Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Narawkom fil-Ġenna tal-art!”

“Narawkom fil-Ġenna tal-art!”

“Int tkun fil-​Ġenna miegħi.”—LUQA 23:43.

GĦANJIET: 145, 139

1, 2. Liema ideat differenti għandhom in-​nies dwar il-​ġenna?

ĦAFNA aħwa minn pajjiżi differenti kienu marru għal konvenzjoni fil-​belt taʼ Seoul, il-​Korea. Hekk kif kienu se jitilqu mill-​istejdjum, ix-​Xhieda tal-​lokal inġabru madwarhom. Kienet xena emozzjonali għall-​aħħar meta ħafna minnhom bdew ixejru lil xulxin u jgħidu: “Narawkom fil-​Ġenna tal-​art!” Liema ġenna taħseb li kienu qed jirreferu għaliha?

2 In-​nies illum għandhom ideat differenti dwar il-​ġenna. Uħud jgħidu li l-​ġenna hi biss fantasija. Oħrajn jgħidu li l-​ġenna hi kwalunkwe post fejn ikunu ferħanin. Bniedem mejjet bil-​ġuħ li jkun bilqiegħda madwar mejda mimlija ikel jistaʼ jħossu li qiegħed fil-​ġenna. Xi ħadd li jara xena sabiħa, bħal xi wied mimli fjuri selvaġġi, jistaʼ jgħid, “O, x’ġenna!” X’taħseb li hi Ġenna? Tittama li se tiġi?

3. Il-​Bibbja meta tirreferi għall-​Ġenna tal-​art għall-​ewwel darba?

3 Il-​Bibbja titkellem dwar ġenna li eżistiet fil-​passat u ġenna li se teżisti fil-​futur. Aħna naqraw dwar Ġenna tal-​art għall-​ewwel darba proprju fl-​ewwel ktieb tal-​Bibbja. F’Il-​Bibbja tal-​Għaqda Biblika Maltija, Ġenesi 2:8 jgħid: “Il-​Mulej Alla ħawwel ġnien fl-​Għeden, in-​naħa tal-​lvant, u qiegħed hemm il-​bniedem li kien sawwar.” Fin-​nota taʼ taħt taʼ dan il-​vers insibu miktub: “Għeden: bil-​Lhudi tfisser: hena, pjaċir, mela ġnien il-​hena.” Dan il-​ġnien kien verament post taʼ gost. Kien assolutament sabiħ, b’ħafna ikel u paċi bejn il-​bnedmin u l-​annimali.—Ġenesi 1:29-31.

4. Għala nistgħu nirreferu għall-​ġnien tal-​Għeden bħala ġenna tal-​art?

4 Il-​kelma Ebrajka għal “ġnien” tiġi tradotta paradejsos bil-​Grieg. Is-​Cyclopaedia taʼ M’Clintock and Strong tgħid li meta xi ħadd Grieg kien jismaʼ l-​kelma paradejsos, hu kien jimmaġina park sabiħ kbir protett minn kwalunkwe ħaġa li setgħet tagħmillu l-​ħsara, b’siġar kbar u għoljin li jipproduċu varjetà taʼ frott u b’ilma ġieri u ħaxix fuq kull naħa tiegħu, fejn iċ-​ċriev u n-​nagħaġ kienu jirgħu. Din id-​deskrizzjoni tgħinna nifhmu li l-​ġnien tal-​Għeden tassew kien ġenna tal-​art.—Qabbel Ġenesi 2:15, 16.

5, 6. Adam u Eva għala tilfu l-​privileġġ li jgħixu fil-​Ġenna tal-​art, u xi wħud dwar xiex forsi jitħassbu?

5 Ġeħova poġġa lil Adam u Eva f’dan it-​tip taʼ ġnien, ġenna tal-​art. Imma minħabba li m’obdewx lil Ġeħova, huma tilfu l-​privileġġ li jgħixu fil-​Ġenna tal-​art, kemm għalihom kif ukoll għat-​tfal tagħhom. (Ġenesi 3:23, 24) Għalkemm ma kienx għad hemm bnedmin joqogħdu f’dik il-​Ġenna tal-​art, jidher li baqgħet teżisti sad-​Dulluvju fi żmien Noè.

6 Xi wħud forsi jitħassbu, ‘Qatt se jerġaʼ jkun hawn Ġenna fuq l-​art?’ X’juru l-​fatti? Jekk int tittama li tgħix flimkien mal-​għeżież tiegħek fil-​Ġenna tal-​art, għandek raġunijiet tajbin għal din it-​tama? Tistaʼ tispjega għala nistgħu nkunu ċerti li se jkun hawn ġenna tal-​art fil-​futur?

EVIDENZA LI FIL-​FUTUR L-​ART SE TKUN ĠENNA

7, 8. (a) X’wiegħed Alla lil Abraham? (b) Il-​wegħda t’Alla dwar xiex setgħet ġiegħlet lil Abraham jaħseb?

7 L-​aħjar post biex issib it-​tweġibiet għal mistoqsijiet dwar Ġenna tal-​art hu fil-​Bibbja, għax dan il-​ktieb ġej mingħand Alla, il-​wieħed li ħalaq il-​Ġenna tal-​art oriġinali. Ikkunsidra dak li Alla qal lill-​ħabib tiegħu Abraham. Alla qal li kien se jkattar in-​nisel t’Abraham “bħar-​ramel li hemm f’xatt il-​baħar.” Imbagħad, Ġeħova wiegħed xi ħaġa importanti ħafna lil Abraham: “Permezz taʼ nislek il-​ġnus kollha taʼ l-​art se jitbierku minħabba l-​fatt li int smajt minn kliemi.” (Ġenesi 22:17, 18) Iktar tard, Alla rripeta din l-​istess wegħda lit-​tifel u lin-​neputi t’Abraham.—Aqra Ġenesi 26:4; 28:14.

8 M’hemm xejn fil-​Bibbja li jagħtina x’nifhmu li Abraham ħaseb li fl-​aħħar il-​bnedmin kienu se jiġu ppremjati b’ġenna fis-​sema. Allura meta Alla wiegħed li “l-​ġnus kollha taʼ l-​art” kienu se jitbierku, Abraham kien se jaħseb li dawn il-​barkiet kienu se jkunu fuq l-​art. Imma hija din l-​unika prova fil-​Bibbja li turi li kellu jkun hemm ġenna fuq l-​art?

9, 10. Liema wegħdi li saru iktar tard jagħtuna raġuni biex nistennew li se jkun hawn ġenna tal-​art fil-​futur?

9 Alla nebbaħ lil wieħed mid-​dixxendenti t’Abraham, David, biex jitkellem dwar żmien fil-​futur meta “l-​ħażin ma jkunx iktar.” (Salm 37:1, 2, 10) Minflok, “il-​ġwejdin se jirtu l-​art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu ferm.” David bassar ukoll: “Il-​ġusti se jirtu l-​art, u jgħammru [jew, “jgħixu”] fiha għal dejjem.” (Salm 37:11, 29; 2 Samwel 23:2) Kif taħseb li dawn il-​wegħdi affettwaw lin-​nies li riedu jagħmlu r-​rieda t’Alla? Huma kellhom raġuni biex jistennew li xi darba n-​nies ġusti biss kienu se jkunu fuq l-​art u li din kienet se terġaʼ ssir ġenna bħall-​ġnien tal-​Għeden.

Profeziji li twettqu jagħtuna raġunijiet biex nistennew ġenna fuq l-​art fil-​futur

10 Maż-​żmien, il-​biċċa l-​kbira tal-​Iżraelin li kienu jgħidu li jaqdu lil Ġeħova warrbuh u warrbu wkoll il-​qima vera. Allura Alla ħalla lill-​Babiloniżi jegħlbu lin-​nies tiegħu, jeqirdu arthom, u jieħdu lil ħafna minnhom bħala lsiera. (2 Kronaki 36:15-​21; Ġeremija 4:22-​27) Imma l-​profeti t’Alla bassru li n-​nies tiegħu kellhom jirritornaw f’art twelidhom wara 70 sena. U dawn il-​profeziji twettqu tassew. Imma wkoll, ifissru xi ħaġa għalina llum. Hekk kif niddiskutu xi ftit minnhom, innota kif jagħtuna raġunijiet biex nistennew ġenna fuq l-​art fil-​futur.

11. Isaija 11:6-​9 kif kellu l-​ewwel twettiq, imma x’mistoqsija nistgħu nistaqsu?

11 Aqra Isaija 11:6-​9. Permezz tal-​profeta Isaija, Alla bassar li meta l-​Iżraelin jirritornaw f’art twelidhom, l-​art kienet se tkun fil-​paċi. Ħadd ma kellu għalfejn jibżaʼ li jiġi attakkat mill-​annimali jew min-​nies. Kbar u żgħar kienu se jkunu protetti. Ifakkrek dan fil-​kundizzjonijiet taʼ paċi li kien hemm fil-​ġnien tal-​Għeden? (Isaija 51:3) Isaija bassar ukoll li l-​art—jiġifieri d-​dinja kollha, u mhux il-​ġens taʼ Iżrael biss—kienet se tkun “mimlija bl-​għarfien taʼ Ġeħova bħalma l-​ilmijiet jiksu l-​baħar.” Dan meta kien se jseħħ? Biċ-​ċar, dan jirreferi għall-​futur.

12. (a) Liema barkiet esperjenzaw dawk li rritornaw mill-​jasar taʼ Babilonja? (b) X’juri li Isaija 35:5-​10 kellu jitwettaq ukoll fil-​futur?

12 Aqra Isaija 35:5-​10. Innota li Isaija reġaʼ bassar li l-​Iżraelin li jirritornaw minn Babilonja ma kellhomx jiġu attakkati mill-​annimali jew min-​nies. Hu qal li arthom kienet se tipproduċi ħafna ikel tajjeb għax kellu jkun hemm abbundanza taʼ ilma, bħalma kien hemm fil-​ġnien tal-​Għeden. (Ġenesi 2:10-​14; Ġeremija 31:12) Kienet din il-​profezija se titwettaq biss fi żmien dawk l-​Iżraelin? Innota li l-​profezija qalet ukoll li persuni li ma jarawx, li ma jisimgħux, u dawk b’diżabilità kienu se jitfejqu. Imma dan ma ġarax lill-​Iżraelin li rritornaw minn Babilonja. Pjuttost, Alla kien qed juri li kien se jfejjaq il-​mard kollu fil-​futur.

13, 14. Isaija 65:21-​23 kif twettqet meta l-​Iżraelin irritornaw minn Babilonja, imma liema parti minn din il-​profezija għad trid titwettaq? (Ara l-​ewwel stampa.)

13 Aqra Isaija 65:21-23. Meta l-​Lhud irritornaw f’art twelidhom, huma ma sabux djar komdi jew dwieli u għelieqi kkultivati. Imma peress li Alla berikhom, l-​affarijiet inbidlu maż-​żmien. Immaġina kemm kienu ferħanin in-​nies meta bnew djar u għexu fihom u meta gawdew il-​prodotti delizzjużi li kienu żergħu!

14 Innota li skont din il-​profezija, jiemna se “jkunu bħall-​jiem taʼ siġra.” Xi siġar jgħixu għal eluf taʼ snin. Biex jgħixu daqshekk fit-​tul, il-​bnedmin iridu jkunu f’saħħithom ħafna. U kieku jistgħu jgħixu fl-​ambjent paċifiku u sabiħ li Isaija bassar, kieku żgur li tkun xi ħaġa mill-​isbaħ, ġenna tal-​art! U din il-​profezija se titwettaq!

Il-​wegħda li għamel Ġesù dwar Ġenna tal-​art kif se titwettaq? (Ara paragrafi 15, 16)

15. X’inhuma xi ftit mill-​barkiet imsemmija fil-​ktieb taʼ Isaija?

15 Aħseb dwar kif il-​wegħdi li għadna kif iddiskutejna juru li se jkun hemm ġenna tal-​art fil-​futur. Id-​dinja kollha se tkun mimlija b’nies imberkin minn Alla. Ħadd mhu se jkollu għalfejn jinkwieta li se jiġi attakkat mill-​annimali jew min-​nies vjolenti. Persuni li ma jarawx, li ma jisimgħux, u dawk b’diżabilità se jitfejqu. In-​nies se jibnu djarhom u jieħdu pjaċir jieklu ikel li jsostni u li kabbru huma stess. Huma se jgħixu iktar mis-​siġar. Iva, il-​Bibbja tipprovdi evidenza li ġenna tal-​art bħal din se tiġi. Imma xi nies li nitkellmu magħhom għandhom mnejn jgħidu li dawn il-​profeziji mhux veru jfissru li se jkun hawn ġenna fuq l-​art. Kieku int x’tgħidilhom? X’raġuni valida għandek biex tħares ’il quddiem għal ġenna vera fuq l-​art? L-​aqwa bniedem li qatt għex, Ġesù, tana raġuni valida.

INT TKUN FIL-​ĠENNA!

16, 17. Ġesù meta tkellem dwar il-​Ġenna tal-​art?

16 Għalkemm Ġesù kien innoċenti, hu nstab ħati u ġie mdendel fuq zokk biex imut, bi kriminal Lhudi fuq kull naħa tiegħu. Wieħed minnhom irrealizza li Ġesù kien sultan u qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-​saltna tiegħek.” (Luqa 23:39-42) Il-​wegħda li Ġesù għamel lil dak il-​kriminal taffettwa l-​futur tiegħek. Il-​kliem taʼ Ġesù ġie mniżżel f’​Luqa 23:43. Xi studjużi jpoġġu comma qabel il-​kelma “llum” u jittraduċu dan il-​kliem: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-​Ġenna miegħi.” Hemm opinjonijiet differenti dwar fejn għandha titpoġġa l-​comma f’din is-​sentenza. Imma x’ried ifisser Ġesù meta qal “illum”?

17 F’ħafna lingwi moderni, il-​commas jintużaw biex it-​tifsir taʼ sentenza jkun ċar. Imma fil-​manuskritti Griegi l-​iktar antiki, il-​punteġġjatura mhux dejjem kienet tintuża. Allura forsi nibdew ngħidu: Kien Ġesù qed jgħid, “Tassew ngħidlek, Illum int tkun fil-​Ġenna miegħi”? Jew kien qed jgħid, “Tassew ngħidlek illum, Int tkun fil-​Ġenna miegħi”? It-​tradutturi jpoġġu comma qabel jew wara “llum” skont dak li jaħsbu li Ġesù ried jgħid, u int tistaʼ ssib iż-​żewġ verżjonijiet fil-​Bibbji llum.

18, 19. X’jgħinna nifhmu dak li ried jgħid Ġesù?

18 Madankollu, ftakar x’qal Ġesù lis-​segwaċi tiegħu dwar mewtu. Hu qal: “Bin il-​bniedem idum tlett ijiem u tliet iljieli fil-​qalba taʼ l-​art.” Hu qal ukoll: “Bin il-​bniedem għandu jiġi tradut u jingħata f’idejn il-​bnedmin, u dawn joqtluh, u fit-​tielet jum jiġi mqajjem.” (Mattew 12:40; 16:21; 17:22, 23; Marku 10:34) L-​appostlu Pietru niżżel bil-​miktub li dan ġara. (Atti 10:39, 40) Allura Ġesù ma marx il-​Ġenna fil-​jum li hu u l-​kriminal mietu. Il-​Bibbja tgħid li Ġesù kien “fil-​Qabar” għal partijiet minn tlett ijiem, sakemm ġie rxoxtat minn Alla.—Atti 2:31, 32. * (Ara n-​nota taʼ taħt.)

19 Mela Ġesù uża l-​espressjoni “Tassew ngħidlek illum” biex jintroduċi l-​wegħda tiegħu lill-​kriminal. Dan kien mod komuni kif wieħed jitkellem anke fi żmien Mosè. Mosè darba qal: “Dan il-​kliem li qed nikkmandak illum irid ikun f’qalbek.”—Dewteronomju 6:6; 7:11; 8:1, 19; 30:15.

20. X’jappoġġja l-​fehma tagħna taʼ dak li qal Ġesù?

20 Traduttur tal-​Bibbja mill-​inħawi fejn għex Ġesù qal: “L-​enfasi f’dan il-​kuntest qiegħda fuq il-​kelma ‘llum’ u għandha tinqara, ‘Tassew ngħidlek illum, int tkun fil-​Ġenna miegħi.’ Il-​wegħda saret f’dak il-​jum u kienet se titwettaq iktar tard.” Dan it-​traduttur qal ukoll li dan hu kif in-​nies f’dawk l-​inħawi jitkellmu u jindika li “l-​wegħda saret f’ċertu jum u żgur li kienet se tinżamm.” Verżjoni Sirjaka minn madwar 1,600 sena ilu tittraduċi dan il-​vers: “Ammen, ngħidlek illum li miegħi int se tkun fil-​Ġnien tal-​Għeden.” Aħna lkoll għandna nkunu inkuraġġiti b’din il-​wegħda.

21. Liema privileġġ ma kienx ingħata lill-​kriminal, u għala?

21 Meta Ġesù kellem lil dak il-​kriminal dwar Ġenna, hu ma riedx ifisser ġenna tas-​sema. Kif nafu dan? Raġuni waħda hi li l-​kriminal lanqas biss kien jaf li Ġesù kien għamel patt mal-​appostli leali tiegħu biex isaltnu miegħu fis-​sema. (Luqa 22:29) Ukoll, il-​kriminal lanqas biss kien mgħammed. (Ġwanni 3:3-​6, 12) B’hekk, meta Ġesù wiegħed lill-​kriminal, bilfors li kien qed jitkellem dwar ġenna tal-​art. Xi snin wara, l-​appostlu Pawlu tkellem dwar viżjoni taʼ raġel “li ttieħed fil-​ġenna.” (2 Korintin 12:1-​4) Għalkemm Pawlu u l-​appostli l-​oħra ġew magħżulin biex imorru s-​sema u jsaltnu maʼ Ġesù, Pawlu kien qed jitkellem dwar xi ħaġa li kellha tiġi fil-​futur—ġenna tal-​art fil-​futur. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Tistaʼ tkun hemm?

X’TISTAʼ TISTENNA LI SE JIĠRI

22, 23. Għal xiex tistaʼ tittama?

22 Ftakar li David tkellem dwar żmien meta “l-​ġusti se jirtu l-​art.” (Salm 37:29; 2 Pietru 3:13) David kien qed jirreferi għal żmien meta n-​nies kollha fuq l-​art kienu se jobdu l-​prinċipji ġusti t’Alla. Il-​profezija f’​Isaija 65:22 tgħid: “Jiem in-​nies tiegħi jkunu bħall-​jiem taʼ siġra.” Dan juri li n-​nies li jaqdu lil Ġeħova fid-​dinja l-​ġdida tiegħu se jgħixu għal eluf taʼ snin. Tistaʼ tistenna li se jiġri dan? Iva, għaliex skont Rivelazzjoni 21:1-​4, Alla se jbierek lill-​umanità, u waħda minn dawn il-​barkiet hi li “ma jkunx hemm iżjed mewt.”

23 Dak li l-​Bibbja tgħallem dwar Ġenna tal-​art huwa ċar. Veru li Adam u Eva tilfu l-​privileġġ li jgħixu għal dejjem f’Ġenna tal-​art, imma l-​art se terġaʼ tkun ġenna. Bħalma wiegħed Alla, hu se jbierek lin-​nies fuq l-​art. David qal li l-​ġwejdin u l-​ġusti se jirtu l-​art u jgħixu fiha għal dejjem. U l-​profeziji fil-​ktieb taʼ Isaija jgħinuna nħarsu ʼl quddiem għal żmien meta aħna se ngawdu l-​ħajja fuq art magħmula ġenna sabiħa. Dan meta se jseħħ? Meta l-​wegħda li Ġesù għamel lill-​kriminal titwettaq. Int tistaʼ tkun f’dik il-​Ġenna tal-​art. F’dak iż-​żmien, dak li l-​aħwa qalu fil-​konvenzjoni fil-​Korea se jsir realtà: “Narawkom fil-​Ġenna tal-​art!”

^ par. 18 Il-​Professur C. Marvin Pate kiteb li ħafna studjużi jemmnu li meta Ġesù qal “illum,” hu ried jgħid li kien se jmut u jkun il-​Ġenna f’dak il-​jum, jew fi żmien 24 siegħa. Il-​Professur Pate żied jgħid li l-​problema f’din l-​idea hi li din ma taqbilx maʼ fatti oħra fil-​Bibbja. Pereżempju, il-​Bibbja tgħid li Ġesù kien fil-​Qabar wara li miet u li iktar tard mar is-​sema.—Mattew 12:40; Atti 2:31; Rumani 10:7.

^ par. 21 Ara “Mistoqsijiet mill-​qarrejja” fil-​ħarġa bl-​Ingliż tat-​Torri tal-​Għassa mhux simplifikat taʼ Diċembru 2018.