjaw l-eżempju t’Abraham? (Ġakbu 2:22, 23)
2 Mod wieħed kif jistaʼ jkollna fidi bħal t’Abraham huwa billi nistudjaw l-eżempju tiegħu. Abraham dejjem obda dak li qallu Ġeħova. Hu telaq mid-dar biex imur jgħix fit-tined għal ħafna snin, f’post ’il bogħod. Hu anki kien lest li jissagrifika lit-tifel tiegħu Iżakk. Abraham għamel dawn l-affarijiet għax kellu fidi b’saħħitha f’Ġeħova. Ġeħova kien ferħan bil-fidi t’Abraham u b’dak li għamel għalih, u b’hekk hu sar il-ħabib tiegħu. (Aqra Ġakbu 2:22, 23.) Ġeħova jixtieq li jkun ferħan b’kulħadd u li nkunu l-ħbieb tiegħu. Dan jinkludi lilek ukoll. Għalhekk, hu ggwida lil Pawlu u Ġakbu biex fil-Bibbja jiktbu dwar l-eżempju t’Abraham. Issa se niddiskutu l-eżempju t’Abraham f’Rumani 4 u Ġakbu 2. Dawn iż-żewġ kapitli jgħidu xi ħaġa importanti dwaru.
3. Pawlu u Ġakbu minn liema vers ikkwotaw?
3 Pawlu u Ġakbu t-tnejn li huma kkwotaw minn Ġenesi 15:6, li jgħid: “Abram fada f’Ġeħova, u Hu kkunsidrah ġust.” Ġeħova jqis lil xi ħadd ġust jew bla ħtija meta jkun ferħan bih. Kemm hi xi ħaġa sabiħa li avolja aħna imperfetti, Ġeħova xorta jistaʼ jqisna bla ħtija. Int żgur tixtieq li Ġeħova jarak hekk, u hu possibbli. Issa se naraw għala Ġeħova qal li Abraham kien ġust, u xi rridu nagħmlu aħna biex Ġeħova jqisna ġusti bħalu.
IRID IKOLLNA L-FIDI BIEX ĠEĦOVA JQISNA ĠUSTI
4. Għala diffiċli nkunu bla ħtija?
4 Meta kiteb lir-Rumani, Pawlu qal li n-nies kollha jiżbaljaw. (Rum. 3:23) Allura Ġeħova kif jistaʼ jkun ferħan bina u jgħid li aħna bla ħtija? Biex jgħinna nwieġbu din il-mistoqsija, Pawlu uża l-eżempju t’Abraham.
5. Ġeħova għala qal li Abraham kien bla ħtija? (Rumani 4:2-4)
5 Ġeħova qal li Abraham kien bla ħtija meta kien qed jgħix f’Kangħan. Ġeħova ma qalx li Abraham kien ġust, jew bla ħtija, għax kien jobdi l-Liġi taʼ Mosè. Kif nafu? (Rum. 4:13) Għax Ġeħova ta dik il-liġi lill-Iżraelin iktar minn 400 sena wara. Għalhekk Ġeħova wera qalb tajba kbira u qal li Abraham kien bla ħtija minħabba l-fidi li kellu.—Aqra Rumani 4:2-4.
6. Xi ħadd imperfett għala jistaʼ jkun bla ħtija f’għajnejn Ġeħova?
6 Pawlu qal li meta xi ħadd ikollu fidi f’Ġeħova, “il-fidi tiegħu tingħaddlu bħala ġustizzja.” (Rum. 4:5) Hu qal ukoll: “Bħalma jgħid ukoll David dwar l-hena tal-bniedem li Alla jgħoddlu l-ġustizzja mingħajr l-għemejjel: ‘Henjin dawk li l-għemejjel tagħhom kontra l-liġi nħafrulhom u li dnubiethom ġew mgħottijin; hieni l-bniedem li Ġeħova ma jitolbux kont taʼ dnubu.’” (Rum. 4:6-8; Salm 32:1, 2) Ġeħova jaħfer jew jgħatti d-dnubiet taʼ dawk li għandhom fidi fih, jiġifieri hu jaħfrilhom kompletament. Minħabba l-fidi tagħhom, għalih huma ġusti u bla ħtija.
7. Il-qaddejja leali tal-passat għala kienu msejħin ġusti?
7 Għalkemm Abraham, David, u qaddejja leali oħra huma msejħin ġusti, xorta waħda kienu imperfetti. Imma minħabba l-fidi tagħhom, Ġeħova kien iqishom bla ħtija, speċjalment ħdejn dawk li ma kinux jaqduh. (Efes. 2:12) Fl-ittra tiegħu lir-Rumani, Pawlu spjega li aħna għandna bżonn il-fidi biex inkunu ħbieb taʼ Ġeħova. Abraham u David kienu ħbieb taʼ Ġeħova minħabba l-fidi tagħhom, u aħna wkoll nistgħu nkunu bħalhom.
IL-FIDI U DAK LI NAGĦMLU KIF IMORRU FLIMKIEN?
8-9. Xi wħud x’jaħsbu dwar dak li kitbu Pawlu u Ġakbu fl-ittri tagħhom, u dan għala hu ħażin?
8 Għal mijiet taʼ snin, il-mexxejja reliġjużi ma qablux dwar kif il-fidi u dak li nagħmlu jmorru flimkien. Ftit minnhom jgħallmu li kulma trid tagħmel biex issalva huwa li temmen fil-Mulej Ġesù Kristu. Jaf smajthom jgħidu, “Aċċetta lil Ġesù u tiġi salvat.” Xi mexxejja reliġjużi jgħidu li Pawlu hekk għallem għax qal: “Alla jgħoddlu l-ġustizzja mingħajr l-għemejjel.” (Rum. 4:6) Imma oħrajn jgħidu li int tistaʼ ssalva jekk tmur f’postijiet li l-knisja tgħid li huma qaddisin u billi tagħmel affarijiet tajbin. Biex juru li għandhom raġun, jaf jikkwotaw Ġakbu 2:24: “Bniedem jiġi dikjarat ġust bl-għemejjel, u mhux bil-fidi biss.”
9 Minħabba li ħafna nies jemmnu differenti, xi studjużi jgħidu li Pawlu u Ġakbu ma jaqblux maʼ x’għandha tagħmel persuna biex Ġeħova jkun ferħan biha. Skont xi mexxejja reliġjużi, Pawlu kien jemmen li kulma persuna għandha bżonn biex Alla jkun ferħan biha hi l-fidi. Imma jgħidu wkoll li Ġakbu kien jemmen li persuna trid tagħmel affarijiet tajbin biex Alla jkun ferħan biha. Professur tar-reliġjon qal li Ġakbu ma fehemx ir-raġuni għala Pawlu qal li għandna bżonn il-fidi biss biex inkunu ġusti, u li Ġakbu ma qabilx maʼ Pawlu. Imma dak li kitbu Pawlu u Ġakbu t-tnejn ġejjin minn Ġeħova. (2 Tim. 3:16) Allura żgur hemm mod sempliċi biex nifhmu dak li qalu t-tnejn li huma. Biex nagħmlu dan, irridu naraw x’kitbu iżjed fl-ittri tagħhom.
10. Pawlu dwar liema xogħlijiet tkellem? (Rumani 3:21, 28) (Ara l-istampa.)
10 Pawlu dwar liema xogħlijiet tkellem f’Rumani 3 u 4? L-iktar li tkellem kien dwar il-Liġi taʼ Mosè, li Ġeħova kien ta lill-Iżraelin fuq il-Muntanja Sinaj. (Aqra Rumani 3:21, 28.) Mid-dehra kien hemm xi Kristjani Lhud fi żmien Pawlu li kienu għadhom jemmnu li jridu jimxu mal-Liġi taʼ Mosè. Allura, Pawlu uża l-eżempju t’Abraham biex juri li biex Alla jkun ferħan b’xi ħadd, m’għandux għalfejn jobdi l-Liġi taʼ Mosè. Minflok, Pawlu kien qed jgħid li għandna bżonn il-fidi. Dan hu inkuraġġanti għax jgħallimna li jekk ikollna fidi f’Alla u f’Ġesù, Ġeħova se jkun ferħan bina.
11. Għal liema xogħlijiet qed jirreferi Ġakbu?
11 Mill-banda l-oħra, ix-xogħlijiet li jsemmi Ġakbu kapitlu 2 mhumiex l-istess affarijiet li hemm fil-Liġi taʼ Mosè li semma Pawlu. Ġakbu hemmhekk qed jirreferi għall-affarijiet li Kristjan jagħmel fil-ħajja tiegħu taʼ kuljum. Dawn l-affarijiet juru jekk il-fidi taʼ Kristjan hix vera jew le. Ejja naraw żewġ eżempji li Ġakbu uża.
12. Ġakbu kif wera li l-fidi u l-għemejjel għandhom x’jaqsmu maʼ xulxin? (Ara l-istampa.)
12 Fl-ewwel eżempju, Ġakbu qal li l-Kristjani jridu jittrattaw lil kulħadd l-istess. Hu ġab eżempju b’raġel li kien qalbu tajba maʼ xi ħadd sinjur, imma mbagħad maʼ xi ħadd fqir kien jimxi ħażin. Ġakbu qal li raġel bħal dan forsi jgħid li għandu l-fidi, imma dak li jagħmel juri li mhux vera. (Ġak. 2:1-5, 9) Fit-tieni eżempju, Ġakbu qal li xi ħadd ra lil ‘ħu jew oħt li kienet nieqsa mill-ikel u ma kellhiex ħwejjeġ’ imma xorta m’għenhiex. Mela avolja dak ir-raġel qal li kellu l-fidi, l-affarijiet li għamel urew li ma kellux. Bħalma kiteb Ġakbu, “il-fidi, jekk m’għandhiex għemejjel, hi mejta fiha nfisha.”—Ġak. 2:14-17.
13. Ġakbu x’eżempju uża biex juri li jrid ikollna l-fidi u anki nagħmlu affarijiet tajbin? (Ġakbu 2:25, 26)
13 Ġakbu qal li Raħab hi eżempju tajjeb taʼ xi ħadd li wera li kellu l-fidi b’dak li għamel. (Aqra Ġakbu 2:25, 26.) Hi kienet semgħet dwar Ġeħova u kienet taf li kien mal-Iżraelin. (Ġoż. 2:9-11) B’dak li għamlet uriet li hi kellha l-fidi, u minħabba l-fidi tagħha hi pproteġiet żewġ spiji Iżraelin li ħajjithom kienet fil-periklu. Minħabba dan, din il-mara imperfetta u li ma kinitx Iżraelija kienet ġusta f’għajnejn Ġeħova, eżatt bħalma kien Abraham. Minn Raħab nitgħallmu kemm hu importanti li nuru li għandna l-fidi b’dak li nagħmlu.
14. Għala nistgħu ngħidu li dak li kitbu Pawlu u Ġakbu dwar il-fidi jaqblu maʼ xulxin?
14 Dwar dan is-suġġett tal-fidi u l-għemejjel, Pawlu u Ġakbu kienu qegħdin jitkellmu minn ħarsa differenti. Pawlu kien qed jgħid lill-Kristjani Lhud li billi jimxu eżatt fuq il-Liġi taʼ Mosè, ma kienx se jkollhom l-approvazzjoni taʼ Ġeħova. Min-naħa l-oħra, Ġakbu kien qed juri kemm hu importanti li juru li għandhom il-fidi bl-affarijiet li jagħmlu għal oħrajn.
15. X’inhuma xi affarijiet li nistgħu nagħmlu biex nuru li għandna l-fidi? (Ara l-istampi.)
15 Ġeħova ma jgħidx li biex inkunu ġusti rridu ngħixu l-ħajja tagħna eżatt bħalma għex Abraham. Fil-fatt, hemm ħafna affarijiet li nistgħu nagħmlu biex nuru li għandna l-fidi. Pereżempju, nistgħu nilqgħu lil dawk ġodda li jiġu fil-kongregazzjoni, ngħinu lill-aħwa li huma fil-bżonn, u ngħinu lil tal-familja tagħna. Dawn huma affarijiet li jferrħu lil Ġeħova u jekk nagħmluhom se jberikna. (Rum. 15:7; 1 Tim. 5:4, 8; 1 Ġw. 3:18) Mod importanti kif nuru li għandna l-fidi hu billi nirsistu fix-xogħol tal-ippritkar. (1 Tim. 4:16) B’dak li nagħmlu lkoll kemm aħna nistgħu nuru li għandna l-fidi fil-wegħdi taʼ Ġeħova, u li dak li jgħidilna hu dejjem l-aħjar. U jekk nagħmlu dawn l-affarijiet, nistgħu nibqgħu ċerti li Ġeħova se jqisna ġusti u l-ħbieb tiegħu.
IT-TAMA SE SSAĦĦAĦ IL-FIDI TAGĦNA
16. Il-fidi u t-tama li kellu Abraham kif kienu jmorru flimkien?
16 F’Rumani kapitlu 4 nistgħu nitgħallmu xi ħaġa oħra importanti minn Abraham. Nitgħallmu li għandna nżommu t-tama li għandna l-ħin kollu f’moħħna. Ġeħova wiegħed li permezz t’Abraham kienu se jitbierku “ħafna ġnus.” Aħseb dwar il-wegħdi sbieħ li Abraham setaʼ jaħseb dwarhom. (Ġen. 12:3; 15:5; 17:4; Rum. 4:17) Imma meta Abraham kellu 100 sena u Sara kellha 90, kien għad ma kellhomx tifel bħalma wegħedhom Ġeħova. Allura, setgħet dehret impossibbli li kien se jkollhom it-tfal. Din żgur kienet xi ħaġa diffiċli għal Abraham. Imma hu “kellu fidi bbażata fuq it-tama li jsir missier taʼ ħafna ġnus.” (Rum. 4:18, 19) U maż-żmien, dak li Abraham kien qed jittama għalih sar realtà, għax hu kellu lit-tifel tiegħu Iżakk li kien ilu jittama għalih.—Rum. 4:20-22.
17. Kif nafu li Alla jistaʼ jieħu pjaċir bina u nkunu l-ħbieb tiegħu?
17 Alla jistaʼ jieħu pjaċir bina u aħna nistgħu nkunu l-ħbieb tiegħu, bħalma kien Abraham. Pawlu tkellem dwar dan meta kiteb: “M’hemmx miktub ‘ngħaddlu’ minħabba [Abraham] biss, imma wkoll minħabba fina li . . . kellu jingħaddilna għax nemmnu f’dak li qajjem mill-imwiet lil Ġesù.” (Rum. 4:23, 24) Bħal Abraham, irid ikollna fidi f’Ġeħova, nagħmlu affarijiet tajbin, u nkunu ċerti li dak li wiegħed Ġeħova se jiġri. F’Rumani kapitlu 5, Pawlu kompla jitkellem dwar it-tama tagħna. Din se niddiskutuha fl-artiklu li jmiss.
GĦANJA 28 Niksbu l-ħbiberija taʼ Ġeħova
a Aħna rridu li Alla jieħu pjaċir bina u jqisna bħala nies ġusti. F’dan l-artiklu se naraw li dan hu possibbli billi naraw dak li kitbu Pawlu u Ġakbu, u se niddiskutu għala l-fidi u dak li nagħmlu huma importanti biex Ġeħova jkun ferħan bina.
b X’JURUNA L-ISTAMPI: Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani Lhud biex jiffokaw fuq il-fidi u mhux fuq “għemejjel tal-liġi,” bħal pereżempju li jilbsu ħajt blu fil-libsa tagħhom, jiċċelebraw il-Qbiż, u jaħslu jdejhom b’mod ċerimonjali.
c X’TURINA L-ISTAMPA: Ġakbu inkuraġġiena nuru l-fidi billi nagħmlu t-tajjeb m’oħrajn, bħal pereżempju billi ngħinu lill-fqar.