ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 52
Tfajliet—Kif Tistgħu Ssiru Kristjani Aħjar?
“In-nisa għandhom ikunu . . . moderati fi drawwiethom, juru fedeltà f’kollox.”—1 TIM. 3:11.
GĦANJA 133 Qim lil Ġeħova matul iż-żgħożija
ĦARSA BIL-QUDDIEM a
1. Biex xi ħadd isir Kristjan matur x’għandu jagħmel?
NISTAGĦĠBU kemm jikbru malajr it-tfal, filli żgħar u filli kbar. Imma hi xi ħaġa differenti biex issir Kristjan matur, għax hemm bżonn sforz. b (1 Kor. 13:11; Ebr. 6:1) Biex insiru Kristjani maturi, irid ikollna ħbiberija b’saħħitha maʼ Ġeħova. Barra minn hekk, għandna bżonn l-ispirtu tiegħu biex jgħinna jkollna kwalitajiet li jogħġbuh, inkunu kapaċi nagħmlu affarijiet differenti, u nippreparaw għal responsabbiltajiet li jistaʼ jkollna ’l quddiem.—Prov. 1:5.
2. X’nitgħallmu minn Ġenesi 1:27, u x’se naraw f’dan l-artiklu?
2 Ġeħova ħalaq lin-nies bħala raġel jew mara. (Aqra Ġenesi 1:27.) L-irġiel u n-nisa huma differenti kif jidhru minn barra, imma hemm ukoll affarijiet oħra li huma differenti fihom. Pereżempju, Ġeħova ma tahomx l-istess responsabbiltajiet, allura biex jieħdu ħsiebhom għandhom bżonn kwalitajiet u abbiltajiet differenti. (Ġen. 2:18) F’dan l-artiklu se naraw x’jistgħu jagħmlu t-tfajliet biex isiru nisa Kristjani aħjar. Fl-artiklu taʼ wara se naraw x’jistgħu jagħmlu l-ġuvintur.
AĦDEM BIEX IKOLLOK KWALITAJIET LI JOGĦĠBU LIL ĠEĦOVA
3-4. It-tfajliet fejn jistgħu jsibu eżempji tajbin biex jimitawhom? (Ara l-istampa.)
3 Il-Bibbja ssemmi ħafna nisa li spikkaw minħabba li kienu jħobbu u jaqdu lil Ġeħova. (Ara l-artiklu “Nisa fil-Bibbja” fuq jw.org.) Bħalma ssemmi l-iskrittura prinċipali taʼ dan l-artiklu, huma kienu ‘bbilanċjati’ u ‘leali f’kollox.’ Anki fil-kongregazzjoni, it-tfajliet jistgħu jsibu eżempji tajbin t’aħwa nisa li jħobbu lil Ġeħova u li jistgħu jimitawhom. —X‘Nistgħu Nitgħallmu Minnhom?
4 Tfajliet, aħsbu f’aħwa nisa li huma taʼ eżempju tajjeb u li tistgħu timitaw. Aħseb dwar il-kwalitajiet sbieħ li għandhom u ara kif tistaʼ timitahom. Fil-paragrafi li ġejjin ħa niddiskutu tliet kwalitajiet importanti li għandu jkollhom l-aħwa nisa.
5. L-umiltà għala hi kwalità importanti biex tkun oħt matura?
5 L-umiltà hi kwalità importanti ħafna biex inkunu Kristjani aħjar. Jekk mara tkun umli se jkollha ħbiberija tajba maʼ Ġeħova u m’oħrajn. (Ġak. 4:6) Pereżempju, oħt li tħobb lil Ġeħova se tkun umli u taċċetta dak li jgħid l-1 Korintin 11:3, fejn jgħidilna min hu l-kap tal-kongregazzjoni u min hu l-kap tal-familja. c
6. It-tfajliet x’jistgħu jitgħallmu minn Rebekka?
6 Aħseb dwar l-eżempju taʼ Rebekka. Hi kienet intelliġenti, ħadet deċiżjonijiet tajbin, u kienet taf kif u meta kellha taġixxi. (Ġen. 24:58; 27:5-17) Imma hi xorta wriet rispett u kienet ubbidjenti. (Ġen. 24:17, 18, 65) Jekk int tkun umli bħal Rebekka u tissapportja lil dawk li qed imexxu fil-kongregazzjoni, int se tkun taʼ eżempju tajjeb għall-familja u għall-aħwa.
7. It-tfajliet kif jistgħu jimxu fuq l-eżempju taʼ Ester u juru l-modestja?
7 Il-modestja hi kwalità importanti oħra li l-Kristjani għandhom bżonn. Il-Bibbja tgħid li “l-għerf hu mal-modesti.” (Prov. 11:2) Ester kienet modesta, jiġifieri kienet taf sa fejn kellha tasal, u kienet qaddejja leali t’Alla. Peress li kienet modesta ma tkabbritx meta saret reġina. Hi semgħet mill-parir li kien taha l-kuġin tagħha Mordekaj. (Est. 2:10, 20, 22) Tfajliet, intom tistgħu tkunu modesti billi ssaqsu għal pariri tajbin t’oħrajn u timxu fuqhom.—Titu 2:3-5.
8. L-1 Timotju 2:9, 10 kif se jgħin lill-aħwa nisa jkunu jafu kif għandhom jilbsu?
8 Ester kienet modesta b’mod ieħor. Hi kienet “gustuża u kellha figura sabiħa,” imma ma pprovatx tiġbed l-attenzjoni lejha nfisha. (Est. 2:7, 15) In-nisa Kristjani x’jistgħu jitgħallmu mill-eżempju taʼ Ester? It-tweġiba nsibuha fl-1 Timotju 2:9, 10. (Aqra.) L-appostlu Pawlu qal lill-aħwa nisa biex jilbsu modest u b’moħħ f’loku, jiġifieri b’mod li juri rispett lejn Alla. Il-kliem Grieg li uża Pawlu juri li mara dejjem għandha tilbes b’mod diċenti u żżomm f’moħħha kif ħa jħossuhom oħrajn minħabba l-ilbies tagħha. Aħna vera kburin bl-aħwa nisa li jimxu fuq dan il-parir!
9. X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Abigajl?
9 L-għaqal hu kwalità oħra li se jkollok bżonn biex tkun oħt matura. X’jiġifieri li jkollok l-għaqal? Dan hu li tkun taf x’inhu tajjeb jew ħażin u mbagħad tieħu d-deċiżjoni t-tajba. Aħseb dwar l-eżempju taʼ Abigajl. Ir-raġel tagħha ħa deċiżjoni ħażina li kienet ħa taffettwa n-nies kollha li kienu jgħixu fid-dar tiegħu. Abigajl aġixxiet mill-ewwel u minħabba l-għaqal li wriet salvat lil ħafna nies. (1 Sam. 25:14-23, 32-35) L-għaqal jistaʼ jgħin lilna wkoll biex inkunu nafu meta għandna nitkellmu u meta għandna noqogħdu kwieti. U din il-kwalità tgħinna nieħdu interess f’oħrajn mingħajr ma nġegħluhom iħossuhom skomdi.—1 Tess. 4:11.
TGĦALLEM ABBILTAJIET LI SE JGĦINUK F’ĦAJTEK
10-11. Liema riżultati tajbin se jkollok jekk tkun taf tikteb u taqra sew? (Ara l-istampa.)
10 Oħt għandha titgħallem tagħmel affarijiet li se jgħinuha f’ħajjitha. Dawn l-affarijiet tistaʼ tibda titgħallimhom minn meta tkun għadha żgħira. Ejja naraw xi eżempji.
11 Tgħallem ikteb u aqra sew. F’xi postijiet, in-nies jaħsbu li mhux importanti li mara titgħallem tikteb u taqra. Imma hu importanti għall-Kristjani kollha li jitgħallmu jiktbu u jaqraw. d (1 Tim. 4:13) Mela anki jekk issibha diffiċli biex titgħallem, ibqaʼ pprova. Dawn kif se jgħinuk? Dawn jistgħu jgħinuk issib xogħol. Se jkun iktar faċli għalik biex tistudja l-Bibbja u tgħallem lil oħrajn dwarha. U l-iktar importanti, meta taqra l-Bibbja u taħseb sew dwarha, se tersaq eqreb taʼ Ġeħova.—Ġoż. 1:8; 1 Tim. 4:15.
12. X’nitgħallmu minn Proverbji 31:26?
12 Tgħallem ismaʼ u tkellem m’oħrajn sew. Hu importanti li l-Kristjani jitgħallmu jitkellmu bil-ħlewwa u jisimgħu sew. Dwar dan, l-appostlu Ġakbu tana dan il-parir importanti: “Kull bniedem irid ikun ħafif biex jismaʼ, tqil biex jitkellem.” (Ġak. 1:19) Meta tismaʼ sew lil oħrajn tkun qed turi li qed tħoss għalihom. (1 Pt. 3:8) Jekk tħoss li ma fhimtx sew dak li qed jgħidulek jew kif qed iħossuhom, saqsi xi mistoqsijiet. Imbagħad ħu ftit ħin biex taħseb qabel titkellem. (Prov. 15:28) Saqsi lilek innifsek: ‘Dak li se ngħid hu veru u inkuraġġanti? Qed nuri rispett u qalb tajba?’ Tgħallem minn aħwa nisa oħra li jafu jitkellmu bil-ħlewwa u jisimgħu sew. (Aqra Proverbji 31:26.) Oqgħod attenta għall-mod kif jitkellmu. Meta titgħallem tagħmel dan sew, se jkun iktar faċli biex tagħmel ħbieb m’oħrajn.
13. Kif tistaʼ titgħallem tieħu ħsieb id-dar? (Ara l-istampa.)
13 Tgħallem kif tieħu ħsieb id-dar. F’ħafna pajjiżi, il-mara tieħu ħsieb il-biċċa l-kbira mix-xogħol tad-dar. Forsi ommok jew oħt matura tistaʼ tgħinek titgħallem kif tagħmel dan ix-xogħol sew. Oħt jisimha Cindy tgħid: “Waħda mill-isbaħ affarijiet li għallmitni ommi hi li meta taħdem iebes se tkun ferħan. Peress li għallmitni nsajjar, innaddaf, inħit, u nuża l-flus sew stajt nieħu ħsieb tiegħi nnifsi u naħdem iktar għal Ġeħova. Ommi għallmitni wkoll kif inkun qalbi tajba u ġeneruża, u b’hekk stajt niltaqaʼ m’aħwa li llum nistaʼ nimita.” (Prov. 31:15, 21, 22) Mara li taħdem iebes u hi ġeneruża se tgħin ħafna biex il-familja tagħha u l-aħwa fil-kongregazzjoni jkunu iżjed ferħanin.—Prov. 31:13, 17, 27; Atti 16:15.
14. X’titgħallem minn Crystal, u x’għandek tiftakar?
14 Tgħallem agħmel l-affarijiet waħdek. Hu importanti li l-Kristjani kollha jitgħallmu jieħdu ħsieb tagħhom infushom u jkunu kuntenti b’dak li għandhom. (Flp. 4:11) Oħt jisimha Crystal tgħid: “Il-ġenituri inkuraġġewni biex l-iskola nagħżel suġġetti li se jgħinuni iktar fil-futur. Missieri tani l-parir biex nistudja l-accounts, u dan vera għenni.” Ikun tajjeb ukoll li titgħallem kif tuża sew il-flus li taqlaʼ. (Prov. 31:16, 18) Jekk tkun ferħana b’dak li għandek u ma tixtrix affarijiet li ma taffordjax, se tkun tistaʼ tagħmel iżjed għal Ġeħova.—1 Tim. 6:8.
IPPREPARA GĦALL-FUTUR
15-16. L-aħwa nisa single kif jistgħu jgħinu lil oħrajn? (Marku 10:29, 30)
15 Jekk taħdem biex ikollok kwalitajiet li jogħġbu lil Ġeħova u titgħallem xi abbiltajiet, se jgħinuk fil-futur. Ejja naraw xi affarijiet li tistaʼ tagħmel.
16 Tistaʼ tiddeċiedi li tibqaʼ single għal xi żmien. Bħalma qal Ġesù, xi nisa jiddeċiedu li ma jiżżewġux, anki jekk ma tkunx normali fil-pajjiż tagħhom. (Mt. 19:10-12) Oħrajn jibqgħu single minħabba raġunijiet oħra. Tistaʼ tkun ċerta li għal Ġeħova u Ġesù, int importanti avolja m’intix miżżewġa. L-aħwa nisa single mad-dinja kollha huma eżempju tajjeb fil-kongregazzjoni tagħhom. Peress li jħobbu u jieħdu ħsieb lil oħrajn, huma jsiru bħal aħwa u ommijiet għalihom.—Aqra Marku 10:29, 30; 1 Tim. 5:2.
17. Oħt single x’tistaʼ tagħmel biex tibda taqdi fis-servizz full-time?
17 Tistaʼ tibda taqdi fis-servizz full-time. L-aħwa nisa jagħmlu ħafna mix-xogħol tal-ippritkar madwar id-dinja. (Salm 68:11) Tistaʼ tibda taħseb minn issa biex taqdi fis-servizz full-time? Forsi tistaʼ tibda taqdi bħala pijuniera, tgħin fix-xogħol tal-bini, jew taqdi f’Betel. Itlob dwar dak li tixtieq tagħmel. Tkellem m’oħrajn li diġà qed jaqdu fis-servizz full-time, u ara x’tistaʼ tagħmel biex tibda taqdi full-time int wkoll. Imbagħad agħmel pjan biex tkun tistaʼ tilħaq il-mira tiegħek. Jekk tibda taqdi fis-servizz full-time se jkollok iktar opportunitajiet sbieħ biex taqdi lil Ġeħova.
18. Oħt għala għandha toqgħod attenta lil min tiżżewweġ? (Ara l-istampa.)
18 Tistaʼ tagħżel li tiżżewweġ. Il-kwalitajiet u l-abbiltajiet li semmejna se jgħinuk biex issir mara kapaċi. Jekk tixtieq tiżżewweġ, għandek toqgħod attenta lil min tagħżel għax din hi waħda mill-iktar deċiżjonijiet importanti li se tieħu. Tinsiex li r-raġel li se tiżżewweġ se jkun il-kap tiegħek. (Rum. 7:2; Efes. 5: 23, 33) Saqsi lilek innifsek: ‘Jipprova jimita lil Ġesù b’dak li jaħseb u jagħmel? Ipoġġi lil Ġeħova l-ewwel f’ħajtu? Jieħu deċiżjonijiet tajbin? Meta jiżbalja jammetti? Jirrispettahom lin-nisa? Hu kapaċi jgħinni nżomm il-ħbiberija tiegħi maʼ Ġeħova b’saħħitha? Jistaʼ jipprovdili l-affarijiet li jkolli bżonn? Se jkun lest li jismagħni u jitkellem miegħi? Hu persuna responsabbli? Pereżempju, x’responsabbiltajiet għandu fil-kongregazzjoni u kif jieħu ħsiebhom?’ (Lq. 16:10; 1 Tim. 5:8) Jekk trid issib raġel tajjeb għaż-żwieġ, int għandek tkun mara tajba għaż-żwieġ.
19. Mara għala tistaʼ tkun ferħana li hi t’għajnuna għar-raġel tagħha?
19 Il-Bibbja tgħid li mara tajba hi “għajnuna” li taqbel għar-raġel tagħha. (Ġen. 2:18) Dan ifisser li hi inqas importanti minnu? Le! Il-mara jixirqilha rispett għar-responsabbiltà li għandha fil-familja. Fil-fatt, il-Bibbja tgħid li anki Ġeħova ‘jgħin.’ (Salm 54:4; Ebr. 13:6) Meta mara tissapportja lir-raġel tagħha, hi tkun qed tgħinu. Pereżempju, meta jieħu deċiżjoni għall-familja, hi tgħinu. Peress li tħobb lil Ġeħova, hi tagħmel li tistaʼ biex tgħin lil oħrajn jaraw il-kwalitajiet tajbin tar-raġel tagħha. (Prov. 31:11, 12; 1 Tim. 3:11) Jekk tixtieq tiżżewweġ, saħħaħ il-ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova u għin lill-oħrajn fil-familja u fil-kongregazzjoni.
20. Omm kif tistaʼ tgħin lill-familja tagħha?
20 Tistaʼ ssir omm. Wara li tiżżewweġ, int u r-raġel jistaʼ jkollkom it-tfal. (Salm 127:3) Allura jkun tajjeb li tara minn qabel xi trid tagħmel biex tkun omm tajba. Il-kwalitajiet u l-abbiltajiet li tkellimna dwarhom f’dan l-artiklu se jgħinuk biex issir mara u omm tajba. Meta turi mħabba, qalb tajba, u paċenzja, tgħin il-familja tkun ferħana, u t-tfal se jħossuhom protetti u jaraw li tħobbhom.—Prov. 24:3.
21. Kif inħossuna dwar l-aħwa nisa, u għala? (Ara l-istampa tal-qoxra.)
21 Aħna nħobbukom, aħwa nisa, minħabba dak kollu li tagħmlu għal Ġeħova u n-nies tiegħu. (Ebr. 6:10) Intom taħdmu iebes biex ikollkom kwalitajiet u abbiltajiet ħalli intom u dawk taʼ madwarkom tkunu iktar ferħanin, u biex tkunu preparati għall-futur. Intom tiswew ħafna fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova!
GĦANJA 137 Aħwa Kristjani, nisa leali
a Tfajliet, intom importanti għall-kongregazzjoni. Intom tistgħu ssiru Kristjani aħjar billi taħdmu għal kwalitajiet li jogħġbu lil Ġeħova, ikollkom abbiltajiet li se jgħinukom f’ħajjitkom, u tkunu preparati għall-futur. Imbagħad se tgawdu ħafna affarijiet sbieħ mingħand Ġeħova.
b ESPRESSJONI SPJEGATA: Xi ħadd li sar Kristjan matur jagħmel l-affarijiet skont kif irid Alla, mhux kif jaħsbuha n-nies fid-dinja. Hu jimita lil Ġesù, jagħmel l-aħjar li jistaʼ biex jibqaʼ qrib taʼ Ġeħova, u juri kemm iħobb lill-oħrajn.
d Biex tara kemm hu importanti l-qari, ara l-artiklu “Why Reading Is Important for Children —Part 1: Read or Watch?” fuq jw.org.