Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Il-ġust se jithenna b’Ġeħova”

“Il-ġust se jithenna b’Ġeħova”

DIANA għandha ’l fuq minn 80 sena u sofriet ħafna dawn l-​aħħar snin. Ir-​raġel tagħha, li kellu l-​marda tal-​Alzheimer u li kien f’dar tal-​anzjani, miet. Iż-​żewġ subien tagħha wkoll mietu, u hi kellha tiġġieled kontra l-​kanċer tas-​sider. Imma meta l-​aħwa jaraw lil Diana fil-​laqgħat jew fil-​ministeru, hi dejjem tkun ferħana.

John kien indokratur li jivvjaġġa għal iktar minn 43 sena. Hu kien iħobbu ħafna dan l-​inkarigu u ma kienx jimmaġina li jagħmel xi ħaġa oħra minflok. Madankollu, hu kellu jieqaf jaqdi f’dan l-​inkarigu biex ikun jistaʼ jieħu ħsieb membru tal-​familja marid. Meta l-​aħwa li kienu jafu lil John fil-​passat jiltaqgħu miegħu f’xi assemblea jew konvenzjoni, huma jaraw li ma nbidel xejn affattu. Hu għadu ferħan ħafna.

Kif jistaʼ jkun li Diana u John ikunu ferħanin? Kif jistaʼ xi ħadd li jbati jkun ferħan? Persuna kif tistaʼ tkun ferħana jekk ikollha tieqaf minn inkarigu li tħobb? Il-​Bibbja tagħtina t-​tweġiba. Din tgħid: “Il-​ġust se jithenna [jew, jifraħ] b’Ġeħova.” (Salm 64:10) Aħna nistgħu nifhmu din il-​verità aħjar jekk inkunu nafu xi jġibilna u x’ma jġibilniex ferħ dejjiemi.

FERĦ TEMPORANJU

Xi affarijiet kważi dejjem iġibu l-​ferħ. Pereżempju, aħseb dwar koppja li jħobbu lil xulxin u jiżżewġu. Jew aħseb dwar xi ħadd li jsir ġenitur jew xi ħadd li jingħata inkarigu ġdid fis-​servizz taʼ Ġeħova. Dawn l-​affarijiet iġibu l-​ferħ għax huma kollha rigali mingħand Ġeħova. Hu tana ż-​żwieġ, l-​abbiltà li jkollna t-​tfal, u xogħol x’nagħmlu fl-​organizzazzjoni tiegħu.—Ġenesi 2:18, 22; Salm 127:3; 1 Timotju 3:1.

Minkejja dan, xi affarijiet li jġibu l-​ferħ jistgħu jkunu temporanji. B’dispjaċir, xi ħadd miżżewweġ jistaʼ ma jibqax leali jew imut. (Eżekjel 24:18; Ħosea 3:1) It-​tfal jistgħu ma jobdux lill-​ġenituri tagħhom u lil Alla, u forsi saħansitra jiġu maqtugħin mis-​sħubija. Pereżempju, ulied Samwel ma baqgħux jaqdu lil Ġeħova, u David kellu ħafna problemi fil-​familja tiegħu minħabba li dineb maʼ Bat-​seba. (1 Samwel 8:1-3; 2 Samwel 12:11) Affarijiet bħal dawn ma jġibux ferħ imma niket u ħafna wġigħ.

Bl-​istess mod, kultant ma nkunux nistgħu nkomplu f’xi inkarigu fis-​servizz taʼ Ġeħova minħabba li nimirdu jew ikollna nieħdu ħsieb xi ħadd tal-​familja, jew minħabba li jkun hemm xi bidliet fl-​organizzazzjoni. Ħafna li kellhom jieqfu mill-​inkarigu tagħhom jgħidu li jimmissjaw il-​ferħ li kien iġibilhom.

Nistgħu naraw faċilment li raġunijiet bħal dawn taʼ ferħ jistgħu jkunu temporanji. Allura hemm xi tip taʼ ferħ li jibqaʼ anke meta l-​ħajja ssir diffiċli? Bilfors li hemm, għax Samwel, David, u oħrajn ma tilfux il-​ferħ li kellhom meta għaddew mill-​provi.

FERĦ DEJJIEMI

Ġesù kien jaf x’inhu verament il-​ferħ. Qabel ma ġie fuq l-​art, il-​Bibbja tgħidilna li ‘kien jieħu pjaċir quddiem [Ġeħova] l-​ħin kollu.’ (Proverbji 8:30) Iżda meta kien fuq l-​art, kultant kellu jiffaċċja diffikultajiet ebsin. Minkejja dan, Ġesù kien ferħan f’li jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru. (Ġwanni 4:34) Xi ngħidu dwar l-​aħħar sigħat tiegħu taʼ tbatija? Naqraw: “Għall-​ferħ li tqiegħed quddiemu ssaporta z-​zokk tat-​tortura.” (Ebrej 12:2) Allura nistgħu nitgħallmu ħafna minn żewġ affarijiet li Ġesù qal dwar il-​ferħ veru.

Darba, 70 dixxiplu marru lura għand Ġesù wara inkarigu taʼ pritkar. Huma kienu ferħanin minħabba dak kollu li għamlu, saħansitra li keċċew id-​demonji. Imma Ġesù qalilhom: “Tifirħux b’dan, li l-​ispirti jintgħamlu sottomessi lejkom, imma ifirħu għax isimkom tnaqqax fis-​smewwiet.” (Luqa 10:1-9, 17, 20) Iva, iktar importanti milli jkollna xi inkarigu speċjali hu li jkollna l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova. Din iġġibilna ħafna iktar ferħ.

Darba oħra, meta Ġesù kien qed jitkellem maʼ folla, mara Lhudija tant kienet impressjonata bit-​tagħlim tiegħu li qalet li ommu bilfors li kienet ferħana li għandna tifel bħalu. Imma Ġesù wiġibha: “Le, pjuttost, Henjin dawk li jisimgħu l-​kelma t’Alla u jħarsuha!” (Luqa 11:27, 28) Li nkunu kburin bit-​tfal tagħna jistaʼ jferraħna. Imma dak li jagħtina ferħ dejjiemi hu li nkunu ubbidjenti lejn Ġeħova u li jkollna relazzjoni tajba miegħu.

Aħna nifirħu bil-​kbir meta nħossu li Ġeħova hu kuntent bina. U għalkemm il-​provi mhumiex pjaċevoli, dawn ma jiħdulniex dan il-​ferħ. Fil-​fatt, meta nibqgħu leali waqt il-​provi, il-​ferħ tagħna jiżdied saħansitra iktar. (Rumani 5:3-5) Ukoll, Ġeħova jagħti l-​ispirtu tiegħu lil dawk li jafdaw fih, u l-​ferħ hu parti mill-​frott tal-​ispirtu. (Galatin 5:22) Dan jgħinna nifhmu għala Salm 64:10 jgħid: “Il-​ġust se jithenna b’Ġeħova.”

X’għen lil John jibqaʼ ferħan?

Ukoll, dan jispjega għala Diana u John setgħu jibqgħu ferħanin anke meta ffaċċjaw diffikultajiet. Diana tgħid: “Jien stkennejt f’Ġeħova, bħalma tfajjel kieku jagħmel maʼ ġenitur.” Hi żżid: “Jien inħoss li hu berikni bl-​abbiltà li nkompli nipprietka regolarment bi tbissima fuq wiċċi.” X’għen lil John jibqaʼ ferħan u jkollu x’jagħmel fil-​ministeru wara li kellu jieqaf mill-​inkarigu bħala indokratur li jivvjaġġa? Tul is-​snin li qattaʼ bħala indokratur hu kien inkarigat ukoll biex jgħallem fl-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali. Minn dak iż-​żmien ’l hawn hu jgħid: “Għamilt ħafna iktar studju personali minn qatt qabel.” Hu jispjega li l-​aġġustament li hu u martu kellhom jagħmlu kien iktar faċli għax kienu dejjem lesti li jagħmlu dak kollu li Ġeħova inkarigahom jagħmlu. Hu jżid: “Qatt ma ddispjaċiena għal dak li għamilna.”

Ħafna oħrajn esperjenzaw kemm hu minnu l-​kliem taʼ Salm 64:10. Ejja nieħdu l-​eżempju taʼ koppja li qdew għal iktar minn 30 sena f’Betel, fl-​Istati Uniti. Wara dan l-​inkarigu, intbagħtu jaqdu bħala pijunieri speċjali. Huma ammettew: “Huwa naturali li titnikket meta titlef xi ħaġa li tħobb,” imma żiedu: “Ma tistax tibqaʼ titnikket għal dejjem.” Hekk kif waslu fl-​inkarigu l-​ġdid tagħhom, huma bdew jippritkaw mal-​kongregazzjoni. Huma qalu wkoll: “Tlabna dwar xi affarijiet speċifiċi ħafna. Imbagħad, il-​fatt li rajna t-​talb tagħna mwieġeb inkuraġġiena u ferraħna. Ftit wara li wasalna, aħwa oħrajn fil-​kongregazzjoni bdew jaqdu bħala pijunieri, u aħna konna mberkin b’żewġ studji tal-​Bibbja li kienu qed jagħmlu progress ġmielu.”

“IFIRĦU U THENNEW GĦAL DEJJEM”

Ovvjament, mhux dejjem faċli nkunu ferħanin. Ikun hemm drabi meta nħossuna mdejqin. Imma Ġeħova jiżgurana bil-​kliem li nsibu f’​Salm 64:10. Anke meta nkunu skuraġġiti, aħna nistgħu nkunu ċerti li jekk nibqgħu leali minkejja dak li ngħaddu minnu, se ‘nithennew b’Ġeħova.’ Ukoll, nistgħu nħarsu ’l quddiem għaż-​żmien meta l-​wegħda taʼ Ġeħova taʼ “smewwiet ġodda u art ġdida” ssir realtà. Imbagħad kulħadd se jkun perfett u se ‘jifraħ u jithenna għal dejjem’ minħabba dak kollu li se jagħmel Ġeħova.—Isaija 65:17, 18.

Immaġina dan x’se jfisser. Se jkollna saħħa perfetta u kull filgħodu nqumu mimlijin enerġija. Dak kollu li ġara fil-​passat u li għamilna mdejqin mhux se jibqaʼ jweġġagħna iktar. Ġeħova jiżgurana li “l-​affarijiet taʼ qabel ma jitfakkrux, u lanqas ma jweġġgħu l-​qalb.” Aħna se nilqgħu lura lill-​maħbubin tagħna li mietu u nħossuna bħall-​ġenituri tat-​tfajla taʼ 12-​il sena li Ġesù rxoxta. Huma “ntilfu f’estasi kbira taʼ ferħ.” (Marku 5:42) Fl-​aħħar, kull persuna fuq l-​art se tkun verament ġusta u se ‘tithenna b’Ġeħova’ għal dejjem.