Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-qalb tajba—Kwalità li tintwera b’dak li ngħidu u nagħmlu

Il-qalb tajba—Kwalità li tintwera b’dak li ngħidu u nagħmlu

META oħrajn jittrattawna b’qalb tajba, vera nħossuna tajjeb. Huwa taʼ faraġ li nkunu nafu li jimpurtahom minna. Ladarba aħna napprezzaw meta oħrajn ikunu qalbhom tajba magħna, kif nistgħu nitgħallmu nkunu qalbna tajba?

Xi ħadd qalbu tajba jimpurtah verament minn oħrajn u juri dan b’dak li jgħid u jagħmel. Hu mhux sempliċiment għandu manjieri tajbin imma jittratta lil oħrajn b’qalb tajba għax iħobbhom u jifhem kif iħossuhom. Iktar importanti minn dan, il-​qalb tajba hi parti mill-​frott tal-​ispirtu qaddis t’Alla. (Galatin 5:22, 23) Ġeħova jridna nkunu qalbna tajba, allura ejja naraw kif hu u Ibnu wrew qalb tajba u kif aħna nistgħu nsegwu l-​eżempju tagħhom.

ĠEĦOVA QALBU TAJBA MAʼ KULĦADD

Ġeħova qalbu tajba maʼ kulħadd, anke mal-​“ingrati u l-​ħżiena.” (Luqa 6:35) Pereżempju, Ġeħova “jtellaʼ x-​xemx tiegħu fuq il-​ħżiena u fuq it-​tajbin u jniżżel ix-​xita fuq in-​nies sewwa u fuq dawk li m’humiex.” (Mattew 5:45) Anke dawk li ma jemmnux li Ġeħova hu l-​Ħallieq, xorta jistgħu jibbenefikaw mill-​qalb tajba tiegħu u jkollhom xi ferħ f’ħajjithom.

Eżempju tajjeb tal-​qalb tajba taʼ Ġeħova hu dak li għamel maʼ Adam u Eva. Ftit wara li dinbu, “ħietu weraq tat-​tin flimkien biex jgħattu madwar ġenbejhom.” Madankollu, Ġeħova kien jaf li barra l-​ġnien tal-​Għeden kien se jkollhom bżonn ilbies li jipproteġihom iktar, għax l-​art kienet misħuta u mimlija “xewk u għollieq.” Allura Ġeħova b’qalb tajba għamlilhom “ilbiesi twal tal-​ġild.”—Ġenesi 3:7, 17, 18, 21.

Għalkemm Ġeħova qalbu tajba mal-​“ħżiena” u “t-​tajbin,” hu speċjalment qalbu tajba mal-​qaddejja leali tiegħu. Pereżempju, matul iż-​żmien meta Żakkarija kien profeta, anġlu kien inkwetat minħabba li l-​Iżraelin kienu waqfu jibnu t-​tempju taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm. Ġeħova semaʼ dak li kellu x’jgħid l-​anġlu u wieġbu b’qalb tajba u farrġu. (Żakkarija 1:12, 13) Ġeħova ttratta lill-​profeta Elija b’mod simili. Kien hemm żmien meta l-​profeta ħassu tant dipress u waħdu li talab lil Ġeħova biex jiħodlu ħajtu. Ġeħova wera li kien jimpurtah minn kif kien iħossu Elija u bagħat anġlu biex isaħħu. Ukoll, żgura lill-​profeta li ma kienx waħdu. Il-​qalb tajba taʼ Ġeħova saħħet lil Elija biex ikompli fl-​inkarigu tiegħu. (1 Slaten 19:1-18) Imma mill-​qaddejja kollha taʼ Ġeħova, min tgħid li imita l-​qalb tajba straordinarja tiegħu bl-​aħjar mod?

ĠESÙ KIEN QALBU TAJBA ĦAFNA

Meta Ġesù kien fuq l-​art, in-​nies setgħu jaraw kemm kien qalbu tajba. Hu qatt ma kien aħrax u qatt ma pprova jisforza lil oħrajn biex jagħmlu dak li ried hu. Ġesù kien jimpurtah minn oħrajn u qal: “Ejjew għandi, intom ilkoll li mħabbtin u mgħobbijin, u jien inserraħkom.” (Mattew 11:28-30) Minħabba li kien daqshekk qalbu tajba, in-​nies kienu jmorru warajh kull fejn mar. Peress li tħassarhom, Ġesù tahom x’jieklu, fejjaqhom, u għallimhom “ħafna affarijiet” dwar Missieru.—Marku 6:34; Mattew 14:14; 15:32-38.

Ġesù fehem kif kienu jħossuhom in-​nies u ttrattahom b’qalb tajba u b’għaqal. Fil-​fatt, anke meta ma kienx konvenjenti għalih, hu b’qalb tajba għen lil kull min mar għandu. (Luqa 9:10, 11) Aħseb dwar x’ġara lill-​mara li kellha nixxiegħa taʼ demm. Hi riedet tfiq, allura messet l-​ilbies taʼ Ġesù. Imma skont il-​Liġi taʼ Mosè, hi ma setgħetx tagħmel dan għax ma kinitx nadifa. (Levitiku 15:25-28) Ġesù kif irreaġixxa? Hu ma kellimhiex b’rabja. Hu setaʼ jara li kienet imbeżżgħa, u tħassarha għax kienet ilha tbati għal 12-​il sena. B’hekk qalilha: “Binti, il-​fidi tiegħek fejqitek. Mur fil-​paċi, u kun imfejqa mill-​marda kiefra tiegħek.” (Marku 5:25-34) Ġesù vera kien qalbu tajba!

XI ĦADD QALBU TAJBA JGĦIN LIL OĦRAJN

Fl-​eżempji li ddiskutejna, tgħallimna li jekk inkunu qalbna tajba, aħna se nagħmlu affarijiet biex ngħinu lil oħrajn. Ġesù enfasizza kemm dan hu importanti meta qal il-​parabbola dwar is-​Samaritan it-​tajjeb. Wieħed Lhudi nsteraq, ġie msawwat, u tħalla għal mejjet mal-​ġenb tat-​triq. Samaritan li kien għaddej minn hemm tħassru lir-​raġel, avolja s-​Samaritani u l-​Lhud kienu jobogħdu lil xulxin. Il-​qalb tajba mmotivatu biex jgħin lir-​raġel imweġġaʼ. Hu naddaflu l-​ġrieħi u ħadu f’lukanda. Is-​Samaritan ħallas lil tal-​lukanda biex jieħu ħsieb lil-​Lhudi u saħansitra offra li jħallas għal xi spejjeż oħra li setaʼ jkun hemm.—Luqa 10:29-37.

Il-​qalb tajba se timmotivana naħsbu f’ħaddieħor u nkunu inkuraġġanti mhux biss b’dak li nagħmlu imma wkoll b’dak li ngħidu. Il-​Bibbja tgħid: “L-​ansjetà f’qalb il-​bniedem ittaqqalha, imma l-​kelma t-​tajba tferraħha.” (Proverbji 12:25) Meta l-​qalb tajba u t-​tjubija jimmotivawna ngħidu affarijiet inkuraġġanti lil oħrajn, aħna se ngħinuhom iħossuhom iktar ferħanin. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Dak li ngħidu b’qalb tajba se juri li jimpurtana minnhom u se jagħmilha iktar faċli għalihom biex jissaportu l-​problemi fil-​ħajja.—Proverbji 16:24.

KIF INSIRU QALBNA TAJBA

Ilkoll kemm aħna għandna l-​abbiltà biex nuru qalb tajba għax Alla ħalaq lill-​bnedmin kollha fix-​xbieha tiegħu. (Ġenesi 1:27) Pereżempju, Ġulju, il-​fizzjal tal-​armata Rumana li kien responsabbli f’li jwassal lill-​appostlu Pawlu Ruma, “wera qalb tajba maʼ Pawlu u ħallieh imur ħdejn ħbiebu biex jieħdu ħsiebu” fil-​belt taʼ Sidon. (Atti 27:3) Waqt dan il-​vjaġġ, il-​ġifen li Pawlu u oħrajn kienu fuqu inkalja mal-​blat taʼ gżira li jisimha Malta u beda jegħreq. In-​nies t’hemm urew “qalb tajba li ma bħalha” u saħansitra qabbdulhom in-​nar biex jisħnu. (Atti 28:1, 2) Dawn in-​nies għamlu xi ħaġa tajba. Madankollu, biex xi ħadd iferraħ lil Ġeħova, għandu jkun qalbu tajba l-​ħin kollu, u mhux xi darba kultant.

Ġeħova jrid li l-​qalb tajba tkun parti mill-​personalità tagħna u minn ħajjitna. Huwa għalhekk li jgħidilna biex ‘nilbsu’ l-​qalb tajba. (Kolossin 3:12) Imma mhux faċli nkunu qalbna tajba l-​ħin kollu. Għala le? Ir-​raġuni tistaʼ tkun għax nistħu, għax m’aħniex fiduċjużi biżżejjed fina nfusna, jew għax aħna xi ftit egoisti. Jew jistaʼ jkun li nsibuha diffiċli li nuru qalb tajba maʼ wħud li jittrattawna ħażin. Imma jekk nitolbu għall-​ispirtu qaddis u nipprovaw nimitaw lil Ġeħova, hu jistaʼ jgħinna nsiru verament qalbna tajba.—1 Korintin 2:12.

Kif nistgħu nkunu nafu fuqiex għandna naħdmu biex insiru iktar qalbna tajba? Staqsi lilek innifsek: ‘Nismaʼ b’attenzjoni lil oħrajn u nipprova nifhem kif iħossuhom? Ninnota meta oħrajn ikollhom bżonn l-​għajnuna? Meta kienet l-​aħħar darba li kont qalbi tajba maʼ xi ħadd li mhux tal-​familja jew ħabib tal-​qalb?’ Imbagħad agħmel miri, bħal li ssir taf iktar dwar in-​nies madwarek, speċjalment dawk fil-​kongregazzjoni. B’dan il-​mod int tistaʼ ssir taf liema diffikultajiet għandhom u x’jeħtieġu. Imbagħad, ipprova ttratta lil oħrajn b’qalb tajba daqskemm tixtieq li tiġi ttrattat int. (Mattew 7:12) Fl-​aħħar, itlob lil Ġeħova għall-​għajnuna, u hu se jbierek l-​isforzi tiegħek biex issir qalbek tajba.—Luqa 11:13.

KIF IL-​QALB TAJBA TEFFETTWA LIN-​NIES

Meta l-​appostlu Pawlu kiteb lista tal-​affarijiet li għamluh ministru tajjeb t’Alla, waħda minnhom kienet il-​qalb tajba. (2 Korintin 6:3-6) In-​nies kienu jħobbuh lil Pawlu għax kien jgħid u jagħmel affarijiet b’qalb tajba, u setgħu jħossu li kien jimpurtah minnhom. (Atti 28:30, 31) B’mod simili, jekk aħna qalbna tajba, oħrajn forsi jkunu jridu jitgħallmu iktar dwar il-​verità. Meta nkunu qalbna tajba maʼ kulħadd, anke maʼ dawk li jittrattawna ħażin, dan jistaʼ jmissilhom qalbhom u forsi jbiddlu l-​attitudni tagħhom. (Rumani 12:20) Għandu mnejn wara xi żmien huma saħansitra jkunu jridu jitgħallmu dwar il-​Bibbja.

Fil-​Ġenna tal-​art, kulħadd se jkun qalbu tajba maʼ xulxin. Dawk irxoxtati se jiġu ttrattati b’qalb tajba, u wħud minnhom għall-​ewwel darba. Dan żgur li se jimmotivahom biex ikunu qalbhom tajba m’oħrajn. Fil-​fatt, kull min ma jurix qalb tajba u ma jkunx irid jgħin lil oħrajn mhux se jitħalla jgħix taħt it-​tmexxija tas-​Saltna t’Alla. Dawk biss li juru mħabba u qalb tajba se jgħixu għal dejjem fil-​Ġenna tal-​art. (Salm 37:9-​11) Se tkun dinja mimlija paċi u sigurtà taʼ vera! Madankollu, anke qabel ma jasal dan iż-​żmien, aħna nistgħu nibbenefikaw meta nkunu qalbna tajba. Kif?

KIF NIBBENEFIKAW META NKUNU QALBNA TAJBA

Il-​Bibbja tgħid: “Bniedem taʼ qalb tajba bl-​imħabba jippremja lilu nnifsu.” (Proverbji 11:17) In-​nies iħobbu jkunu maʼ xi ħadd li hu qalbu tajba, u ġeneralment jittrattawh b’qalb tajba wkoll. Ġesù qal: “Bil-​kejl li tkejlu, ikejlulkom lura.” (Luqa 6:38) Allura hu faċli għal xi ħadd qalbu tajba biex isib u jibqaʼ jkollu ħbieb tajbin.

Lill-​aħwa fil-​kongregazzjoni t’Efesu, l-​appostlu Pawlu qalilhom: “Kunu qalbkom tajba maʼ xulxin, agħdru b’tenerezza, u aħfru lil xulxin mill-​qalb.” (Efesin 4:32) Meta fil-​kongregazzjoni kulħadd ikun qalbu tajba u juri ħniena, din tissaħħaħ u tingħaqad. Aħna qatt ma rridu nikkritikaw lil ħutna, nitkellmu minn wara daharhom, jew ngħidu xi ħaġa kattiva jew li tweġġaʼ anke jekk bħala ċajta. Minflok, dak li ngħidu dejjem għandu jgħin u jinkuraġġixxi. (Proverbji 12:18) B’hekk, il-​kongregazzjoni se taqdi lil Ġeħova bil-​ferħ.

Kif tgħallimna, il-​qalb tajba hi kwalità li tintwera b’dak li ngħidu u nagħmlu. U meta nuru qalb tajba, aħna nkunu qed nimitaw lil Alla tagħna Ġeħova, li hu mimli mħabba u ġeneruż. (Efesin 5:1) Dan isaħħaħ lill-​kongregazzjoni tagħna u jimmotiva lil oħrajn biex jaqduh ukoll. Allura ejja nagħmlu l-​almu tagħna biex oħrajn ikunu jistgħu jaraw li x-​Xhieda taʼ Ġeħova huma qalbhom tajba!

^ par. 13 F’artiklu li għad irid joħroġ f’din is-​serje dwar il-​frott tal-​ispirtu t’Alla se niddiskutu l-​kwalità tat-​tjubija.