Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

X’Tiftakar?

X’Tiftakar?

Qrajt sew il-ħarġiet taʼ It-Torri tal-Għassa taʼ din is-sena? Mela ara tistax twieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin:

X’nistgħu nagħmlu biex inbiddlu l-mod kif naħsbu? (Rum. 12:2)

Ma jfissirx li sempliċiment nagħmlu ftit affarijiet tajbin. Irridu naħsbu sew dwar dak li aħna minn ġewwa u nagħmlu l-bidliet li jkun hemm bżonn biex nobdu l-livelli taʼ Ġeħova kemm nistgħu.—w23.01, pp. 8-9.

Kif noqogħdu attenti waqt li naraw dak li qed jiġri fid-dinja?

Aħna interessati ħafna fl-affarijiet li qed jiġru bħalissa u kif qed iwettqu l-profeziji tal-Bibbja. Imma m’għandniex nipprovaw naqtgħu x’se jiġri għax nistgħu nġibu l-firda fil-kongregazzjoni. Minflok, dak li ngħidu għandu jkun ibbażat fuq il-pubblikazzjonijiet tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. (1 Kor. 1:10)—w23.02, p. 16.

Il-magħmudija taʼ Ġesù kif inhi differenti minn tad-dixxipli tiegħu?

Hu ma kellux bżonn jiddedika lilu nnifsu lil Ġeħova għax il-poplu li twieled fih kien diġà ddedikat lil Alla. Ġesù kien perfett u m’għamilx dnubiet, allura ma kellux għalfejn jiddispjaċih jew jitlob lil Alla biex jaħfirlu.—w23.03, p. 5.

Kif nistgħu nagħtu iktar ċans lill-aħwa jikkummentaw?

Nistgħu nagħmlu kummenti qosra biex b’hekk nagħtu ċans lill-oħrajn jieħdu sehem. Ikun tajjeb ukoll li ma nikkummentawx fuq ħafna punti ħalli l-aħwa jkollhom fuq xiex jikkummentaw.—w23.04, p. 23.

X’inhi t-“Triq tal-Qdusija” f’Isaija 35:8?

L-ewwel kienet it-triq li l-Lhud użaw biex jivvjaġġaw minn Babilonja għal Iżrael. Xi tfisser fi żmienna? Mijiet taʼ snin qabel l-1919, Ġeħova beda juża rġiel li kellhom rispett lejh biex jittraduċu u jipprintjaw Bibbji u pubblikazzjonijiet oħra. In-nies t’Alla qed jimxu fit-“Triq tal-Qdusija” li tgħinhom jibqgħu jaqdu lil Ġeħova issa u fil-futur, meta s-Saltna se ġġib barkiet mill-isbaħ fuq l-art.—w23.05, pp. 15-19.

X’nistgħu nitgħallmu miż-żewġ nisa li jissemmew fi Proverbji kapitlu 9?

L-istedina tal-“mara stupida” twassal għall-“Qabar,” imma l-istedina tal-mara li tirrappreżenta “l-għerf veru” twassal għall-ħajja taʼ dejjem għax tkun qed tħalli l-abbiltà li tifhem tiggwidak. (Prov. 9:​1, 6, 13, 18)—w23.06, pp. 22-24.

Ġeħova kif wera li hu umli u raġonevoli maʼ Lot?

Ġeħova qal lil Lot biex jaħrab minn Sodoma lejn il-muntanji. Meta Lot talab lil Ġeħova biex minflok imur Sogħar, Ġeħova ħallieh.—w23.07, p. 21.

X’tistaʼ tagħmel mara jekk ir-raġel jara l-pornografija?

M’għandhiex twaħħal fiha nfisha. Għandha tiffoka fuq il-ħbiberija tagħha maʼ Ġeħova u taħseb dwar rakkonti mill-Bibbja taʼ nisa li kienu mdejqin u li talbu lil Ġeħova għall-għajnuna. Tistaʼ wkoll tgħinu jevita sitwazzjonijiet li jistgħu jwaqqgħuh.—w23.08, pp. 14-17.

Meta xi ħadd jipprova jargumenta magħna fuq x’nemmnu mill-Bibbja, l-għaqal kif jgħinna nibqgħu kalmi?

Aħseb kif il-mistoqsija tistaʼ tgħinek tkun taf x’inhu importanti għall-persuna. B’hekk tkun tistaʼ twieġeb b’mod kalm.—w23.09, p. 17.

X’nistgħu nitgħallmu minn Marija dwar il-kuraġġ?

Meta Marija saret taf li se ssir omm il-Messija, ġiet inkuraġġita minn oħrajn. Gabrijel u Eliżabetta inkuraġġewha mill-Iskrittura. B’mod simili l-aħwa jistgħu jinkuraġġixxu lilna wkoll.—w23.10, p. 14.

Ġeħova kif iwieġeb it-talb tagħna?

Hu jwegħedna li se jismaʼ t-talb tagħna u jżomm f’moħħu l-iskop tiegħu meta jismaʼ t-talb tagħna. (Ġer. 29:12) Hu jistaʼ jwieġeb talb simili b’modi differenti, imma hu dejjem se jgħinna.—w23.11, pp. 21-22.

Rumani 5:2 isemmi “tama,” allura Pawlu għala reġaʼ semmiha fil-vers 4?

Meta xi ħadd jismaʼ dwar l-aħbar tajba, hu jkollu t-tama li jgħix ħajja ferħana għal dejjem fuq l-art. Imma meta jiffaċċja l-problemi, jissaporti u jara li Alla jieħu pjaċir bih, it-tama li għandu ssir iktar b’saħħitha u taffettwa iktar lil ħajtu.—w23.12, pp. 12-13.